IL-GAZETTA APRIL

Page 1


IL-GAZZETTA

Mit-tfal għat-tfal

L-Għid il-Kbir huwa …

- It-tfal tal-Iskola Primarja

St. Joseph Mater Boni Consilii, Raħal Ġdid

Il-Bambin qam mill-mewt- Eve B

Fl-Għid il-Kbir Ġesu qam mill-mewt biex jurina li jħobbna u fetħiilna il-bieb biex immorru ħdejħ- Elodie

L-Għid il-Kbir huwa l-akbar festa għalina l-Insara għax niċċelebraw meta Ġesù qam mill-mewt u rebaħ lill-mewt u d-dnub - Carla Marie Spiteri

Fl-Għid il-Kbir Ġesù qam mill-mewt- Eve D.F

L-Għid hija festa li Ġesù miet għalina biex isalvana - Pia Marie Zammit

L-Għid il-Kbir hija l-akbar festa għax Ġesù qam mill-mewt - Summer

L-Għid ifisser Ġesu jqum mill-mewt - Chloe Farrugia

L-Għid il-Kbir hija festa ta’ ferħ u tama, fejn Ġesù rebaħ il-mewt biex jurina kemm iħobbna - Mattea Williams

X'se nsajjru llum?

Ara paġna 4

Ara paġna 3

Biljunarju TAT-TEKNOLOĠIJA jsir l-ewwel persuna li MEXA fl-ispazju

It-Triq tas-Salib 2025

Tfal,

Din hija t-tielet ħarġa "tal-GAZZETTA - MIT-TFAL GĦAT-TFAL".

L-iskop wara din il-GAZZETTA hu li ninkoraġġukom taqraw u wisq aktar taqraw il-gazzetta li ħafna sfortunatament jorbtuha ma' xi ħaġa "tal-passat".

Din hija gazzetta għalikom u minkom fejn intom se tkunu qed tiġu mitluba tgħinu finnisġa tagħha.

Il- GAZZETTA hija pubblikazzjoni li tolqot diversi temi kurrenti. #3 April 2025

Nhar l-Erbgħa 9 ta’ April 2025, fl-iskola St. Joseph Mater Boni Consili ġie organizzat "it-Triq tas-Salib" bħala parti mill-attivitajiet organizzati għaż-żmien ir-Randan. It-tfajliet ipparteċipaw b’mod attiv f’din l-attività, flimkien mal-membri tal-istaff, li rriflettew fuq il-15-il Stazzjon. Rappreżentanti minn kull klassi ġarrew kartelluni li jġorru l-Istazzjonijiet, u l-istudenti u l-membri tal-istaff jaqraw riflessjonijiet għal kull Stazzjon. L-attività kienet animata mis-Sinjura Elisa Saliba. Il-mużika tmexxiet mis-Sinjura Mary Grace Grech, l-għalliema tal-mużika, bl-għajnuna tas-Sinjura Cristina Spiteri.

Is-Sinjura Mary Grace dderieġiet lil uħud mill-istudenti waqt il-kanzunetti kantati wara kull Stazzjon. Fi tmiem l-attività, Dun Leonard Mintoff, il-kappillan tal-iskola, fakkar li Alla dejjem jakkumpanjana f’ħajjitna, anke meta nkunu qed nesperjenzaw żminijiet diffiċli.

Stedinna nirriflettu fuq it-talb li jingħad waqt l-attività. L-attività kienet organizzata u kkoordinata mit-Tim tal-Pastorali.

Riċetta għat-tfal: Bejta

tal-cornflakes għall-Għid

Kif intom tfal tkunu d-dar bil-vaganzi tal-Għid, bi ftit għajnuna, tistgħu tagħmlu din ir-riċetta faċli u ħelwa ta’ bejtiet magħmulin mill-cornflakes u ċikkulata u mżejnin bil-bajd taċ-ċikkulata żgħir.

Ħin: 50 minuta

Kwantità: 12

Ingredjenti:

• 100 g ċikkulata tal-ħalib

• 50 g butir

• 2 imgħaref għasel jew golden syrup

• 100 g cornflakes (jekk ikunu mill-kbar kissirhom ftit b’idejk)

• Bajd taċ-ċikkulata żgħir ikkulurit

Tħejjija:

1 Kisser iċ-ċikkulata u poġġiha fi skutella mal-butir u l-għasel jew golden syrup.

2 Poġġi l-iskutella fuq kazzola bil-misħun (banjumarija) mingħajr ma tmiss mal-ilma u ħawwad sakemm l-ingredjenti jinħallu u jkollok taħlita lixxa.

3 Neħħi l-iskutella minn fuq il-misħun u żid il-cornflakes. Ħawwad sakemm jinkesa kollu biċ-ċikkulata.

4 Poġġi 12-il forma tal-karti fit-toqob ta’ bun tin.

5 Aqsam it-taħlita bejn it-12-il forma u ffurmalhom kemxejn ħofra fin-nofs tagħhom.

6 Poġġihom fil-friġġ għal 30 minuta biex jagħqdu. Poġġi 2-3 bajdiet f’kull bejta.

Gallettini tal-Għid

imżejnin biċ-ċikkulata

…. mit-tfal tal-ewwel sena tal-Iskola Primarja

St. Joseph Mater Boni Consilii, Raħal Ġdid

Ingredjenti

280 grammi dqiq

nofs kuċċarina trab tal-ħami

kwar ta’ kuċċarina melħ

170 gramma butir bla melħ

150 gramma zokkor

bajda

2 kuċċarini vanilla extract nofs kuċċarina almond extract

Metodu:

1. Ħawwad id-dqiq, il-baking powder u l-melħ flimkien fi skutella u itfahom ftit f’ġenb

2. Ħabbat il-butir u z-zokkor flimkien pemezz ta’ hand-mixer sakemm tkun kompletament lixxa u krema

3. Żid il-bajda, il-vanilla, u l-almond extract u ħawwadhom flimkien sakemm t-taħlita ssir magħquda.

4. Żid l-ingredjenti li tfajt fl-iskutella (id-dqiq, baking powder u melħ) mal-ingredjenti mxarrbin u ħawwad flimkien sakemm din tiġi magħquda. Jekk l-għaġina tkun daqsxejn ratba u tweħħal żid magħrfa oħra dqiq.

5. Aqsam l-għaġina f'żewġ partijiet indaqs. Poġġi kull porzjon fuq biċċa karta u poġġi l-għaġina fil-friġġ.

6. Saħħan minn qabel il-forn għal 350 ° F (177 ° C). Permezz ta’ cookie cutter, aqta’ l-għaġina f’forom tal-Għid.

7. Aħmi għal 11-12-il minuta jew sakemm tismar ftit mattruf. Ħllihom jiksħu għal imqar 5 minuti, imbagħad ittrasferixxihom ġo dixx ieħor ħalli jiksħu.

8. Iddekora skont il-gosti tiegħek.

Futur mimli opportunitajiet fit-teknoloġija

It-teknoloġija hija parti importanti minn ħajjitna! Mit-tablets li nużaw għall-iskola sal-logħob li nilagħbu, it-teknoloġija qed tbiddel id-dinja tagħna. Imma kont taf li l-bniet jistgħu jkunu parti prominenti tat-teknoloġija tal-futur? Illum, aktar bniet minn qatt qabel qed jiskopru l-potenzjal tagħhom fid-dinja tat-teknoloġija, u qed jagħmlu differenza kbira.

Ejja nesploraw kif it-teknoloġija tagħmel ittagħlim aktar eċċitanti u niffokaw kif aktar bniet jistgħu jsiru esperti fid-dinja tal-ICT (Informazzjoni u Komunikazzjoni Teknoloġika).

Kif it-Teknoloġija Tgħin lill-Bniet Jitgħallmu u Jikbru

Illum, il-bniet għandhom ħafna aktar opportunitajiet biex jitgħallmu dwar it-teknoloġija u jużawha b’mod kreattiv. Ejja nesploraw ftit minn dawn l-opportunitajiet.

• Tagħlim Interattiv: Applikazzjonijiet u pjattaformi online jagħmlu t-tagħlim aktar eċċitanti. Il-bniet jistgħu jitgħallmu l-coding permezz ta’ logħob u sfidi divertenti.

• Realtà Virtwali (VR-Virtual Reality) u Realtà Awmentata (Augmented Reality): Dawn l-għodod jgħinu lill-bniet jesploraw virtwalment dinjiet ġodda u jinteraġixxu ma’ esperjenzi edukattivi realistiċi.

• Ir-Robotika u l-coding: Dejjem aktar bniet qed jiskopru l-coding u r-robotika, u qed joħolqu proġetti innovattivi li jistgħu jsolvu problemi reali.

• Applikazzjonijiet bl-Intelliġenza Artifiċjali (AI): L-AI tista’ tgħin lill-bniet jiżviluppaw ħiliet ġodda, janalizzaw informazzjoni, u jiksbu għarfien aktar rapidu.

• Pjattaformi ta’ Kollaborazzjoni Online: Il-bniet jistgħu jissieħbu f’komunitajiet diġitali biex jitgħallmu minn esperti oħra u jkomplu jtejbu l-ħiliet tagħhom.

Il-Bniet fl-ICT: Għaliex Huwa Importanti?

Għal ħafna snin, in-nisa ma kinux rappreżentati biżżejjed fid-dinja tat-teknoloġija. Iżda llum, din is-sitwazzjoni qed tinbidel. Aktar bniet qed isiru mexxejja fid-dinja tal-ICT, u dan huwa importanti għal ħafna raġunijiet:

• Diversità ta’ Ħsibijiet: Aktar bniet fit-teknoloġija jfisser ideat differenti u aktar kreattivi u soluzzjonijiet aħjar għal kulħadd.

• Karrieri Eċċitanti: Hemm ħafna karrieri eċċitanti fl-ICT għall-bniet, bħall-iżvilupp fil-gaming, is-Cybersecurity, id-digital design, u l-intelliġenza artifiċjali (AI).

• Tibdil Pożittiv fid-Dinja: Il-bniet jistgħu jużaw it-teknoloġija biex isolvu problemi importanti, bħat-tibdil fil-klima, il-kura tas-saħħa, u l-edukazzjoni.

• Ispirazzjoni għall-Ġenerazzjonijiet Ġodda: Meta l-bniet jaraw nisa li rnexxew fit-teknoloġija, huma jkunu aktar motivati biex isegwu l-passi tagħhom.

Kif il-Bniet Jistgħu Jibdew it-Triq Tagħhom fl-ICT

Jekk inti tifla u tixtieq tkun parti mid-dinja tat-teknoloġija, hawn xi suġġerimenti li jistgħu jgħinuk:

• Ingħaqad fi Klabb tal-coding: Tgħallem il-coding u oħloq proġetti kreattivi f’ambjent divertenti.

• Esplora l-iSTEM: L-iSTEM (Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija u Matematika) jinkludi ħafna attivitajiet divertenti bħall-bini ta’ robots jew iddisinjar ta’ apps.

• Fittex Mudelli tal-Irwol: Hemm ħafna nisa ta’ ispirazzjoni fid-dinja li rnexxew fit-teknoloġija, u huma prominenti daqs l-irgiel. Dawn jistgħu jkunu ta’ ispirazzjoni għalik! F’din is silta hawn ftit millMaltin li rnexxew: https://digitalskills.mdia.gov. mt/initiatives/women-in-ict/ambassadors/

• Qatt Tgħid “Ma Nistax”: Jista’ jkun hemm

sfidi, imma b’kurżità u determinazzjoni tista’ tagħmel suċċess u ’l quddiem tkun qed taħdem ġo kumpanija bi proġetti importanti u eċċitanti! Dawn jistgħu jkunu fil-gaming, imma wkoll ġo kumpaniji tas-software, banek, u ħafna oħrajn.

• Ibda Esperimentazzjoni Bikrija: Anki jekk għadek żgħira, tista’ tibda titgħallem billi tesplora u toħloq affarijiet ġodda b’tagħmir teknoloġiku. Hawn ħafna avvenimenti li jiġu organizzati kemm online kif ukoll b’attendenza fiżika.

• Ipparteċipa f’Kompetizzjonijiet Teknoloġiċi: Hemm ħafna kompetizzjonijiet fejn il-bniet jistgħu jippruvaw il-ħiliet tagħhom u jagħmlu networking ma’ professjonisti.

Il-Futur tal-Bniet fit-Teknoloġija

Il-bniet għandhom il-potenzjal li jsiru l-ħallieqa tat-teknoloġija tal-futur. Kemm jekk trid tibni robots, toħloq logħob tal-kompjuter, jew tiżviluppa apps li jgħinu lin-nies, hemm post għalik fid-dinja tal-ICT.

Meta tħares lejn il-futur, aħseb f’liema tip ta’ bidla tixtieq tagħmel bid-dinja tal-ICT. Hemm ħafna bniet żgħar bħalek madwar id-dinja li diġà qed jibdew il-karrieri tagħhom, u int tista’ tkun fosthom! Kif tista’ tibda?

• Aqra u Studja: Iktar ma titgħallem, iktar tkun ippreparata għal futur f’dan il-qasam.

• Staqsi l-Mistoqsijiet: Qatt tibża’ tistaqsi lil dawk li għandhom l-esperjenza.

• Ipprova Ħwejjeġ Ġodda: Il-bidliet kbar jibdew minn passi żgħar.

Allura, id-darba li jmiss li tilgħab logħba, tuża app, jew taħdem fuq proġett tal-iskola, aħseb kif tista’ tkun parti mill-futur tat-teknoloġija. Min jaf? F’ġurnata minnhom, tista’ toħloq xi ħaġa li tbiddel id-dinja!

Int lest biex tkun mexxejja fit-teknoloġija? Il-futur f’idejk!

Jikteb Carmel Cachia - MDIA

Dan l‑Għid, lesti ruħek għal avventura superdivertenti u mimlija azzjoni fl‑Esplora, fejn ix‑xjenza u l‑annimali jingħaqdu flimkien għal esperjenza li żgur mhux se tinsa! U aqta’ xiex? Għal dan l‑avveniment speċjali se tkun tista’ ġġib miegħek il‑pet tiegħek ukoll!

Fis‑26 u s‑27 ta’ April, ingħaqad magħna għal Paws and Claws Easter Adventure, avveniment uniku fejn tista’ tiltaqa’ ma’ annimali mhux tas‑soltu, tipparteċipa f’attivitajiet interattivi u tidħol fiċ‑ċans li tirbaħ xi rigal u tesplora l‑għeġubijiet tax‑xjenza—dan kollu waqt li tqatta’ ħin mal‑familja tiegħek u l‑annimali domestiċi tiegħek!

Xi wħud mill‑attivitajiet li se jkun hemm waqt dan l‑avveniment jinkludu:

Laqgħat eċitanti m’annimali mhux tas‑soltu: Minn sriep u gremxul għal kreaturi eżotiċi, se tiltaqa’ ma’ varjetà ta’ annimali interessanti fejn se titgħallem dwar kif dawn jgħixu, l‑ikel li jħobbu jieklu, u anki dwar il‑karatteristiċi li jagħmluhom daqshekk speċjali.

Ir‑rokna tal‑adozzjoni tal‑annimali domestiċi: Qed tfittex xi pet biex trabbih?

Mela żgur li se tieħu gost iżżur ir‑rokna ddedikata għall‑adozzjoni tal‑annimali domestiċi fejn tista’ tiltaqa’ ma’ annimali ħelwin li se jisirqulek qalbek u li qed ifittxu familja biex tilqagħhom fid‑dar tagħha u tħobbhom għal dejjem. Min jaf, forsi saħansitra ssib l‑aqwa ħabib il‑ġdid tiegħek hawnhekk!

Attivitajiet hands‑on: Skopri esebiti interattivi u pprova esperimenti tax‑xjenza divertenti! Int se titgħallem kif jaħdmu l‑affarijiet fid‑dinja tax‑xjenza u forsi saħansitra ssir

xjenzat ċkejken għall‑ġurnata.

Workshops addattati għal veterinarji aspiranti: Qatt ħsibt x’inhu x‑xogħol ta’ veterinarju? Issa huwa ċ‑ċans tiegħek li titgħallem kif il‑veterinarji jieħdu ħsieb l‑annimali domestiċi u jżommuhom b’saħħithom.

Wirjiet taż‑żwiemel u l‑klieb tal‑pulizija: Iddeverti b’dan l‑ispettaklu live taż‑żwiemel u l‑klieb tal‑pulizija ħalli tara kif dawn l‑annimali inkredibbli jobdu lill‑handlers tagħhom waqt shows reali li żgur se jogħġbu lill‑familja kollha.

L‑avventura Paws and Claws, dan l‑Għid, se tħallat it‑tagħlim, l‑avventura u d‑divertiment għall‑familja kollha. Se tieħu gost ħafna tiskopri kif jgħixu l‑annimali, filwaqt li titgħallem tieħu ħsieb l‑annimali domestiċi tiegħek stess u tesplora x‑xjenza li tagħmel dan kollu possibbli.

Ġib il‑pet tiegħek miegħek, lesti ruħek biex tegħleb il‑kurżità u biex tiddeverti flimkien mal‑familja tiegħek għal avventura tal‑Għid li m’int se tinsa qatt!

Ibbukkja l‑biljetti tiegħek issa minn fuq showshappening.com u lesti għall‑avventura tal‑Għid Paws and Claws!

THAT MOVES WORK DO

FLORINDA CAMILLERI Dance Artist

Libreriji fl-akkademji tal-futbol

Nhar it-Tlieta, 25 ta’ Marzu 2025, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu ngħaqdet mal-organizzazzjoni volontarja Ħamrun Ħanin u l-Youth Football Association (YFA) fit-tnedija talproġett ‘Niskurjaw bil-Kotba’ (Goal for Literacy). L-għan prinċipali ta’ dan il-proġett ta’ Ħamrun Ħanin huwa li jħeġġeġ il-qari fost iż-żgħażagħ sportivi ta’ pajjiżna. L-Aġenzija flimkien ma’ Ħamrun Ħanin se jkunu qegħdin iqassmu librerija u mitt ktieb bil-Malti u l-Ingliż lil għadd ta’ akkademji tal-futbol f’Malta u Għawdex, biex it-tfal u żgħażagħ li jitħarrġu fl-akkademji u dawk il-qraba li jakkumpanjawhom ikollhom aċċess għall-kotba fil-ħin li jqattgħu fl-istess postijiet tal-akkademji.

Ħamrun Ħanin kiseb fondi mill-Community Development and Innovation Scheme, amministrata mis-Segretarjat Parlamentari għażŻgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni biex ikun jista’ jipprovdi librerija żgħira lill-akkademji li ssieħbu f’din l-inizjattiva. Dan il-proġett innovattiv se jibda b’fażi pilota f’għaxar akkademji qabel ma jkun estiż għall-klabbs kollha li huma interessati. Fit-tnedija, Ian Debattista, iċ-chairperson ta’ Ħamrun Ħanin tkellem dwar l-impenn ta’ din l-organizzazzjoni biex tuża l-futbol bħala pjat-

taforma għal impatt soċjali pożittiv. “L-isport u l-edukazzjoni jimxu id f’id. Filwaqt li l-futbol jippromwovi d-dixxiplina u l-ħidma f’tim, il-qari jgħin lit-tfal jiżviluppaw il-kreattività u l-għerf tagħhom. Permezz ta’ din l-inizjattiva, irridu nagħtu lil dawn il-plejers u l-qraba tagħhom, li spiss iqattgħu ħin twil jakkumpanjawhom għattaħriġ, l-opportunità li jibbenefikaw mit-tnejn. Ħassejna li dawn il-fondi nistgħu nużawhom għal benefiċċju mhux tagħna biss iżda wkoll tan-nurseries madwar Malta u Għawdex”. Joseph Cassar, il-Viċi President tal-YFA, żied: “Tul dawn l-aħħar erba’ snin, il-Youth FA saħħet l-element ta’ responsabbiltà soċjali bil-ħolqien tal-kampanja ‘Live it with Love’, ibbażata fuq il-filosofija ta’ Fr Hilary lejn il-futbol u l-isport. Fil-fatt, il-YFA iddeversifikat l-aspett tal-futbol f’appoġġ soċjali wiesa’, bil-għan li jiġu megħjuna n-nurseries u l-membri affiljati tagħhom. Permezz ta’ din it-tnedija, il-YFA qed tingħaqad ma’ Ħamrun Ħanin u l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu biex nipprovdu lill-akkademji membri l-opportunità li jespandu u jippromwovu l-importanza tal-qari fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa billi jsibu kotba direttament disponibbli fil-komunitajiet tagħhom, li jkunu jistgħu jissellfuhom

min-nursery qabel jew wara s-sessjoni ta’ taħriġ’’.

David Muscat, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu qal: “L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu se tkun qed tilgħab parti kruċjali f’din l-inizjattiva billi tipprovdi madwar mitt ktieb ta’ kwalità għolja bil-Malti u bl-Ingliż, lill-akkademji kollha li jipparteċipaw. L-Aġenzija ilha sa minn meta twaqqfet fl-2014 taħdem biex twaħħad il-futbol mal-qari. Fost oħrajn, fl-2017 l-Aġenzija ħolqot il-programm ‘Bil-Qari u l-Kitba Niskorja (Footballers Read and Write Programme) liema programm jgħin lit-tfal jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom fil-lingwa permezz ta’ attivitajiet kalċistiċi u sportivi.”

Fit-tnedija uffiċjali tal-avveniment tkellem ukoll l-eks plejer internazzjonali ta’ Malta Carmel Busuttil, li huwa wkoll Leader fil-Footballers Read and Write Programme u Ambaxxatur tal-Qari, u l-Professur Charles Mifsud, id-Direttur taċ-Ċentru tal-Litteriżmu fl-Università ta’ Malta u ċ-chairperson tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni.

Miljuni nġabru fl-Indja għal Festival tal-Hindu

Fl-14 ta’ Marzu, miljuni nġabru fl-Indja biex jiċċelebraw il-festival Hindu ta’ Holi. Dan ir-ritratt juri dan il-festival fejn jintefa' trabb ikkulurit fil-belt ta’ Kolkata.

Holi, magħruf bħala l-festival tal-kuluri, jimmarka l-wasla tar-Rebbiegħa fl-Indja u pajjiżi oħra tal-Asja t'Isfel.

Normalment in-nies iwaddbu lil xulxin trab ikkulurit differenti u jarmu t-trab fl-arja, li joħloq pajsaġġ bil-kuluri tal-qawsalla.

Holi jfisser "imħabba sagra" bejn l-alla Hindu Krishna u Radha. In-nies jiċċelebraw billi jieklu l-ikel tradizzjonali, jiżfnu u jisimgħu l-mużika tal-festa.

L-Astronawti li damu

disa’ xhur fl-ispazju

L-astronawti tan-NASA Suni Williams u Butch Wilmore suppost kellhom ikunu biss fl-ispazju għal tmint ijiem. Minflok, il-missjoni tagħhom damet disa’ xhur. Dawn irritornaw lejn id-dinja fuq fit-18 ta’ Marzu u niżlu fl-ilma 'l barra mill-kosta ta’ Florida.

L-astronawti spiċċaw maqbudin fl-ispazju wara li l-vetturi spazjali tagħhom esperjenzaw problemi tekniċi. Huma wżaw il-ħin biex iwettqu riċerka xjentifika u manutenzjoni fuq l-Istazzjon Spazjali Internazzjonali.

Ir-Robot Nia fiċ-Ċina

Robot li jisimha Nia minn

Beijing Qingfei Technologies Co Ltd laqgħet lill-mistednin fit-28 ta’ Marzu f’Beijing, iċ-Ċina. Hemm tellieqa madwar id-dinja għaddejja biex tiżviluppa l-ġenerazzjoni li jmiss ta' robots.

Skont il-Federazzjoni Internazzjonali tar-Robotika bbażata fil-Ġermanja, iċ-Ċina hija l-akbar suq fid-dinja għar-robots li jaħdmu fil-fabbriki.

Iċ-Ċina bħalissa qed tonfoq eluf kbar ta' flus biex tiżviluppa dawn ir-robots.

Għaliex ikel nutrittiv huwa importanti għas-saħħa tal-moħħ?

Il-moħħ huwa bħal kull magna, jeħtieġ il-fjuwil it-tajjeb biex jaħdem kif suppost. Fit-tfal, il-moħħ qed jikber u jinbidel kuljum. Għalhekk huwa importanti li nippreparaw ikel nutrittiv u varjat ibbażat fuq id-dieta Mediterranja għat-tfal tagħna. Ikel nutrittiv jista' jgħin lit-tfal fit-tagħlim, il-burdata u l-konċentrazzjoni. Ċertu ikel jista’ jgħin ukoll biex jipproteġi l-moħħ minn problemi li jistgħu jinqalgħu fil-futur.

Liema ikel huwa l-aħjar għas-saħħa tal-moħħ?

1. Frott u Ħxejjex

Frott u ħxejjex ta’ kulur differenti, bħal blueberries, l-ispinaċi u l-karrotti huma ppakkjati b'antiossidanti. Dawn in-nutrijenti speċjali jgħinu biex jipproteġu l-moħħ u jżommu l-memorja b’saħħitha. Ħeġġeġ lit-tifel/tifla tiegħek biex jieklu ħames porzjonijiet ta’ frott u ħaxix kuljum.

2. Ħbub Sħaħ

Ikel bħall-ħafur, ħobż sħiħ, u ross ismar jagħti lill-moħħ ħafna enerġija. Dawn jgħinu lit-tfal jibqgħu ffukati matul il-ġurnata tal-iskola jew waqt il-logħob.

3. Xaħmijiet monosaturati/polyunsaturati Ix-xaħmijiet tajbin, li jinsabu f'ikel bħall-avokado, il-ġewż, iż-żerriegħa taċ-chia, u l-ħut żejtni bħas-salamun, huma importanti għall-funzjoni taċ-ċelluli tal-moħħ peress li huma għanja fl-omega 3.

4. Proteina

Il-proteina hija bħall-blokki tal-bini għall-moħħ u jgħinu biex isewwi it-tessut tal-moħħ u jibni konnessjonijiet ġodda. Bajd, laħam dgħif, tiġieġ, fażola, u ġewż jipprovdu l-proteina li l-moħħ tat-tifel/tifla tiegħek jeħtieġ biex jikber u jibqa’ b’saħħtu. Evitaw ikel ipproċessat bħal gallettini, zalzett, perżut, salami u ikel jew xarbiet għoljin fiz-zokkor. Nieħdu gost nippreparaw u nieklu ikel tajjeb għassaħħa flimkien. Il-ġenituri jistgħu jgħinu lit-tfal jifhmu l-importanza li jieklu ikel nutrittiv billi jinvolvuhom fix-xiri tal-ikel, fl-ippjanar tal-ikliet u fit-tisjir. Li ssajjar flimkien mat-tfal mhux biss huwa pjaċevoli, iżda jgħin ukoll lit-tfal jitgħallmu kif ikel differenti jista’ jsaħħaħ il-funzjoni tal-moħħ. Li tiekol flimkien bħala familja jgħin lit-tfal biex jippruvaw varjetà ta’ ikel.

Billi jagħżlu ikel tajjeb għas-saħħa, il-ġenituri u t-tfal jistgħu jibnu pedament sod għal moħħ b’saħħtu. Mela, ejja nieklu tajjeb u nżommu moħħna b'saħħtu!

Sa. Sharon Vella (Nutrizzjonista)

Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard

Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Issuu converts static files into: digital portfolios, online yearbooks, online catalogs, digital photo albums and more. Sign up and create your flipbook.