
2 minute read
Poeżija lil Fr. David
GĦAŻIŻ FR. DAVID
Tmien snin ilu lqajnik fostna Kemmxejn mistħi, għadek ġej U maż-żmien sirt parti minna Għax hawn bagħtek il-Mulej!
Advertisement
Bdejt bil-mod, ġbart nies madwarek U għajnuna sibt bla qies Fejn ħabbatt dejjem fetħulek Sapport dejjem tawk in-nies!
Għext mal-poplu, u mxejt miegħu Kulħadd fik sab ħajt ta’ kenn Mal-batut u mal-imsejken Urejt qalb illi taf tħenn!
Ċentru ftaħt għan-nies anzjani Semmejtu għal Dun Karm Lia Ftaħt idejk għal dawk batuti Waqqaft grupp tad-djakonija!
Fil-parroċċa f’jiem ta’ festi Bdejt int ħafn’ attivitajiet Ħadd il-Palm u l-Via Sagra, Presepju ħaj fil-Milied!
U x’ingħidu għall-proġetti Kemm restawr għamilt qatigħ Kull teżor ta’ ġewwa l-knisja Reġgħa ġie ġdid u sabiħ!
Il-lanterna fuq il-koppla Kif ukoll Santa Marija Żewġ proġetti fost il-bosta Li wettaqt b’ħafna enerġija! Xogħol għamilt fiċ-ċimiterju U fiċ-ċentru parrokkjali Restawr sar fuq il-ġilandra, Fuq gandlieri u ventartali!
Irranġajt is-sound fil-knisja U is-sistema tad-dawl Restawr kbir sar fuq in-niċċa U l-istatwa ta’ San Pawl!
Naħseb imma l-isbaħ ħaġa Li ħallejt bħala rigal Hi l-quddiesa l-Ħadd tad-disgħa Illi tant iħobbu t-tfal!
Tkun quddiesa ferm sabiħa It-tfal jipparteċipaw Talb u qari jkun f’idejhom Kemm iċapċpu u jkantaw!
U int fosthom tkun għal qalbek Taqbad magħhom u tinkiehom Imma mbagħad xi kelma tajba Biex dejjem tinkoraġġiehom.
Waqt xi hike mal-abbatini Zgur tarak tiela’ ma’ blata U meta l-baħar teħodhom Ċert li ttiehom xi majnata!
Qatt ma tgħid li inti mgħaġġel Nervi miegħek qas joqogħdu Wiċċek dejjem bit-tbissima Anke jekk kmieni filgħodu!
Trid kollox bil-perfezzjoni Kollox trid preċiż, eżatt Anke siġġu fir-ringiela Jew ktieb wieqaf u mhux ċatt!
Kollox trid li jimxi tajjeb U jsir b’ħafna eċċellenza B’hekk irbaħt b’umilta’ kbira L-Premju tal-Onorifiċenza!
Kollox tkun trid tipprepara Taħseb kmieni int tkun trid Imbagħad aħna fjakki naslu X’ħin tkun qed trodd is-salib!
Spiss int tikteb xi żewġ versi Tħobbha ħafna l-poeżija Taddatta l-kliem mal-mużika Biex jitkanta bl-armonija!
Kemm tħobb tkanta, Fr David B’dik il-ħeġġa tas-smewwiet! Tmexxi l-kant b’dak leħnek sbejjaħ! U addio l-korijiet!
Il-quddiesa importanti Kemm tal-Ħadd, kemm ta’ kuljum! Imma ħej kif taqbeż siegħa Hemm min jgħidlek ‘Kemm se ddum!’
Għal kull festa għandna statwa Kollha sbieħ u restawrati Għalhekk nagħmlu l-lotteriji! Biex flus niġbru, ħadd ma jbati! San Ġorġ tiela’, San Ġorġ nieżel Kanonku f’żewġ postijiet U għax issa mort Ħad Dingli Għamluk anke arċipriet!
Ħaġa stramba imma għalija Din li lilna l-Ħalsafin L-Isqof jibagħtilna dejjem Kappillan l’hu Juventin!
Imma nsomma Fr David Ngħidlek din u nieqaf haw Ħidma kbira u fejjieda Aħna lilek nawguraw!
Nisperaw li nibqgħu f’qalbek Anke meta jgħaddu s-snin U tibqa’ tiftakar fina Il-merħla tal-Ħalsafin
Marisa



