
1 minute read
L‑Istorja ta’ Chen
Chen ‑ “Għandi ċans inkompli l‑istudji tiegħi u naħdem ukoll. Qisni għandi ħajja ġdida!”
Sa għaxar snin ilu, il‑ħajja ta’ Chen kienet differenti ħafna hekk kif kien jieħu gost imur l‑iskola, jgħin lill‑familja tiegħu fir‑razzett u jilgħab il‑futbol ma’ sħabu. Imma kollox inbidel, meta Chen rifes fuq mina tal‑art li ħaditlu saqajh t‑tnejn. Fil‑bidu kienet diffiċli wisq għal Chen biex jaċċetta li ma setax jimxi iktar b’mod normali bħal qabel. Il‑limitazzjoni kienet kemm fiżika kif ukoll mentali, hekk kif beda jħossu ta’ piż fuq il‑familja tiegħu li diġà kienu qed jitħabtu finanzjarjament.
Meta t‑tama dehret mitlufa, Chen instab mill‑Isqof Kike Figaredo u t‑tim taċ‑Ċentru Arrupe. Illum l‑ġurnata, Chen mhux biss ma jħossux ta’ piż, imma jgawdi suċċess akkademiku u professjonali. Fil‑fatt, illum l‑ġurnata Chen qed jistudja l‑ipprogrammar tal‑IT fl‑università filwaqt li jaħdem fiċ‑ċentru tat‑tessuti ‘La Paloma’. Apparti minn hekk, huwa meqjus ta’ eżempju kbir għal żgħażagħ residenti oħra fiċ‑ċentru, għax bl‑istess mod li sab s‑sapport u l‑imħabba hu, issa qiegħed jagħti s‑sapport huwa stess lil residenti oħra sħabu.
Chen qed jingħata ċans ieħor grazzi għaċ‑Ċentru Arrupe u għal Missio li jgħin lil dan iċ‑ċentru bis‑saħħa tad‑donazzjonijiet u l‑qlub ġeneruża tal‑Maltin u l‑Għawdxin.