
4 minute read
Kalendarju T’Attivitajiet | 20 Kraft Tradizzjonali | 21 Riċetta Tradizzjonali
Hawn taħt hawn 16‑il attività, waħda kull ġimgħa. Ipprova sib imqar ġurnata waħda fil‑ġimgħa biex tagħmel l‑attività mniżżla. Aktar ma tagħmel attivitajiet matul il‑ġimgħa aħjar. Kull attività li tagħmel tikseb 5 punti. Ara kemm ser jirnexxilek tikseb punti sakemm terġa’ tibda l‑iskola.
ĠIMGĦA ATTIVITÀ
1
(6‑12 ta’ Ġunju) Bdew in‑nofstanhari – sib ħin biex taqra aktar.
2
(13‑19 ta’ Ġunju) Żmien l‑eżamijiet – studja ħalli tmur tajjeb.
3
(20‑26 ta’ Ġunju)
Żmien l‑eżamijiet – agħmel reviżjoni ta’ dak li studjajt.
4
(27 ta’ Ġunju‑3 ta’ Lulju) Bdew il‑vaganzi – ħu ħsieb irranġa kamartek u armi li m’għandekx bżonn.
5
(4‑10 ta’ Lulju) Ipprova sib ħin biex titlob għal min hu bil‑ġuħ.
6
(11‑17 ta’ Lulju)
Sib ħin biex tagħmel kartolina b’messaġġ għal xi ħadd li tħobb.
7
(18‑24 ta’ Lulju) Din il‑ġimgħa ddedikaha biex tgħin aktar fix‑xogħol tad‑dar.
8
(25‑31 ta’ Lulju) Agħmel kraft utli bħal ‘pencil holder’ jew ‘mobile holder’.
9
(1‑7 ta’ Awwissu)
Ftakar f’dawk li m’għandhomx saqaf fuq rashom u itlob għalihom.
10
(8‑14 ta’ Awwissu) Ipprova ikteb storja qasira jew poeżija.
11
(15‑21 ta’ Awwissu)
Sib ħin u aqra silta mill‑Bibbja jew storja mill‑Bibbja tat‑tfal.
12
(22‑28 ta’ Awwissu) Ikteb ittra ferriħija lil xi ħabib/a jew qarib/a li ilek ma tara.
13
(29 ta’ Awwissu‑4 ta’ Settembru) Għid grazzi lill‑familjari u urihom li tapprezza dak kollu li jagħmlu miegħek.
14
(5‑11 ta’ Settembru) Aqdi lil xi ħadd biex ittaffilu mix‑xogħol li għandu. Pereżempju sajjar xi ħaġa jew agħmel ix‑xirja.
15
(12‑18 ta’ Settembru)
Itlob għat‑tfal li jixtiequ jmorru l‑iskola, imma m’għandhomx l‑opportunità.
16
(19‑25 ta’ Settembru) Daqt tibda l‑iskola – ipprepara l‑uniformi u l‑basket tal‑iskola.
Grazzi
Punti miksuba:
0‑70 punt: Stajt għamilt ftit iktar sforz, imma taqtax qalbek, ibqa’ pprova anke fix‑xhur li ġejjin. 70‑100 punt: Tajjeb ħafna; irnexxielek tagħmel ħafna affarijiet tajbin matul il‑vaganzi tas‑sajf. Ipprova kompli segwi dawn l‑attivitajiet anke fix‑xhur li ġejjin. Aktar minn 100 punt: Prosit tassew! Mort tajjeb ħafna. Ibqa’ sejjer hekk ħalli tkun kuntent inti u ta’ madwarek. Kompli b’dawn l‑attivitajiet fix‑xhur li ġejjin.
Nancy Camilleri KAPPELL ALPIN
MILL‑ĠERMANJA
Kun żgur li tissorvelja lit‑tfal meta jkunu qedgħin jagħmlu l‑krafts.
X’għandek bżonn:
• Karta ħoxna u kbira ta’ lewn ħadrani • Kolla • Biċċa lasktu • Klips tal‑karti • Taqqaba • Rix u fjuri artifiċjali
Metodu:
1.Itwi fi tnejn il‑karta għat‑tul u agħfas sew it‑truf mitwija. 2.Itwi l‑kantunieri ta’ fuq ’il ġewwa lejn in‑nofs tal‑karta u agħfas fejn twejt. 3.Itwi l‑parti t’isfel, waħda ’l quddiem u l‑oħra lura, u agħfas sew fejn twejt. 4.Itwi l‑kantunieri n‑naħa ta’ ġewwa, tnejn kull naħa, u nkullahom. Żommhom permezz tal‑klips tal‑karti. 5.Waħħal rixa fuq ġewwa tal‑qasma tan‑nofs tal‑kappell. 6.Bit‑taqqaba, taqqab toqba kull naħa u għaddi l‑lasktu sabiex isservi bħala ċinga taħt geddumek ħalli ma jaqagħlekx il‑kappell. 7.Żejjen il‑kappell b’xi fjuri.
Kont taf li: dan il‑kappell relatat mal‑Ġermanja, oriġinarjament beda mit‑Tyrol u l‑Alpi? Imma llum il‑ġurnata huwa wkoll parti mill‑kultura tal‑Awstrija u pajjiżi oħra ġirien. Il‑kappell kien ikun bil‑ponta u magħmul minn felt aħdar. Ix‑xifer tiegħu kien daqs pala tal‑id, però jeżistu diversi forom ta’ dawn il‑kpiepel. Dawn ikunu mżejnin b’xi rix u fjuri komuni ħafna f’dawn il‑postijiet. Il‑kappell Alpin kien jilbsu ħafna r‑Re Dwardu VIII tal‑lngilterra, tant li fis‑Seklu 20 kien sar parti mill‑kostum tal‑irħula tat‑Tyrol u anki sar moda ħafna f’dawk iż‑żminijiet. Illum sar parti mill‑kultura tagħhom u jintlibes waqt festi kulturali li jkunu akkumpanjati mill‑mużika folkloristika.
Claudia Cini FROĠA BIZ‑ZALZETT
U PATATA ĦELWA
MINN SPANJA
X’għandek bżonn (għal 4 persuni):
• 2 mgħaref żejt taż‑żebbuġa • 200 gramma zalzett tal‑majjal pikkanti (chorizo) • 4 basliet imqattgħin fin • 250 gramma patata ħelwa • 6 bajdiet kbar • 3 mgħaref tursin imqatta’ fin • Bżar kemm tiggosta
Metodu:
• Saħħan iż‑żejt ġo taġen kbir b’qiegħ ta’ 9 pulzieri dijametru. • Aqli z‑zalzett sa ma’ jiħmar. Żid il‑basal u kompli aqli. • Aqta’ l‑patata f’dadi żgħar u ixħet fit‑taġen. • Xħin tiħmar il‑patata, għatti t‑taġen u kompli sajjar sa ma l‑patata ssir. • Sadanittant, ħabbat il‑bajd ġo skutella u żid il‑bżar u t‑tursin. • Ixħet ftit ftit it‑taħlit tal‑bajd ġot‑taġen u sajjar sa ma l‑qiegħ tal‑froġa jiħmar. • Kompli sajjar il‑wiċċ tal‑froġa taħt il‑grill. • Servi bi ftit tursin imqatta’ frisk fil‑wiċċ u insalata. Buen Provecho! (L‑Ikla t‑Tajba!)
Nota: It‑tisjir huwa sabiħ speċjalment meta t‑tfal jagħmluh ma’ dawk li jieħdu ħsiebhom, però importanti li nieħdu l‑miżuri ta’ sigurtà meħtieġa. Qabel tibda ħu ħsieb aħsel idejk sew, inża’ l‑ġojjellerija, neħħi xagħrek minn quddiem wiċċek u ilbes ilbies addattat. Itlob l‑għajnuna ta’ persuna adulta, speċjalment jekk ser tuża oġġetti li jaqtgħu, ser tuża n‑nar u/jew l‑elettriku. Spanja huwa t‑tieni l‑akbar pajjiż fl‑Ewropa u s‑sitt l‑aktar popolat fl‑Ewropa bi kważi 47 miljun ruħ? Sas‑Seklu 15, Spanja kienet maqsuma f’diversi saltniet li kienu jitkellmu b’lingwi differenti, sakemm kien hemm żwieġ bejn żewġ Monarkiji Kattoliċi, Ferdinand ta’ Aragona u Isabella ta’ Kastilja. L‑Ispanjol huwa t‑tieni l‑aktar lingwa mitkellma fid‑dinja, wara dik Ċiniża; b’kollox 406 miljun ruħ. Minkejja li 70% tal‑popolazzjoni hija Kattolika, 13.6% biss imorru l‑knisja kull nhar ta’ Ħadd. L‑ewwel novella fuq stil modern inkitbet mill‑Ispanjol Cervantes fl‑1605 bl‑isem Don Quixote. Nofs iż‑żejt taż‑żebbuġa tad‑dinja kollha huwa manifatturat fi Spanja, u li kważi kollu jiġi mir‑reġjun ta’ Andalusja.