It-Triq tas-Salib

Page 15

L-Erbatax-il Stazzjon Ġesù mqiegħed fil-qabar 
 Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew
 
 Xħin sar fil-għaxija, ġie raġel għani, minn Arimatija, jismu Ġużeppi, li hu wkoll kien sar dixxiplu ta' Ġesù; mar għand Pilatu u talbu lġisem ta' Ġesù. Mbagħad Pilatu ordna li jingħatalu. Ġużeppi ħa lġisem u keffnu f'liżar nadif, qiegħdu fil-qabar ġdid tiegħu li kien ħaffer fil-blat, gerbeb ġebla kbira fid-daħla tal-qabar, u telaq. Iżda Marija ta' Magdala u Marija l-oħra baqgħu hemm bil-qiegħda biswit il-qabar. (Mt 27,57-61)

O Ġesù, filwaqt li l-poplu Lhudi kien qiegħed iħejji kollox biex jiċċelebra l-festa ta’ l-Għid u jfakkar il-ħelsien tiegħu minn taħt il-qawwa tal-Fargħun, int kont tinsab mejjet, magħluq f’qabar ġdid. Imma fil-moħbi ta’ l-art, int kont qed tħejji l-akbar ħelsien mill-qawwa tal-mewt u tal-ħażen għall-poplu lġdid tiegħek!

O Marija, min jaf kif inqasmet qalbek meta ħadulek lil Ibnek minn ħdanek u għalquh fil-qabar! Omm l-aktar twajba, ieqaf miegħi meta jasal il-waqt li jien ukoll ikolli ninfired mill-għeżież tiegħi biex minn din id-dinja ngħaddi għall-ħelsien tassew li ġabilna Ibnek l-għażiż.

O Ġesù ta’ qalb ħelwa u umli, agħmel li qalbi tkun tixbah lil tiegħek.


Issuu converts static files into: digital portfolios, online yearbooks, online catalogs, digital photo albums and more. Sign up and create your flipbook.