GWIDA August 2020

Page 51

Editorjal

KEMM HI TAL-MODA D-DAR TIEGĦEK?

Iż-żminijiet jinbidlu u l-bidliet iġibu magħhom gosti differenti. Tkellimna mad-disinjatur tad-djar Chris Carabott li qasam magħna ftit sigrieti tal-Maltin, huma u jiddisinjaw id-dar tagħhom. Il-pandemija tal-Covid għenet sabiex napprezzaw aktar id-dar tagħna, peress li qattajna ħafna ħin fiha. Kien f’dan iż-żmien li bosta persuni ddeċidew li jbiddlu u jirranġaw kmamar fid-dar li kienu ilhom jixtiequ jagħmlu. Kif jgħid il-Malti, ħadu x-xoqqa f’moxxtha. Chris qalilna li ħafna proġetti li kien qed jaħdem fuqhom qabel il-pandemija baqgħu għaddejjin, “Minħabba l-fatt li d-dar hi għal qalb il-Maltin, ħafna komplew birriċerki tagħhom inkluż li jiddisinjaw id-dar, biex xi darba, u kemm jista’ jkun malajr, din issir kif dejjem ħolmuha. Anzi nasal ngħid li wieħed kellu iżjed ċans u ħin fuq idejh biex jinvesti fid-dar, u ħafna għażlu li jagħmlu dan.” X’inhuma l-aħħar trends għad-dar? Chris jikkonfermalna li din is-sena jkompli jispikka t-trend li wieħed jinkorpora fid-dar tiegħu kuluri li wieħed isib fil-kampanja u n-natura, jiġifieri ‘earth tone colours’. Fost dawn il-kuluri nsibu l-kannella, il-griż, l-aħdar, l-isfar u l-oranġjo. Apparti minn hekk, fl-2020 qed jispikka wkoll l-użu vast ta’ għamara fid-dar li tiffaċilita l-ħajja ta’ dak li jkun. Wieħed sar ukoll jinkludi iżjed pjanti bħala dekorazzjoni biex ikompli jsebbaħ id-dar. Din is-sena nsibu wkoll it-trend li wieħed idaħħal kemm jista’ jkun ‘soft furnishings’ bħal twapet, ‘cushions’ u ‘throw overs’ biex ikomplu jagħtu sens ta’ ħajja fid-dar. Kemm huma importanti s-soft furnishings? Is-soft furnishings li tagħżel jafu jsebbħu jew ikerrhu l-kamra, allura wieħed għandu joqgħod b’seba’ għajnejn x’tip ta’ soft furnishings jagħżel. Illum il-ġurnata bis-saħħa ta’ siti onlajn u varjetà fis-suq hu vera faċli sabiex issib għamara addattata għalik, ta’ kwalità tajba, kif ukoll li tikkumplimenta l-istil li tixtieq qalbek. Huma dawn is-soft furnishings li jagħtu d-dar sens ta’ post komdu u cosy, u jittrasformaw l-atmosfera minn sempliċi ‘post’ għal ‘dar’. Għall-għamara t-trend hu li

wieħed juża earth tone colours. Is-soft furnishings qegħdin hemm biex iżewqu l-kamra bil-kuluri, biex il-kamra ma tkunx monotona. Twapet u cushions f'varjetà ta' kuluri, purtieri u prints b'xi disinn huma wħud mill-aktar soft furnishings trends popolari. Minbarra l-għan estetiku tas-soft furnishings, dawn jistgħu joffru sensazzjoni ta' ambjent komdu u lussuż. L-aktar fattur interessanti hu li huma staġjonali u jistgħu jinbidlu faċilment. Fis-sajf nistgħu mmorru għal kuluri ċari, filwaqt li fix-xitwa nistgħu mmorru għal lewn aktar skur. Bilħaqq, x’tista tagħmel tal-moda dan is-sajf? Chris jagħtina parir li għas-sajf ikun sabiħ ħafna li wieħed jinkludi xi tip ta’ lampi u fjakkoli fl-ispazju ta’ barra. Wieħed f’dawn iż-żminijiet jista’ jinvesti wkoll f’għamara għal barra bħal tined (pergolas), xi umbrelel, sufanijiet u bbqs. L-aqwa post biex tieħu nagħsa ħafifa! Is-sufan fil-living room tkun tridu! Apparti għal xi nagħsa ħelwa waranofsinhar, is-sufan huwa post fejn tirrilassa. Investiment li għandu jservik għal diversi snin. Il-varjetà fis-sufanijiet hi kbira ħafna u anke f’Malta wieħed għandu xelta vasta ta’ tipi ta’ sufanijiet minn fejn jista’ jagħżel. Hawn sufanijiet ta’ kull daqs, stil, baġit u materjal; kollox biex jolqtu l-istil li tixtieq.

GWIDA Awwissu 2020

51


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Issuu converts static files into: digital portfolios, online yearbooks, online catalogs, digital photo albums and more. Sign up and create your flipbook.
GWIDA August 2020 by Content House - Issuu