Eleo u l-Pjaneta Babil

Page 1

Eleo

u l-

Pjaneta Babil

Malta UNESCO Youth Association



Eleo

u l-

Pjaneta Babil

IbbaĹźat fuq id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem



Drittijiet kollha miżmuma 2013, Malta UNESCO Youth Association u l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal Ippubblikat minn Progress Press Triq l-Intornjatur, Qasam Industrijali, Mrieħel, B’Kara. BKR3000 – Malta L-ewwel edizzjoni bl-Ingliż: 2011 Kitba ta’ Sarah Suda, Christianne Caruana, Philip Caruana, Alexander Thenner Tpinġija ta’ Nicole Diacono L-ewwel edizzjoni bil-Malti: 2013 Inizjattiva u Finanzjament tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal Traduzzjoni ta’ Trevor Zahra

Jekk tkun tixtieq tagħmel traduzzjoni ta’ dan il-ktieb f’lingwa oħra, aħna nkunu kuntenti li nipprovduk bir-riżorsi u l-assistenza neċessarja. Għal dan il-għan ikkuntatja lill-Malta UNESCO Youth Association fuq info@muya.info.



Dan il-ktieb huwa ddedikat lil uliedna, Aaliyah u Rosaleen u lit-tfal kollha, bit-tama li jikbru f’dinja aktar paċifika.


Nota tal-awturi Dan il-ktieb huwa bbażat fuq id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, li ġiet introdotta mill-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda fl-10 ta’ Diċembru 1948. Din id-Dikjarazzjoni ġiet adottata wara lid-dinja għaddiet mill-ħerba tat-Tieni Gwerra Dinjija. Wara traġedja hekk kbira li damet sejra għal ħafna snin u li laqtet miljuni ta’ nies madwar id-dinja kollha, il-mexxejja ta’ ħafna pajjiżi qablu li ħaġa bħal din m’għandha terġa’ sseħħ qatt. Flimkien huma fasslu d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, li hija r-regola fundamentali li tiggarantixxi d-drittijiet bażiċi ta’ kull persuna. Huma lkoll iffirmaw din id-Dikjarazzjoni u wiegħdu li, l-popli ta’ pajjiżhom jiġu mħarsa skont l-artikli ta’ din id-Dikjarazzjoni. Għalkemm id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, ilha magħna għal aktar minn sittin sena, jekk nagħtu daqqa t’għajn madwarna malajr nintebħu li mhux dejjem qed tiġi osservatha, kemm mill-popli kif ukoll mill-pajjiżi. F’dan il-ktieb għandna l-istorja ta’ Eleo, tifel ċkejken li jgħix fil-pjaneta ideali ta’ Babil, fejn in-nies irnexxielhom jgħixu fil-paċi flimkien għal ħafna snin. Iżda sfortunatament il-pjaneta għandna problemi oħra u flimkien ma’ Eleo u n-nannu Baabi aħna nsiru nafu kif qed jgħixu fuq din il-pjaneta u x’qed jagħmlu l-Babiljani biex jegħlbu l-isfidi li jiffaċċjaw. Sarah, Christianne, Philip u Alex Malta UNESCO Youth Association Novembru 2011


Sebħet ġurnata xemxija fuq il-pjaneta Babil. Din kienet pjaneta tonda, tonda li fuqha kienu jgħixu l-Babiljani, kif ukoll il-Puntini u l-Qtajrini. Dawn kienu nies minn pjaneti oħra. Iżda lkoll kienu jgħixu flimkien bħal aħwa. Iċ-ċkejken Eleo daħal jiġri fid-dar ta’ nannuh. “Nannu Baabi,” qallu kollu eċitat, “smajthom jgħidu li l-pjaneta sabiħa tagħna se taħbat mal-pjaneta tal-Puntini u tinfaqa’ bil-ponot tagħhom.” In-nannu Baabi tbissimlu u talbu jpoġġi bil-qiegħda. “Iva Eleo, hekk hu,” qallu. “Imma m’għandekx għax tħabbel rasek. Bi ħsiebna nerġgħu nibagħtu lil xi Babiljan fl-ispazju biex isibilna pjaneta ġdida fejn inkun nistgħu ngħixu fil-paċi lkoll flimkien... l-istess kif qegħdin hawnhekk.” “U għalhekk illum nixtieq ngħidlek xi żewġ sigrieti,” komplielu nannuh. “L-aħħar darba li konna qed nibnu pjaneta ġdida, kienu bagħtu lili fl-ispazju. Kont sibt pjaneta blu tassew sabiħa u minnha ġibt ktieb li fih ir-regoli ta’ kif ngħixu ħajja ferrieħa. Ejja Eleo, imxi mmorru passiġġata ħa ngħidlek kollox.” 1


Wara xi ħames minuti mixi, Eleo u n-nannu għaddew minn quddiem nursery. Mit-tieqa lemħu ners qed tieħu ħsieb ħafna trabi. Fosthom kien hemm ħafna trabi Babiljani ta’ lewn differenti. Magħhom kien hemm tarbija Qtajrina li kienet qed tibki kemm tiflaħ. Eleo lemaħ ukoll Bablini ċkejknin qed jilagħbu ma’ Puntini żgħar. Kienu qed jilagħbu fuq tapit kbir u l-Puntini kienu qed joqogħdu attenti ħafna li ma jweġġgħux lill-Bablini bil-ponot tagħhom. “Ħares Eleo,” qallu n-nannu Baabi, “fil-pjaneta tagħna Babil, jitwieldu kuljum ħafna Bablini. “Iva, nann,” wieġbu Eleo, “imma għaliex aħna daqstant differenti?” In-nannu ħa gost bil-mistoqsija ta’ Eleo u qallu: “Tassew... aħna lkoll nitwieldu differenti minn xulxin, imma aħna lkoll l-istess u dejjem lesti ngħinu lil xulxin bħala familja waħda. Ħares sewwa madwarek.”

2


In-nannu mexxa lil Eleo lejn il-pjazza fejn kien hemm wieqaf l-arblu ta’ Mejju. Dan kienu għamluh apposta għall-festa tal-pjaneta Babil. In-nannu Baabi u Eleo ħadu gost jaraw lill-Bablini jiżfnu u jduru madwar l-arblu. Il-Bablini għandhom ġilda ta’ kulur differenti u għalkemm ilkoll jissejħu Bablini mhumiex kollha Babiljani. Ilkoll kellhom f’idejhom żigarella kkulurita li kienu qed jimmaljawha mal-arblu waqt li jaqbżu u jduru tond mdwaru. “Ħares lejn dawk il-Bablini,” qallu n-nannu, “ilkoll differenti imma qed jilagħbu u jieħdu gost flimkien. Għalhekk Babil hija pjaneta mill-isbaħ.” “Mela għalhekk qatt ma kont tgħajjat miegħi meta noħroġ nilgħab ma’ Bablini differenti minni,” wieġbu Eleo. U minnufih Eleo fehem li meta tilgħab ma’ tfal differenti minnek, il-logħba ssir isbaħ. U l-ħajja tinħass aktar interessanti. 3


Komplew jimxu u wara ftit Eleo u Baabi waslu fil-park il-kbir. Hemmhekk lemħu grupp ta’ Bablini qed itajru ħafna tajr ikkulurit. Ilkoll kienu qed jgħinu lil xulxin, avolja mhux ilkoll kienu tfal Babiljani. Magħhom kien hemm jilagħbu tfal Puntini u tfal Qtajrini. Ilkoll kienu qed jgħinu lil xulxin biex it-tajr tagħhom jitla’ kollu jittajjar fl-istess għoli. Eleo beda jitbissem bil-qalb meta ra dik id-dehra sabiħa. “Xi ġmiel, nann!” beda jgħid Eleo. “Min jaf x’gost toqgħod ittajjar it-tajr!” “Hekk hu Eleo,” qallu nannuh. “Imma żomm f’moħħok li aktar nieħdu gost meta ngħinu lil xulxin. B’hekk it-tajr mhux biss ikun jista’ jtir kollu fl-istess għoli, imma jirnexxilu jitla’ ’l fuq wisq aktar minn hekk.”

4


In-nannu Baabi ddeċieda li jaqsmu l-park u jimxu minn taħt is-siġar. Eleo u n-nannu għaddew minn ħdejn grupp ta’ Babiljani qed jippreparaw għal barbikju.

Kull wieħed minnhom kien qed jagħmel xi ħaġa differenti. Tnejn kienu qed isajru waqt li l-oħrajn kienu qed inaddfu u jlestu l-mejda. “Mmm, x’riħa tfuħ!” qal Eleo. “Mank nistgħu nieklu magħhom!” In-nannu Baabi wkoll ħassu jiftaħ l-aptit u għalhekk qal lil Eleo li setgħu faċilment jingħaqdu magħhom, basta jagħtu sehemhom huma wkoll. Jiġifieri minbarra li jieklu, huma riedu jgħinuhom jippreparaw u jnaddfu kollox wara l-ikel. Fil-pjaneta ta’ Babil kulħadd kien jeħtieġ jagħti sehmu. Eleo qabel miegħu u n-nannu resaq lejn il-grupp. “Kif intom, ħbieb?” qalilhom. “Nistgħu ningħaqdu magħkom?” “Mela le,” wieġbu wieħed minnhom. “Ersqu ’l hawn ħa tagħtuna daqqa t’id.” 5


Wara li spiċċaw mill-ikel, kulħadd beda jnaddaf il-platt tiegħu u l-post fejn kien bil-qiegħda. Waqt li Bablinu ċkejken kien qed inaddaf il-platt tiegħu, xi skart waqagħlu barra mil-landa. Ommu xejn ma ħadet gost b’dan u sejħitlu ħdejha.

“Sabiħ, naf li dan kien daqxejn ta’ żball,” qaltlu ommu, “imma darba oħra oqgħod aktar attent. Mur iġbru u ixħtu fil-landa.” “Qed tara Eleo,” qallu nannuh, “tassew li dak it-tifel għamel żball, imma anki meta niżbaljaw, qatt ma niġu kkastigati bl-addoċċ.” Wara li spiċċaw mit-tindif, in-nannu qal lil Eleo li kien jaqblilhom ikomplu jimxu għax kien għad fadal ħafna x’jaraw! 6


In-nannu Baabi u Eleo mxew sa ma waslu fit-tarf tal-park u sabu ruħhom f’salib it-toroq. Dak kien post traffikuż ħafna, tant li kien hemm pulizija qed tiggwida l-karozzi, ir-roti u lill-pubbliku. “Nannu, dik il-pulizija x’inhi tagħmel?” staqsa Eleo. “Dik qed tikkontrolla t-traffiku,” beda jispjegalu nannuh. “B’hekk kulħadd ikollu moħħu mistrieħ.” “U għalfejn għandha dak il-ktieb fil-but?” “Dak huwa l-ktieb tar-regolamenti li jeħtieġ isegwi kull Babiljan,” kompla n-nannu Baabi. “Dawn ir-regoli jgħinuna ngħixu flimkien fil-paċi!”

7


Eleo u n-nannu Baabi qasmu t-triq bil-galbu u komplew jimxu sa ma waslu fil-grawnd fejn kienet qed tintlagħab logħba speċjali. “Ara nannu... qed jilagħbu l-ballun-dadu,” beda jgħajjat Eleo. “Ħares ftit,” qallu Baabi. “Ir-referee jeħtieġ li jkun fair maż-żewġ timijiet. “U allura x’għandu jagħmel ir-referee meta l-fans jibdew jgħajtu?” staqsa Eleo. “Ir-referee m’għandu qatt jinfluwenza ruħu mill-għajjat tal-fans,” wieġbu n-nannu, “imma dejjem għandu japplika l-istess regoli għal kulħadd.” 8


Eleo u n-nannu issa waslu quddiem il-Qorti. Dan kien bini kbir kollu trasparenti sabiex kull min jgħaddi minn barra jkun jista’ jara x’qed isir ġewwa. “Nann, x’inhu għaddej hemm ġew bħal issa?” “Xi Babiljani qed jitolbu li d-drittijiet tagħhom jiġu mħarsa,” qallu n-nannu Baabi. “Hemm żewġ avukati, wieħed biex jiddefendi naħa waħda u l-ieħor in-naħa l-oħra.”

“L-Imħallef jisma’ sewwa ż-żewġ naħat,” kompla n-nannu, “u wara jiddeċiedi min ikun il-ħati u x’kastig għandu jingħata. Dan jeħtieġ isir quddiem kulħadd. Sa ma jaslu għad-deċiżjoni, dak li jkun issuspettat li wettaq xi ħaġa ħażina, jista’ jinżamm f’post apposta fejn ma jkunx ħieles.” “Allura anki lili jistgħu jressquni quddiem l-Imħallef?” staqsa Eleo. “Jekk ma tiksirx ir-regolamenti ta’ Babli, la qatt titressaq quddiem l-Imħallef u lanqas tkun ikkastigat. Jekk tgħix ħajja tajba m’għandekx għalfejn tħabbel rasek.” 9


“Issa qed nifhem kollox,” tbissem Eleo waqt li reġa’ qabad id nannuh u komplew triqithom. Wara ftit, jaraw omm ta’ Qtajrinu ċkejken qed iċċanfar lil binha għax dehrilha li għamel xi ħaġa ħażina. “Le Ma, naċċertak li m’għamilt xejn ħażin,” beda jibki ċ-ċkejken. Ommu kkalmat u bdiet tipprova tirraġuna ma’ binha. “Qed tara Eleo,” beda jgħidlu n-nannu Baabi. “Kulħadd jitqies li huwa innoċenti sakemm jinġiebu provi li juru li jkun tassew għamel xi ħaġa ħażina.” U Eleo fehem din ukoll.

10


F’din il-passiġġata tagħhom Eleo u n-nannu waslu fi triq mimlija kollha djar sbieħ fuq kull naħa. Xi wħud kellhom it-twieqi u l-bibien miftuħin. Oħrajn kellhom il-purtieri mġerrija u avviż imwaħħal magħhom bil-kelma: “Tittawlux!” “Ħares Eleo,” qallu n-nannu Baabi, “ħadd mhu qed jittawwal minn bejn il-purtieri. Ilkoll jista’ jkollna l-post speċjali tagħna fejn ħadd ma jkun jista‘ joqgħod jittawlilna. Din tissejjaħ privatezza. F’Babil aħna nemmnu li kulħadd għandu jkollu l-post privat tiegħu fejn ma jdejqu ħadd.” Eleo beda jitbissem. “Allura kamarti nista’ nqisha bħala l-post privat tiegħi, hux hekk?” “Hekk hu, Eleo!” 11


Fit-tarf tat-triq kien hemm familja li kienet qed tippakkja xi affarijiet fil-karozza tagħha. Mal-karozza kellhom miktub li kienu sejrin vaganza ħdejn il-baħar In-nannu u Eleo waqfu jħarsu lejhom. “Dawk il-Puntini sejrin iqattgħu l-vaganza tagħhom fil-Bajja Ramlija ta’ Babil,” qallu n-nannu. “X’aktarx jgħaddu s-sajf kollu f’dak il-post. Aħna wkoll daqt nagħmlu bħalhom. F’din l-art tagħna, aħna lkoll nitħallew nivvjaġġaw bil-libertà kollha u mmorru fejn nixtiequ.”

12


Eleo u n-nannu Baabi ġibdu lejn iċ-ċentru tal-Belt. F’daqqa waħda ltaqgħu ma’ żewġ Qtajrini li kienu ħbieb tan-nannu. Waqfu jifirħu b’xulxin u tgħidx kemm ħadu gost jitkellmu. “Dawk il-Qtajrini huma Chrissy u Alex,” qal in-nannu lil Eleo meta ħbiebu komplew triqithom. “Mindu ġew jgħixu f’Babil jinsabu kuntenti ħafna għax fil-pjaneta tagħhom Sħabella ma kinux qed jiġu ttrattati sewwa.” Eleo ħa gost ukoll li Chrissy u Alex issa kienu qed jgħixu ħajja ferħana.

13


Malli waslu preċiżament fiċ-ċentru tal-Belt, Eleo u n-nannu ftakru li dakinhar kien hemm il-festival il-kbir ta’ Babil. Il-pjazza u t-triqat kienu maħnuqin bin-nies. Il-Babiljani, il-Puntini u Qtajrini kienu qed jagħmlu parata kbira, ilkoll ikantaw flimkien u jxejru ħafna bnadar f’idejhom. “Xi ġmiel nann!” waqaf jiskanta Eleo. “Kemm jidhru sbieħ dawk il-bnadar kull kulur!” “Iva Eleo,” qallu n-nannu Baabi, “f’Babil anki l-Puntini u l-Qtajrini jistgħu jsiru ċittadini tal-pjaneta sabiħa tagħna.” 14


Wara ftit, jilmħu karozza tat-tieġ bl-għarajjes ferħanin. Eleo waqaf ixejrilhom u jċapċap. “Ara nann, dik it-tfajla Babiljana għadha kemm iżżewġet ġuvni Puntin. Kemm jidhru kuntenti!” In-nannu Baabi beda jxejrilhom ukoll. “Iva Eleo, f’Babil kulħadd jista’ jiżżewweġ lil min irid; anki jekk ikun xi ħadd minn pjaneta oħra.”

“Allura jien ukoll inkun nista’ niżżewweġ?” staqsa Eleo. “Dażgur,” infexx jidħak in-nannu. “Imma għal issa għadek żgħir wisq. Trid tistenna sa ma jkun il-waqt!” 15


Min-naħa l-oħra tat-triq jilmħu Bablinu ġej lejhom fuq ir-rota. “Ħares nann,” beda jgħajjat Eleo, “dak il-Bablinu għandu rota preċiżament bħal tiegħi. Ħsibtu ħadhieli!” “Għalkemm ir-rota tiegħu hija bħal tiegħek,” qallu nannuh, “ma jfissirx li hija tiegħek tassew!”

In-nannu Baabi kompla jgħidlu li f’Babil kulħadd għandu affarijiet differenti. Iżda biex jakkwistawhom, in-nies ikollhom jew jixtruhom jew xi ħadd jagħtihomlhom bħala rigal. “Mid-dehra, dak il-Bablinu jħobb ir-rota daqsi,” qal Eleo. 16


Eleo beda jegħja xi ftit, imma tant kien qed jieħu gost b’dak kollu li kienu qed jaraw li ma tax kas tal-għejja. Ġo pjazza ċkejkna lemħu predikatur qed ikellem folla nies minn fuq daqsxejn ta’ palk. “Nannu dawk x’qegħdin jagħmlu?” staqsa Eleo. “Dak il-predikatur qed jaqsam it-twemmin tiegħu mal-oħrajn,” wieġbu n-nannu. “B’dan kollu, n-nies li qed jisimgħuh huma ħielsa biex jemmnu dak li jħossuh jgħodd għalihom.”

17


Eleo u n-nannu Baabi ħallew lill-predikatur mal-folla tiegħu u kisru lejn il-lemin. Hekk kif daħlu fi triq ġdida, jilmħu grupp ta’ sewwieqa tal-muturi resqin lejhom. Dawn kienu l-membri tal-Klabb Babiljan tal-Muturi. “Xi ġmiel ta’ muturi!” stagħġeb Eleo. “Nixtieq nidħol f’dan il-klabb meta nikber.” “Dażgur Eleo,” qallu n-nannu. “Inti liberu li tidħol f’liema klabb jew grupp tixtieq.”

18


Waqt li kienu mixjin Eleo waqaf iħares lejn tliet powsters li ra mal-ħajt. “L-Oranġjo Bnin, Il-Vjola Super, L-Isfar bħall-Banana”, beda jaqra Eleo. “Dawn xi jkunu, nannu?” staqsa t-tifel. “F’Babil dalwaqt se jkollna l-Elezzjoni Ġenerali,” beda jispjegalu n-nannu Baabi, “U dawk tal-powsters jixtiequ jkun rappreżentanti tal-poplu fil-parlament. Xogħolhom ikun li jaraw x’għandhom jagħmlu biex il-ħajja tagħna tkun dejjem aħjar.” “Forsi xi darba jien ukoll għad inkun fil-parlament,” tbissem Eleo. “Mela le,” wieġeb nannuh. “Kulħadd jista’ jipprova.”

19


Meta Eleo u n-nannu Baabi waslu fit-tarf tat-triq, sabu ruħhom quddiem shopping mall kbir. Kien hemm ħafna Babiljani, Puntini u Qtajrini qed jixtru, jilgħabu, jistennew biex jidħlu t-teatru jew jieħdu kikkra kafè. Xi Babiljani kienu wkoll qed jaħdmu. “Ħares Eleo,” qabeż jgħidlu n-nannu, “kulħadd jidher kuntent għax kull min jgħix f’Babil jiġi nkoraġġit biex jilħaq fejn jixtieq. Kulħadd qed jiddeverti... min permezz tal-logħob u min permezz tat-teatru. Id-divertiment ukoll jgħinna nkunu dak li aħna.”

20


Eleo u nannuh imxew tul ix-shopping mall kollu u ħarġu mill-bieb ta’ wara. Hekk kif ħarġu minn hemm ġew sabu ruħhom fis-suq. Kien hemm ħafna posti u bejjiegħa differenti. Kien hemm Lucy il-mastrudaxxa li kienet qed taħdem is-siġġijiet biex tbigħhom. Kien hemm ukoll Markus li jbigħ il-makeup waqt li l-bejjiegħa l-oħra kienu lkoll medhijin fuq xogħolhom. “F’Babil kulħadd jista’ jagħżel liema xogħol irid,” qal n-nannu Baabi. “B’hekk kulħadd ikollu biżżejjed flus biex jieħu ħsieb il-familja tiegħu.” 21


Wara li daru dawra sewwa mas-suq, Eleo u n-nannu rħewlha lejn il-Luna Park. Hemmhekk kien hemm ħafna familji qed jiddevertu. Eleo waqaf iħares lejn il-karusell. “Ara Eleo,” qallu n-nannu, “f’Babil ilkoll għandna ħin liberu biżżejjed biex nagħmlu dak li jkollna aptit u b’hekk niddevertu u nistrieħu. Bejn il-ġranet tax-xogħol ikollna wkoll il-ġranet liberi. Il-mistrieħ huwa importanti ħafna.” “Fil-ħin liberu tagħna nistgħu mmorru sal-Bajja biex noqogħdu ngħumu u nilagħbu?" staqsa Eleo. “Dażgur li mmorru!”

22


Eleo u n-nannu Baabi għaddew minn fuq il-pont li kien jaqsam ix-xmara. Minn hemm fuq setgħu jaraw ħafna djar max-xatt tax-xmara. “Nann, naħseb li minn hawnhekk nistgħu naraw il-Belt kollha,” qabeż jgħid Eleo. “Hekk hu,” wieġbu n-nannu, “Għandna djar differenti għax aħna lkoll differenti. Imma ma jimpurtax, għax lkoll ninsabu siguri u kuntenti. Kull meta jkollna bżonn l-għajnuna, insibuha malajr.” “Tiftakarhom dawk il-Bablini li rajna fin-nursery u fil-Luna Park?” kompla jgħidlu nannuh. “Dawk jingħataw attenzjoni speċjali għax f’idejhom jinsab il-futur ta’ Babil.” 23


Max-xatt tax-xmara kien hemm ukoll l-iskola. Waqt li kienu għaddejjin minn ħdejha, Eleo u n-nannu lemħu ħafna Bablini bil-basktijiet f’idejhom, jiġru lejn il-bieb ewlieni.

In-nannu beda jfiehem lil Eleo li kulħadd għandu d-dritt li jitgħallem. B’hekk niżviluppaw it-talenti tagħna u nitgħallmu kif għandna ngħixu mal-oħrajn. “Għalhekk aħna nieħdu gost nitgħallmu,” żied in-nannu. “Iġri nibda mmur l-iskola jien ukoll,” qabeż jgħid Eleo. 24


Baqgħu mixjin ma’ xatt ix-xmara sa ma waslu fi pjazza kbira fejn kuljum kienu jinġabru ħafna artisti tat-triq. Eleo u n-nannu tgħidx kemm ħadu gost josservaw il-pitturi, il-mużiċisti, il-buffi u l-kantanti... ilkoll jesponu t-talenti tagħhom. “Kemm għandna artisti bravi!” qal Eleo. “Nista’ nitlobhom ipinġuni?” “Il-poplu ta’ Babil għandu ħafna u ħafna talenti,” qallu n-nannu. L-artisti tagħna jorganizzaw diversi wirjiet, kunċerti u drammi. B’hekk ħajjitna tkun isbaħ u aktar interessanti. U dawn l-artisti jistħoqqilhom jitħallsu ta’ xogħolhom. Poġġi bilqiegħda hawnhekk Eleo, ħalli ngħid lil dak l-artist ipinġik.”

25


Issa n-nannu Baabi beda jegħja ġmielu u għalhekk iddeċidew li jitilgħu fuq tal-linja. Waqt li kienu tilgħin, lemħu ġuvnott Babiljan qed jgħin lil wieħed xwejjaħ jitla’ fuq il-karozza. Eleo ħa gost meta ra dan, u qal lil nannuh, “Veru ġentili dak il-ġuvni!” “Iva,” wieġbu n-nannu Baabi, “ilkoll għandna nieħdu ħsieb xulxin. Jekk nirrispettaw lil xulxin u nosservaw ir-regolamenti, il-ħajja tkun wisq aktar faċli.”

26


Hekk kif waslu qrib id-dar tagħhom u niżlu mill-karozza, Eleo jilmaħ vettura spazjali wieqfa fil-ġnien tan-nannu. “Fil-pjaneta tagħna għandna regolamenti tassew tajba,” qal Eleo. “Nittama li nsibu pjaneta oħra li fiha nkunu nistgħu ngħixu flimkien fil-paċi bħalma qegħdin issa.” “Tinkwetax ibni,” wieġbu n-nannu. “Ibqa’ ċert li hemm ħafna pjaneti oħra lesti jilqgħuna. Il-vettura spazjal lesta biex titlaq. Ejja, Eleo, ħa ngħinek tlesti kull m’għandek bżonn għall-vjaġġ. Hawn għandek dak il-ktieb li semmejtlek. Żgur li se tiġi bżonnu.” 27


United Nations International Nursery School: Dawn it-tfal qed jiċċelebraw il-Jum tad-Drittijiet tal-Bniedem. It-tfal tal-United Nations International Nursery School qed iħarsu lejn powster tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, li fl-10 ta’ Diċembru 1950 kienet għalqet sentejn. Ritratt: UN



Dan il-ktieb sar bil-kollaborazzjoni ta’ ħafna mħuħ kreattivi. L-idea twieldet waqt kors ta’ taħriġ iffinanzjat mill-Youth in Acton Programme tal-Kummissjoni Ewropea, msejjaħ Rightly Yours and Rightly Mine. Dan huwa kors ta’ taħriġ fuq id-drittijiet u d-dmirijiet tal-bniedem f’Ewropa multi-kulturali, li kien organizzat mill-Malta UNESCO Youth Association u sar f’Malta f’Ġunju 2008. Għalih attendew diversi parteċipanti mill-Italja, Spanja, Malta, l-Estonja, ir-Rumanija, il-Bulgarija, is-Slovenja, l-Iżvezja, il-Greċja u l-Olanda.

Il-parteċipanti kienu: Joanna Bonnici & Caroline Grech – Malta Olga Rodionova & Rostislav Tshikalski – Estonia Fabio Cerrito & Giorgio Sinapi – Italy Marina Albuquerque Maranhao & Fabio Santos – Spain Popi Nalpantiodou & Athanasios Tzoganis – Greece Marieke Van Der Linden & Ayla Van Kessel – Netherlands Ivanina Stoyanova - Bulgaria Jasmina Mohorko & Sebastijan Starc – Slovenia Soren Berglund & Mats Grambon – Sweden Dimitrie Anatoli Postovei – Romania

Minn dan il-kors ħarġet l-idea ta’ ktieb għat-tfal u l-Malta UNESCO Youth Association bdiet taħdem fuqu minnufih.


Kollaboraturi: Alexander Thenner Annette Vella Audrey Spiteri Birgit Oidram Chantal Sciberras Christianne Caruana CJ Saliba Daniel Mifsud Desiree D’Amato Dorianne Formosa Elysia Camilleri Joanna Bonnici Julian Portelli Krista Bonnici Marie Louise Vella Philip Caruana Sarah Cassar Sarah Suda Estonian UNESCO Youth Association, Estonia: Julia Barsukova, Olga Rodionova, Deniss Jershov; Youth Centre of Dravinja Valley, Slovenia: Aleš Kurnik, Jasmina Mohorko, Anja Žibert; Initsiativa Regional Youth Council, Bulgaria: Rosen Dimov.

Konsulenti: Dr Gorg Mallia - Universita’ ta’ Malta, Sur Chris Grupetta - Merlin Library, Sur Anson D. Aquilina, Sinj. Krista Bonnici



Dan il-ktieb kien parzjalment iffinanzjat mill-European Youth Foundation fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa fil-kategorija B li tissapportja materjal stampat u awdjo-viżiv.

Ħajr speċjali lil Athanasios “Sakis” Krezios (Kids in Action) li kienu għajn ta’ ispirazzjoni u li tawna informazzjoni mill-aktar utli dwar l-użu ta’ dan il-fond.



Skopri aktar fuq dan il-proÄĄett


Fuq il-pjaneta Babil in-nies qed jgħixu ferħanin, fil-paċi u f’armonija sħiħa ma’ xulxin. Eleo jmur għand nannuh bit-tama li jikseb ċerti tweġibiet, iżda ma jdumx ma jintebaħ li huwa ntgħażel għal missjoni speċjali. Imma qabel ma jitlaq, nannuh jeħtieġ li jagħtih tagħrif prezzjuż li se jservih tal-akbar għajnuna matul il-vjaġġ.


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Issuu converts static files into: digital portfolios, online yearbooks, online catalogs, digital photo albums and more. Sign up and create your flipbook.