
1 minute read
Is-Sa Ruth Sciberras
Ftehim ta’ kollaborazzjoni bejn tliet Ministeri
Esperti u professjonisti li jaħdmu fil-qasam tad-diżabilità, flimkien mal-ġenituri ta’ tfal b’diżabilità, kollha jaqblu li aktar ma dawn it-tfal jintlaħqu u jibdew jirċievu s-servizzi neċessarji minn kmieni, aktar ikun ta’ benefiċċju għalihom. Is-servizzi soċjali, edukattivi u mediċi disponibbli għal dawn it-tfal f’Malta huma sostanzjali. Madankollu xorta tinħass il-ħtieġa li l-familjari jkollhom aċċess għal dawn is-servizzi b’mod aktar ħolistiku.
Għaldaqstant fil-ġimgħat li għaddew tnieda ftehim bejn il-Ministeru għallFamilja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, u l-Ministeru tas-Saħħa. Dan il-ftehim iġib flimkien diversi servizzi fi ħdan dawn il-Ministeri u permezz ta’ kumitat inter-ministerjali qed jiġu analizzati dawn is-servizzi waqt li titfassal strateġija dwar kif tista’ titjieb il-kollaborazzjoni fl-operat ta’ bejniethom li ssarraf f’servizz ħolistiku lit-tfal u l-ġenituri tagħhom. Din l-istrateġija tassigura screening tat-tfal sabiex mit-twelid sal-età ta’ 16-il sena, jiġu identifikati u jingħarfu diffikultajiet, kemm fl-iżvilupp fiżiku, kif ukoll dak intellettwali u jittieħdu l-passi preventivi kollha li jkun hemm bżonn għall-aħjar żvilupp tagħhom. Is-servizzi inklużi f’din il-miżura jiġbru dawk is-servizzi tas-saħħa mogħtija lit-tfal sa mit-twelid fl-isptar għal dawk mogħtija lilhom matul is-snin, anke f’kuntest ta’ skejjel talistat u tal-knisja, kif ukoll il-proġett ‘Lenti’ mmexxi mill-Ministeru talEdukazzjoni. It-tfal ser ikunu qed jibbenefikaw minn servizzi ta’ assessjar u riferti lejn is-servizzi mhux biss mediċi, iżda wkoll fil-qasam edukattiv kif ukoll dak soċjali. L-Aġenzija Sapport li qed tmexxi dan il-kumitat interministerjali, ser tkun f’pożizzjoni sabiex tilħaq b’mod aħjar lil dawk il-ġenituri fil-mumenti diffiċli meta tingħata l-aħbar ta’ dijanjożi ta’ diżabilità fit-tfal tagħhom. Il-pass li jmiss ikun dak li ladarba titfassal l-istrateġija proposta minn dawn l-esperti, din titnieda għal konsultazzjoni pubblika. Dan jagħti lok sabiex l-entitajiet rispettivi jkunu f’pożizzjoni aħjar li mhux biss jindirizzaw il-bżonnijiet ta’ dawn ilfamilji iżda jużaw dik l-informazzjoni għal pjanar ta’ servizzi li tfal jistgħu jiġu bżonn aktar ’il quddiem meta jikbru. Matul dan il-proċess qed ikun assigurat ukoll li l-istrateġija li ser tiġi proposta, tkun konformi mal-Att dwar Opportunitajiet Indaqs kif ukoll malKonvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Dan il-proġett hu l-implimentazzjoni ta’ proposta tal-manifest elettorali.
Ruth Sciberras
Kap Eżekuttiv, Aġenzija Sapport