1 minute read

Messaġġ mill-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda

Meta qegħdin f’dak li suppost normalment ikun staġun tal-Festi, minflok qegħdin f’mument partikulari f’ċirkustanzi li bidlulna n-normalità tal-ħajja attiva tasSoċjetajiet tagħna.

Għal dawn l-aħħar erbatax-il xahar, is-Soċjetajiet tal-Banda f’Malta u Għawdex inħakmu mill-effetti talCovid-19 xejn anqas minn ħaddieħor. Kulħadd iħoss l-effett fuqu minn aspetti varji iżda ħaġa komuni għal kulħadd kienet u għadha li l-Festa tagħna ma nistgħux nagħmluha kif jistħoqqilha u kif nixtiquha.

Advertisement

F’Marzu tas-sena 2020 bdejna bil-ħasda tal-Covid-19 u bdejna nidħlu fi drawwiet ġodda li kkundizzjonawna mhux ftit. Esperjenzajna kif nistgħu naħdmu mhux bilmod tas-soltu.

Is-Sibt 23 ta’ Jannar 2021 komplejna b’ħasda oħra. L-Għaqda tilfet wieħed minnha, membru li l-Għaqda u kull wieħed minna kien iħares lejh bħala sors ta’ informazzjoni, faraġ u ta’ għajnuna. JC, kif kien l-aktar magħruf, kien maħbub u rispettat u jibqa’ ikona tal-Għaqda għas-servizz inkondizzjonat li kien jagħti lil kulħadd.

Meta f’Settembru hu stess kien proponieni biex neħodlu postu għax kien iddeċieda li jieqaf, mal-ewwel ħassejt il-piż tal-kariga iżda niftakar kliemu stess meta nkoraġġieni biex naċċetta basta naħdem flimkien mal-membri tal-Eżekuttiv u mal-membri kollha tasSoċjetajiet imsieħba. Kien jemmen fil-kollettiv u li kulħadd jagħti s-sehem tiegħu. Lil JC l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda sellmitlu kif kien xieraq u se nibqgħu niftakruh għall-ġid u x-xogħol li wettaq b’risq is-Soċjetajiet li tant kien iħobb.

Kieku dan iż-żmien kien żmien normali ta’ Festi, konna nkunu qegħdin fl-aqwa tat-tħejjijiet, madankollu l-ħsieb dwar il-Festa ma naqasx. Anke l-Għaqda tagħna, kif tafu żammet il-Festa fuq nett fl-aġenda tagħha. L-Eżekuttiv hu konxju tar-responsabbiltà li kull Soċjetà mxiet biha f’dak kollu li rnexxielhom jagħmlu u dan nirrikonoxxuh bis-sħiħ. Flimkien mas-Soċjetajiet kollha membri, tant ħdimna għall-ġid tal-Festa Maltija biex tkun dejjem ta’ suċċess, tant li qed nistennew b’ħerqa u b’fiduċja li l-Festa Maltija tiġi rikonoxxuta bħala Wirt Intanġibbli fil-lista Rappreżentattiva tal-Umanità talUNESCO.

Kif dejjem ħeġġiġna hekk ukoll qed inkomplu nagħmlu, sabiex sakemm jasal iż-żmien li nkunu nistgħu naħdmu u nagħtu sehemna f’dak kollu li s-Soċjetà s-soltu tagħmel, irridu nibqgħu b’saqajna malart u b’rasna fuq għonqna, kif ngħidu bil-Malti, billi nsegwu l-istruzzjonijiet tal-Awtoritajiet tal-pajjiż biex jirnexxilna naslu fejn nixtiequ.

Nawgura lill-membri kollha tas-Soċjetà kif ukoll ilpoplu fil-komunità, ħidma fejjieda b’risq il-ġid tal-istess Komunità li ngħixu fiha u tal-fraternità bandistika.

Raymond Zammit

Is-Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Każini tal-Banda