
3 minute read
SUMMER LUST – FESTIVAL MUŻIKALI F’ĦAL GĦAXAQ
Kitba ta’ CLIFFORD GALEA
Għaxaq Music Events għadhom kemm ħabbru d-dettalji tal-Festival Mużikali Summer Lust li se jittella’ fir-raħal ta’ Ħal Għaxaq nhar il-Ġimgħa 19 u s-Sibt 20 ta’ Mejju. Għal sena oħra, Għaxaq Music Events ser joffru spettaklu mużikali fuq jumejn li matulhom ser jippruvaw jilħqu gosti mużikali differenti biex kulħadd ikun jista’ jmur igawdi l-mużika li togħġbu.
Advertisement
Dan il-festival bħal dejjem, ser ikun qiegħed jiftaħ l-istaġun tas-sajf u proprju minn hemm nibtet l-idea tal-isem għaliex xi ftit jew wisq, kulħadd huwa għatxan u ħerqan għal dak kollu li jġib miegħu s-sajf Malti.
Daħal sew fil-kalendarju kulturali mhux biss dak Għaxqi imma wkoll fuq livell akbar, fejn ħmistax qabel tiġi ċċelebrata l-festa ad unur San Ġużepp, fir-raħal pittoresk ta’ Ħal Għaxaq, Għaxaq Music Events jieħdu ħsieb li jorganizzaw dawn il-jumejn ta’ spettaklu. Dan kollu jsir bl-għajnuna ta’ ammont sabiħ ta’ volontiera mill-istess għaqda. Xhur qabel, l-organizzaturi jorganizzaw laqgħat magħhom sabiex jitqassam ix-xogħol u jibdew il-preparamenti neċessarji.
Din is-sena, Summer Lust ser ikun qed jippreżenta numru ta’ artisti ta’ fama internazzjonali kif ukoll talent Malti. Bħalma sar tul dawn l-aħħar 22 sena, dan l-ispettaklu annwali ser jittella’ fil-Grounds ta’ Ħal Għaxaq li jinsabu eżattament fiċ-ċentru tal-lokalità. L-organizzaturi ħadu ħsieb biex bħas-snin imgħoddija, dan il-festival ikun offrut b’xejn għal dawk kollha li jattendu. Madanakollu, tiġi mitluba donazzjoni fl-entratura li din is-sena l-għotjiet kollha ser imorru b’risq id-Dar tal-Providenza. Hawnhekk tajjeb insemmu li fl-aħħar sentejn li ttella’ dan il-festival, mid-donazzjonijiet fl-entratura, ingħataw kważi €35,000 lil ALSMalta biex ikunu jistgħu jkomplu jaħdmu fuq il-proġetti tagħhom.
Hija ħaġa ferm mill-isbaħ li fi spettakli bħal dawn igawdu wkoll nies li jkunu għaddejjin minn xi tbatijiet differenti.
Summer Lust ser jiftaħ is-separju tiegħu nhar ilĠimgħa 19 ta’ Mejju bi spettaklu sħiħ mis-snin 90. F’din il-ġurnata ser ikollna esibizzjoni minn talent internazzjonali mżewwaq b’talent lokali.
Fis-serata ser jieħdu sehem l-aqwa personalitajiet barranin rinomati mis-snin 90, fosthom Dj Sash, bil-produzzjonijiet kbar tiegħu fosthom Ecuador , Stay u Mysterious times ; Sonique b’ It feels so good , Alive u Sky Magħhom jingħaqdu l-kantanti Maria Nayler bil-kanzunetti tagħha; One is One u Naked & Sacred u Kirsty Hawkshaw bil-produzzjonijiet tagħha Just Be u Fine day Ma’ dawn l-artisti internazzjonali se jkun hemm ukoll id-DJs Maltin Ryan Spiteri u Tenishia.
L-għada, is-Sibt 20 ta’ Mejju, l-ispettaklu jkompli bil-grupp Scandinavian Pink Floyd. Dan il-grupp mużikali ser jagħmel ir-ritorn tiegħu wara li 13-il sena ilu ta spettaklu impekkabbli fl-istess post. Żgur se jkun hemm xalata ta’ mużika tal-grupp Pink Floyd li se tinżel għasel ma’ dawk kollha li għandhom għal qalbhom lil dan il-grupp li tant kiseb suċċess matul is-snin.
L-organizzaturi ser jieħdu ħsieb jarmaw dawl bi spettaklu li huwa sinonimu ma’ dan il-grupp u jkunu jistgħu jitgawdew aħjar siltiet bħal Comfortably Numb , Another Brick in the wall , Gig in the sky, Money , High hopes , Run like hell u Shine on you crazy diamond . Dan il-kunċert ser jittella’ fil-50 anniversarju minn meta l-grupp Pink Floyd ħareġ l-album The Dark Side of the Moon
Qabel dan il-grupp, se jagħti spettaklu Matthew James waqt li l-għeluq ser jitħalla f’idejn Ziggy li jagħlaq il-festival Summer Lust.
Bħal dejjem, dan il-festival ser ikun qed jiġi offrut b’xejn lil kulħadd minħabba li l-interess tal-organizzaturi dejjem kien li jferrħu u joħolqu memorji lil dawk kollha li jattendu.
Però, għal dawk li jixtiequ jakkwistaw biljetti VIP, għandhom jagħmlu dan billi jżuru s-sit www.showshappening.com. Iktar informazzjoni għandha tingħata fil-ġimgħat li ġejjin fuq issit soċjali Facebook, fil-paġna Għaxaq Music Events.
Tajjeb insemmu wkoll li ser ikun hemm żoni apposta għall-parkeġġ u b’hekk dan m’għandux ikun ta’ problema.
Żgur li festival bħal dan mhux biss ser joffri spettaklu ta’ mużika, iżda wkoll spettakli ta’ dwal u effetti oħra fosthom spettaklu ta’
Din is-sena, Summer Lust ser ikun qed jippreżenta numru ta’ artisti ta’ fama internazzjonali kif ukoll talent Malti. Bħalma sar tul dawn l-aħħar 22 sena, dan l-ispettaklu annwali ser jittella’ fil-Grounds ta’ Ħal Għaxaq li jinsabu eżattament fiċ-ċentru tal-lokalità. L-organizzaturi ħadu ħsieb biex bħas-snin imgħoddija, dan il-festival ikun offrut b’xejn għal dawk kollha li jattendu nar mill-kamra tan-Nar San Ġużepp ta’ Ħal Għaxaq u briju fost dawk preżenti. Dan kollu ser jingħaqad flimkien sabiex verament tinħoloq serata memorabbli għal dawk kollha li jinġabru flimkien f’dawn l-iljieli maġiċi.
Dan il-festival qiegħed isir b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti. Il-pubbliku huwa mħeġġeġ jattendi għal dawn l-attivitajiet mużikali li joffru spettakli mill-isbaħ ta’ kull sena, immirati lejn il-pubbliku inġenerali.