
3 minute read
Sekwestru
Ipproteġi l-Benefiċċju tas-Sigurtà Soċjali tiegħek minn Sekwestru
Permezz tal-emenda għall-Artikolu 381 tal-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili, Kap. 12. tal-Ligijiet ta’ Malta, ġie stabbilit illi ma jistax jinħareġ mandat ta’ sekwestru mhux biss fuq kull benefiċċju, pensjoni, allowance jew għajnuna imsemmija fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318.) jew pensjoni privata jew kwalunkwe pensjoni, benefiċċju jew allowance oħra maħruġa mill-Gvern jew gvern barrani ieħor, iżda ukoll fuq kontijiet bankarji li huma wżati sabiex benefiċjarji jirċievu l-imsemmija benefiċċji.
Bis-saħħa ta’ din l-emenda, ġie wkoll stabbilit illi l-banek lokali għandhom jiżguraw illi l-benefiċċji soċjali riċevuti fil-kontijiet tal-benefiċjarji m’għandhomx jiġu milqutin bl-effett ta’ mandat ta’ sekwestru. Barra minn hekk, l-emenda tistipula wkoll li l-banek lokali għandhom jiftħu kontijiet bankarji separati sabiex fihom kull benefiċjarju jkun jista’ jirċievi l-benefiċċji soċjali.
Għaldaqstant, kull individwu li jibbenefika minn benefiċċju soċjali hawn fuq elenkat, għandu, f’każ li jinħareġ mandat ta’ sekwestru fuq il-kontijiet bankarji tiegħu, jagħmel kuntatt minnufih mal-bank tiegħu sabiex tali benefiċċji jiġu meħlusin mill-effett tal-mandat ta’ sekwestru. _____________________________________ Minn meta daħlet fis-seħħ l-emenda fil-liġi li tirregola mandat ta’ sekwestru fuq beneficcju socjali?
_____________________________________ Mid-29/10/2021, l-Artikolu 381 tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili (Kap. 12.) ġie emendat sabiex ma jinżammu l-ebda benefiċċji kontra mandat ta’ sekwestru. Jekk għandek mandat ta' sekwestru, jekk jogħġbok informa lill-bank preferut tiegħek dwar l-emenda għall-Artikolu 318 tal-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili, biex ikollok kont bankarju maħruġ f'ismek kif meħtieġ.
_____________________________________ X’għandi nagħmel f’każ li nirċievi mandat ta’ sekwestru u qed nircievi beneficcju socjali?
_____________________________________ F’każ li tirċievi mandat ta’ sekwestru, tista’ minnufih tagħmel kuntatt mal-bank lokali tiegħek sabiex il-benefiċċji tiegħek ma jiġux milqutin negattivament bl-effett tal-mandat.
_____________________________________ Għandi bżonn xi prova jew dokumentazzjoni biex tiġi pprovdutai lill-bank?
_____________________________________ Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ser jieħu ħsieb illi jipprovdi lill-individwu bid-dokumentazzjoni rikjesta sabiex ikun jista’ jipprovdiha lil bank. Għalhekk huwa fl-interess tiegħek li titlob id-dokumentazzjoni mingħand id-Dipartiment sabiex tkun tista’ tipprovdihom lill-bank lokali tiegħek billi ċċempel Freephone 153 jew iżżur wieħed miċ-ċentri ta’ servizz.gov.
_____________________________________ X’għandi nagħmel f’każ li mandat ta’ sekwestru ħareġ qabel ma daħlet din l-emenda?
_____________________________________ Din l-emenda ser tkun qed tapplika għal dawk il-mandati li daħħlu fis-seħħ wara li ġiet introdotta l-emenda. Fil-każ ta’ mandati li nħarġu qabel l-introduzzjoni ta’ din l-emenda, l-individwu jista’ xorta waħda jagħmel kuntatt mal-bank sabiex minn dik id-data li fiha jsir il-kuntatt, il-benefiċċji ma jibqgħux jiġu milqutin bl-effett tal-mandat.
_____________________________________ Fil-kont personali tiegħi għandi flejjes oħra apparti benefiċċji soċjali, dawn x’isir minnhom?
_____________________________________ Jekk fil-kont bankarju tiegħek għandek flejjes li m’humiex benefiċċji soċjali, dawn ser jibqgħu milqutin bl-effett tal-mandat ta’ sekwestru. Huma biss benefiċċji soċjali kif imsemmija fil-liġi li m’humiex ser ikunu milqutin bl-effett tal-mandati. _____________________________________ F’każ li għandi kont bankarju li fih nirċievi l-benefiċċji soċjali u nirċievi mandat ta’ sekwestru, x’ser ikun qiegħed jagħmel il-bank?
_____________________________________ Wara li tagħmel kuntatt mal-bank, il-benefiċċji soċjali m’għandhomx jibqgħu milqutin bl-effett tal-mandat. Il-Liġi tistipula wkoll li l-bank jista’ jiftaħlek kont ieħor separat f’ismek li jkun użat esklussivament għal depożiti ta’ benefiċċji soċjali. F’dan il-każ għandek tinforma minnufih lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali bin-numru tal-IBAN ta’ dan il-kont il-ġdid.
_____________________________________ Nista’ nirċievi il-benefiċċju b’ċekk minflok?
_____________________________________ L-emenda fil-liġi ġiet introdotta sabiex kull benefiċċju, allowance, għajnuna jew pensjoni mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318.), ma jiġux maqbuda taħt ordni ta’ mandat ta’ sekwestru. Għaldaqstant, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jinkoraġġik sabiex il-pagamenti tiegħek tirċevihom f’kont bankarju.



_____________________________________ S’issa nirċievi l-benefiċċju b’ċekk. Jekk għandi mandat ta’ sekwestru x’irid nagħmel?
_____________________________________ Jekk bħalissa qed titħallas pagamenti mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali u tirċievi mandat ta’ sekwestru, għandek minnufih tagħmel kuntatt mal-bank lokali tiegħek sabiex kif tistipula l-liġi, il-bank jista’ jiftaħlek kont f’ismek li jkun użat esklussivament għal depożiti ta’ benefiċċju soċjali.
_____________________________________ Ser nibqa nirċevi l-benefiċċju b’ċekk?
_____________________________________ Jekk bħalissa qed titħallas pagamenti mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali permezz ta’ ċekk, tista’ tbiddel id-dettalji sabiex tibda tirċievi l-pagament b’depożitu dirett il-bank. Huwa maħsub li fil-futur qrib ma jibqgħux jinħarġu pagamenti permezz ta’ ċekk _____________________________________ F’każ li l-bank iżommli l-pagament, x’għandi nagħmel?

_____________________________________ Ma jistax jinħareġ mandat ta’ sekwestru fuq kull benefiċċju, pensjoni, allowance jew għajnuna msemmija fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318.), kif ukoll fuq kontijiet bankarji li huma wżati sabiex benefiċjarji jirċievu l-imsemmija benefiċċji. Għalhekk, għandek minnufih tagħmel kuntatt mal-bank lokali tiegħek sabiex tali benefiċċji jiġu meħlusin mill-effett tal-mandat ta’ sekwestru. Jekk għal xi raġuni wara li tkun għamilt kuntatt mal-bank dan xorta iżommlok il-pagament, inti għandek minnufiħ tinforma lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali billi ċċempel Freephone 153 jew iżżur wieħed miċ-ċentri ta’ servizz.gov.
