»
Sliem u ħajja Parroċċa San Sebastjan Ħal Qormi Ġunju 2018
KELMA TAL-KAPPILLAN
Kemm ħadt gost niltaqà magħkom Fil-jiem li għaddew aħna s-saċerdoti konna impenjati bittberik tal-familji. Fadlilna biss parti żgħira mir-raħal li jekk Alla jrid ser nagħmluha f’Ottubru li ġej. Nixtieq l-ewwelnett nirringrazzja mill-qalb lis-saċerdoti tad-disponibiltà tagħhom, biex it-tberik ikun jistà jsir u nżuru l-familji tal-parroċċa tagħna. Nirringrazzja wkoll lill-helpers tal-Parroċċa, li kienu magħna fit-tberik u li kienu juruna t-triq fejn irridu mmorru u fejn irridu nżuru. Fit-tberik, aħna s-saċerdoti, tassew apprezzajna li tagħtuna l-ħin tagħkom, li lqajtuna fil-familji tagħkom u li tajtuna ċ-ċans insiru nafukom aktar mill-viċin. Għalija bħala Kappillan ġdid, żgur li kien mument sabiħ li kont qed nistenna, biex permezz tiegħu, inkompli nibni ħbiberija sabiħa magħkom. Fit-tberik indunajt kemm fil-parroċċa tagħna għandna ħafna familji tajbin, li tassew qed jimpenjaw ruħhom biex iħobbu lil xulxin u jagħtu l-aħjar trobbija lit-tfal tagħhom. Aktar kemm tkellimt magħkom mill-viċin, aktar stajt nosserva kemm xi drabi l-isfidi li għandkom mhumiex żgħar. Dan jidher l-aktar fl-istress li ġġib magħha l-ħajja tal-familja u x-xogħol. Aktar kemm tkellimt mal-ġenituri, aktar indunajt kemm iħobbu lill-familja, lil uliedhom u kemm tassew għalihom lesti li jagħmlu kollox.
Naturalment, fil-ħajja mhux kollox ward u żahar, għalhekk fit-tberik kelli ċ-ċans ukoll li mmiss ma’ feriti li hemm fil-qlub tan-nies u l-familji, jew minħabba solitudni, jew minħabba nuqqas ta’ mħabba, kif ukoll minħabba mard u xi kura partikolari. Lil dawn in-nies mhux biss inwiegħdhom il-faraġ u l-viċinanza tiegħi, imma wkoll t-talb, biex il-Mulej iħarishom f’dak kollu li jeħtieġu. Ħaġa li ħeġġiġt fil-familji kollha li żort kienet: » Biex ma ngħixux mingħajr il-Quddiesa tal-Ħadd. Bħala nsara ma nistgħux ngħaddu mingħajr ilJum tal-Mulej. » Fil-familji tagħna naraw li dejjem inħobbu lil xulxin u nfittxu dejjem dak li jgħaqqadna, dak li huwa ta’ ġid, mhux dak li jagħmlilna l-ħsara. » Biex it-tfal u l-addoloxenti tagħna jattendu l-Museum jew fiċ-Ċentru tad-Duttrina, biex jiffurmaw ruħhom bħala nsara aħjar. Nafda fil-Qalb ta’ Ġesù l-familji kollha tal-parroċċa tagħna, biex Ġesù jberikhom, iħarishom u jipproteġihom minn dak kollu li jista’ jagħmilhom l-ħsara. Inselli ħafna għalikom u tkunu mberkin. DUN EWKARIST ZAMMIT KAPPILLAN