»
Sliem u ħajja Parroċċa San Sebastjan Ħal Qormi Diċembru 2019
L-Umiltà...is-sigriet tal-Milied
Il-festa tal-Milied, hija festa għażiża. Tfakkarna li l-Iben ta’ Alla sar bniedem. Biex imma nifhmu sewwa t-tifsira tagħha, jeħtieġ preparazzjoni tajba, għax faċli jiġri li niċċellebraw il-Milied u ma nkunux fhimna t-tifsira veru tiegħu. Għalhekk, il-Knisja, tagħtina ż-żmien tal-Avvent, sabiex aħna, l-aktar permezz talKelma ta’ Alla, nħejju t-triq għat-twelid tal-Messija, is-Salvatur tagħna. Fil-fatt meta l-anġlu deher lil San Ġużepp f’ ħolma, biex jurih it-twelid ta’ Ġesù, huwa qallu: “Inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom.” [Mt:1:21] X’inhi t-tifsira tal-Milied? Il-Milied huwa l-wirja tal-umiltà ta’ Alla, li resaq lejna l-bnedmin, billi sar wieħed minna. Fil-fatt sar tarbija, biex jifdi u jħobb lill-bnedmin. Iva, Ġesù Bambin huwa s-sinjal li jafferma kemm Alla għall-bniedem jagħmel kollox. Alla ma joqgħodx ikejjel, imma għallkuntrarju jagħżel li jumilja ruħu biex jagħti mill-ġdid lill-bniedem dinjità wara li kien tilifha bid-dnub. Dan ifakkaruna San Ġwann, meta fid-daħla tal-Evanġelju tiegħu huwa jistqarr: “U mill-milja tiegħu aħna lkoll ħadna, grazzja fuq grazzja.” [Ġw:1:16] Kif ser niċċellebraw il-Milied? Min naħa tagħna, huwa meħtieġ li nersqu lejn Alla u bħal Ġesù nkunu bnedmin ta’ qalb ħelwa u umli. Għalhekk, l-umiltà hija ċ-ċavetta li lilna tgħinna nidħlu fil-qalba ta’dan il-misteru kbir. Għax bħalma Alla iċekken u ressaq lejn il-bniedem, hekk ukoll il-bniedem jeħtieġ li jagħżel l-umiltà bħala t-triq li twasslu għand Alla.
Xi tfisser tkun bniedem umli? 1. Tħalli l-kelma ta’ Alla idawwlek u timlilek qalbek. Għal dan il-għan, matul l-Avvent, il-Parroċċa ser toffri l-Lectio Divina, jiġifieri riflessjoni mibnija fuq l-Evanġelju tal-Ħadd, sabiex b’ hekk tkun din il-Kelma, li tgħinni napprezza aktar ir-rigal tal-Milied – Ġesu’ tarbija. 2. L-umli huwa dak li jħalli l-imħabba tmexxih firrelazzjoniet tiegħu mal-proxxmu. Għalhekk ma jkunx arroganti fl-imġieba tiegħu, imma dejjem juri rispett fi kliemu kif ukoll f’ għemilu. Huwa jħabbrek, biex inissel dejjem il-paċi kull fejn ikun. Jiena f’ dawn il-ġranet ta’ ferħ, huwa mistenni minni, li aktar min drabi oħra nfittex li nissel il-paċi fl-ambjent fejn nkun. 3. Jagħraf li għax huwa dgħajjef, għandu bżonn il-maħfra ta’ Alla. Il-festa tal-Milied, hija konferma ta’ kemm Alla jfittex li jiltaqà mal-bniedem fraġli. Għalhekk f’ dawn il-jiem, nieħdu ħsieb li nersqu għal Qrar, biex qalbna terġa tistrieħ fil-Mulej u mhux flaffarijiet materjali. Fl-ewwel Milied, Alla wriena t-triq tal-umiltà, meta qorob lejna permezz ta’ Ġesù, ejjew aħna wkoll llum nersqu lejn din t-tarbija ta’ Betlhem b’dan il-mod, biex tassew qalbna dduq il-ferħ tat-twelid ta’ Ġesù Bambin. Nawgura lilkom u lill-familji tagħkom Avvent qaddis, sabiex b’hekk naslu biex niċċellebraw Milied sabiħ. Il-Milied it-Tajjeb lil kulħadd. DUN EWKARIST ZAMMIT ARĊIPRIET