3 minute read

Mill-pinna ta’ Dr Coronato Grech

Il-matematika fl-skola forsi tidher suġġett formidabbli, diffiċli u kkumplikat (u kultant, speċjalment matematika avvanzata, hekk hi). Però, ċerti kunċetti bażiċi huma interessanti. Anzi affaxxinanti. Ħu pereżempju ż-żero.

Advertisement

In-numru żero ċertament mhuwiex xi numru kbir, imma huwa importanti ħafna biex jgħinna nifhmu n-numri, niktbu numri kbar, u biex nagħmlu kalkulazzjonijiet.

Is-sistema ta’ numri li nużaw fil-kalkulazzjonijiet hija bbażata fuq n-numru għaxra, u tuża l-istess sett ta’ numri biex tippreżenta għaxriet, mijiet, eluf u l-bqija. U mill-post fejn numru żero jkun jiddependi ħafna l-valur; jekk hux pereżempju 5, 105 jew 1050. U kollox jiddependi mill-użu taż-żero.

Ir-Rumani ma kellhomx simbolu għal żero u n-numri tagħhom kienu skomdi ħafna għal ħafna aritmetika; anke l-ftit li baqa’ fl-arloġġi huma daqsxejn strambi.

(. . .ikompli fil-ħarġa tax-xahar id-dieħel)

Il-Fenek selvaġġ

Il-fenek selvaġġ jinstab ukoll fil-Palestina. Hemm żewġ speċi ta’ fniek slavaġ: dak li jgħix fl-imsaġar u fejn jgħixu n-nies, u l-ieħor, li hu iżgħar, jinstab fid-deżert. Il-kbir jissejjaħ liebru. F’pajjiżna tinstab razza waħda tal-fenek selvaġġ.

Il-fenek jissemma darba waħda biss fil-Bibbja fejn jissemmew l-annimali ‘mhux indaf’ għal-Lhud. Din kienet lista ta’ annimali li l-poplu Lhudi ma setax jiekol minnhom għax kienu meqjusa mniġġsa. Din il-lista nsibuha kemm fil-ktieb tal-Levitiku u anke tad-Dewteronomju: “imma minn dawk li jixtarru, u minn dawk b’difrejhom mhumiex maqsumin, tiklux: il-ġemel, il-liebru, u l-fenek; dawn jixtarru, imma difrejhom mhumiex maqsumin; intom għandkom tqisuhom imniġġsa” (Dewt 14, 7).

“Imma minn dawk li jixtarru, jew difrejhom maqsumin, ma tistgħux tieklu: il-fenek tax-xagħri, għax dan jixtarr, iżda m’għandux difrejh maqsumin, għalikom hu mniġġes; il-liebru, għax jixtarr imma ma għandux difrejh maqsumin, għalikom hu mniġġes; . . .Tiklux minn laħamhom, anqas tmissu ġisimhom mejjet, għax għalikom huma mniġġsin. (Lev 11, 4-8).

Hawnhekk saret inġustizzja mal-fenek għax il-fenek ma jixtarx. Dan ġara minħabba nuqqas ta’ tagħlim f’dak iż-żmien fuq din il-parti tax-xjenza.

Kienu jarawh iħarrek xufftejh u kienu jaħsbu li qed jixtarr l-ikel. Fil-fatt ma nsibux li l-Lhud kienu jrabbu l-fniek.

Fatti, tagħrif u figuri li jqanqlu stagħġib. . . u forsi tbissima.

F’Settembru 2015 karozza pjuttost antika waqfet ħdejn ħanut tan-nuċċalijiet u minnha ħareġ raġel b’suttana bajda. In-nies malajr għarfuh li kien Papa Franġisku u dlonk imblukkaw id-daħla tal-ħanut. Sid il-ħanut skanta meta quddiemu ra l-Papa li kien ġie biex jibdel in-nuċċali. Is-soltu sid il-ħanut kien imur hu stess b’għexieren ta’ nuċċalijiet u lentijiet iżda Papa Franġisku xtaq imur hu innifsu biex jitħallat ftit man-nies.

Sorpriża sabiħa għal min kien fil-ħanut u għal dawk li inzertawh dieħel. U tistgħu taħsbu kemm messaġġi ntbagħtu biex ħbiebhom jiġu ħdejn id-daħla tal-ħanut ħalli jkunu preżenti għal din l-esperjenza huma wkoll. Bħala Kardinal Bergolio, kien iħobb jagħmel passejn fil-belt ta’

Buones Aires u ħadd ma kien jagħti kas. Bħala Papa sabha iktar diffiċli jitħallat mal-folla bla ma jagħti ħafna fil-għajn.

F’Settembru 2015 miet fin-Nigeria Mohammed Modibbo. Mewta li ġabet l-attenzjoni tad-dinja għax Mohammed kien l-iktar student xiħ ta’ pajjiżu. Kellu 94. Beda jattendi l-iskola primarja meta kien ġa għalaq it-tmenin u bil-mod il-mod wasal għas-sekondarja li temmha wkoll b’suċċess. Il-ħolma tiegħu kienet li jidħol l-università iżda marad u miet malajr, b’ħolmietu tibqa’ ħolma.

Meta rrapportaw mewtu ġabu siltiet minn dak li qalu fuqu l-istudenti u l-għalliema li kollha ddikjaraw kemm kien student assidwu u kemm kien jistudja biex ilaħħaq ma’ sħabu. U tgħidx kemm kien juri rispett lejn l-għalliema għax hu kien iħobb jgħid:

Jien naf kemm tiswa l-iskola għax qattajt żmieni nixxennaq li almenu nkun naf naqra u nikteb.”

Xi ħaġa li rnexxielu jagħmel qabel miet.

L-Enerġija Nukleari

Meta tinħaraq biċċa njama, tkun qed issir reazzjoni kemikali (chemical reaction). L-atomi tal-karbonju fl-injam jinqalgħu minn mal-atomi tal-idroġenu u mbagħad jaqbdu mal-atomi tal-ossiġenu biex jifforma l-gass dijossidu tal-karbonju (C02 carbon dioxide). Anke l-idroġenu jeħel mal-ossiġenu u jifforma l-ilma. Mela f’reazzjoni kemikali, l-atomi ma jinbidlux fihom infushom u lanqas jiżdiedu jew jonqsu fil-għadd imma jiffurmaw gruppi ġodda. U meta atoma teħel ma’ atoma/i oħra tibdel il-mod ta’ kif iġġib ruħha. Għalhekk l-injam jaqbad imma l-irmied ma jaqbadx. Parti mill-prodotti jkunu gassijiet waqt li l-injama hija solida. Jiġifieri l-karatteristiċi tal-atomi (imsejħin properties) jinbidlu.

L-enerġija li toħroġ bħala sħana u dawl kienet fil-forma ta’ enerġija kemikali (chemical energy). Mela l-isem ta’ enerġija kemikali ġej għax tiġi lliberata permezz ta’ reazzjoni kemikali.

Min-naħa l-oħra, l-enerġija nukleari tiġi liberata permezz ta’ reazzjoni nukleari (nuclear reaction). F’dan il-każ, in-nukleu tal-atoma jibdel l-istruttura tiegħu. In-nukleu tal-atoma hu ċ-ċentru tal-atoma fejn ikun hemm il-protoni u n-newtroni. Nuclear fission, nuclear fusion u radioactivity huma kollha tipi ta’ reazzjonijiet nukleari. Meta bl-Ingliż jgħidu splitting the atom, qed jirreferu għal nuclear fission. Il-power stations nukleari kollha jaħdmu bin-nuclear fission. Ix-xemx u l-kwiekeb iġibu l-enerġija biex jiddu daqshekk bil-qawwa bin-nuclear fusion. Fil-carbon dating hemminvolut ir-radioactivity.

X’suppost tikteb: ma kinux jew ma kienux bl-ie?

It-tajba hija ‘ma kinux’ iżda wieħed malajr jistaqsi għaliex imbagħad niktbu ‘kienu’ bl-ie? X’inhu r-raġunar wara dan? Sempliċi.

Ħudha bħala regola li meta tkun qed tifforma verb fin-negattiv (u żżid x fl-aħħar tal-kelma), l-ie ma tista’ tidher imkien iktar ħlief fl-aħħar sillaba.

Jiġifieri, meta jkollok verb bħal ‘kienu’, ‘kielu’, ‘riedu’ u ‘mietet’, li fih l-ie tkun tidher fis-sillaba ta’ qabel tal-aħħar, meta tiġi biex taqilbu għan-negattiv, l-ie tiqsar u l-aċċent imur fuq l-aħħar sillaba.

Ejjew nippruvaw nispjegawha b’mod aktar sempliċi: kienu (kie + nu) = l-ie tinsab fis-sillaba ta’ qabel tal-aħħar, jiġifieri ‘kie’.

Meta naqilbu ‘kienu’ fin-negattiv u tiġi ‘ma kinux’ (ki + nux) = l-ie tiqsar (u tinbidel f’i) u l-aċċent jaqa’ fuq l-aħħar sillaba (i.e. nagħmlu l-enfasi fuq l-aħħar sillaba ‘nux’).

Agħti ħarsa lejn kliem ieħor simili għal ‘kinux’ : kielu = ma kilux mietet = ma mititx riedu = ma ridux jiġġieldu = ma jiġġildux jitwieldu=majitwildux ibierku = ma jbirkux nistiednu = ma nistidnux tieħu = ma tiħux

This article is from: