Kif intom? Wasalna għall‑ħames u l‑aħħar rivista għal din is‑sena skolastika. F’dawn l‑erba’ xhur tas‑sajf niċċelebraw diversi festi fl‑ibliet u l‑irħula Maltin u Għawdxin. Dawn iġibu magħhom ħafna divertiment. Ma jonqsux il‑marċi brijużi, il‑murtali, il‑ġigġifogu u l‑purċissjoni bil‑vara tal‑qaddis/a patruni tal‑parroċċa rispettiva.
Inħeġġiġkom sabiex matul il‑vaganzi twal tas‑sajf issibu ftit ħin liberu u taqraw l‑artikli interessanti li ħejjejnielkom f’din ir‑rivista. Nieħdu gost jekk tiktbulna xi ittra u tibagħtuhielna fl‑indirizz postali jew elettroniku. Inħajrukom tippruvaw tagħmlu l‑kraft u r‑riċetta tradizzjonali u fuq kollox ħudu sehem fil‑kompetizzjonijiet, għaliex għandna rigali sbieħ għalikom.
U fl‑aħħar nett, nixtieq infakkarkom biex ma tinsew qatt lil ħutkom tfal missjunarji u titolbu għalihom biex huma wkoll isiru jafu dwar Ġesù. Tkun xi ħaġa sabiħa jekk twarrbu xi ħaġa mill‑‘pocket money’ tagħkom għal dawn it‑tfal biex ikollhom x’jieklu, x’jilbsu, saqaf fuq rashom u edukazzjoni xierqa. Dan ikun bla dubju l‑isbaħ rigal li qatt jistgħu jaqilgħu!
Il‑ħabiba tagħkom, Claudia
Stampa tal‑faċċata: Alla Missier, eħles lil qlubna mill‑mibegħda, ir‑riżentiment, u l‑indifferenza, biex inkunu nistgħu nsiru strumenti ta’ rikonċiljazzjoni. Għinna nifhmu li s‑sigurtà vera ma tiġix mill‑biża’, iżda mill‑fiduċja, il‑ġustizzja, u s‑solidarjetà fost il‑popli. Ammen. Papa Ljun XIV
TFAL MISSJUNARJI: RIVISTA GĦAT‑TFAL LI TOĦROĠ BEJN OTTUBRU U MEJJU
Missio Nru. 150, Triq Lorenzo Gafà, il‑Mosta MST 4128
Kif intom tfal? F’April li għadda, MissioTfal ħa sehem f’konferenza tat‑tfal missjunarji fl‑Ewropa li saret fis‑Slovakkja. Din il‑konferenza tikkonsisti f’laqgħat minn nies professjonisti u opportunità għal dawk li jaħdmu mat‑tfal sabiex ikollhom aktar ideat u mezzi biex jaħdmu.
Fost il‑kelliema:
● Andrea Draganova għalliema tal‑AI, spjegat applikazzjonijiet importanti biex inwasslu l‑messaġġ tagħna waqt il‑laqgħat mat‑tfal jew
waqt xi lezzjoni. Tat ideat ġodda dwar logħob li huwa tajjeb kemm għal waqt xi laqgħat kif ukoll għall‑gost.
● Miro Jiro tiktoker espert biex iwassal il‑Vanġelu lit‑tfal permezz
ta’ Tiktok billi juża affarijiet ta’ kuljum, bħal imkatar ikkuluriti u platti tal‑karti għaż‑żfin u d‑daqq.
Għaliex, kulħadd jista’ jdoqq u jaf idoqq b’dawn il‑platti! Spjega kif bi ftit immaġinazzjoni u bi ftit affarijiet nistgħu nikkomunikaw mat‑tfal, speċjalment ma’ dawk magħluqin fihom infushom jew li għandhom xi kundizzjoni speċjali.
bħal dawn huma importanti ħafna biex wieħed jitgħallem u jieħu ideat ġodda. Intgħoġbot ħafna l‑attività tagħna l‑Maltin: il‑‘World Diversity
Days’ li nagħmlu fl‑iskejjel tagħna. Intgħoġbu wkoll il‑‘culture sessions’ li norganizzaw fil‑klassijiet, u l‑‘Bee
Positive Campaign’ li nedejna f’Marzu li għadda. Rafiki, il‑mascot tagħna kien ta’ ispirazzjoni, għaliex Missio
Scotland għandhom issa lil Missy Moo, baqra bħala mascot.
Din il‑konferenza mlietni b’ħafna ferħ u ideat li nixtieq naqsam magħkom it‑tfal matul is‑sena li ġejja. Għalhekk, matul dan is‑sajf se nipprepara u naddatta wħud mill‑ideat li jgħoddu għalina. B’hekk għandi ħerqa kbira li terġa’ tibda l‑iskola biex naraw flimkien dawn l‑attivitajiet ġodda jseħħu fir‑realtà!
Dun Victor Agius
L‑ISBAĦ ĦBIBERIJA HIJA MAĦLUQA MINN ALLA
Għeżież tfal, kontu tafu li Papa
Ljun qabel ma sar Papa kien patri Agostinjan? Meta jitkellem il‑Papa ħafna drabi jsemmi t‑tagħlim ta’ Santu Wistin li kien żagħżugħ modern u fuq tiegħu ħafna. Imma ommu, Santa Monika kienet titlob ħafna għalih u fl‑aħħar Wistin beda jiskopri s‑sbuħija tal‑Vanġelu, u għalhekk skopra kemm il‑ħajja tal‑bniedem hi sabiħa għax ħalaqha Alla, u Alla għax hu sabiħ ma jista’ joħloq xejn li mhux sabiħ.
Wistin skopra li Alla hu Trinità li tfisser Alla wieħed fi tliet persuni, għax dawn it‑tliet persuni tant iħobbu lil xulxin bi mħabba perfetta li aħna meta nħarsu lejhom naraw
biss imħabba waħda, għalkemm nibqgħu narawhom tlieta. Għalkemm differenti minn xulxin, imma kull wieħed ma jħarisx lejh innifsu, lejn dak li jaqbillu, imma jħares biss lejn l‑ieħor li jħobb u jagħtih kollox, dak kollu li hu. It‑Tliet Persuni tat‑Trinità huma l‑aktar ħbieb perfetti, perfetti ta’ veru, u Wistin fehem li l‑bniedem hu maħluq għal din ix‑xbieha, u allura hekk għandha tkun il‑ħbiberija vera, li flok iġġib il‑ġlied, il‑firda u l‑gwerer, iġġib l‑imħabba, il‑paċi u l‑għaqda.
Il‑Papa jemmen ħafna f’dan u jixtieq li aħna lkoll ngħixu hekk ħalli nkunu dejjem ferħanin għax naħsbu f’xulxin, għax ngħinu lil xulxin, għax verament inħobbu lil xulxin. Mela tfal ejjew nagħmlu dawn il‑vaganzi tas‑sajf sbieħ billi nagħmlu ħafna ħbieb, u nagħmlu d‑dinja isbaħ u mimlija bi tfal u nies twajba.
Dun Renato Borg
NIRRINGRAZZJAW LIL ALLA TAL‑IKEL LI JIPPROVDILNA
Għeżież Tfal,
Forsi xi wħud minnkom tistaqsuni għaliex illum qiegħed tiktbilna fuq
l‑ikel. Dan għaliex Papa Ljun XIV jixtieqna nitolbu għal dawk kollha li m’għandhomx x’jieklu. Fl‑artijiet tal‑missjoni, b’dispjaċir ngħidu li l‑missjunarji jiltaqgħu ma’ familji sħaħ li ma jkollhomx x’jieklu.
Għalhekk tajjeb li l‑ewwel u qabel kollox ngħidu grazzi lill ‑ Mulej li jipprovdilna l‑ikel ta’ kuljum: “Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum.”
Irridu wkoll nirringrazzjaw lill‑ġenituri tagħna li bix‑xogħol tagħhom jaqilgħu l‑flus biex ikunu jistgħu jitimgħuna. Forsi s’issa qatt m’għaddielna minn
moħħna li wieħed jista’ ma jkollux x’jiekol. Għalina hija ovvja li nsibu l‑ikel ippreparat fuq il‑mejda u xi drabi jkollna l‑għażla wkoll ta’ xi rridu nieklu. Il‑Papa jixtieqna fuq kollox ma naħlux u ma narmux ikel. Jien ġieli nżur xi skejjel u xi postijiet oħrajn, u nara ħobż u ikel ieħor mormi fiż‑żibel. Dan mhux biss huwa ħela, iżda meta aħna narmu l‑ikel noffendu lil dawk it‑tfal u nies oħra li m’għandhomx x’jieklu.
Għandna napprezzaw iktar l‑ikel li jressqulna u filwaqt li nirringrazzjaw lil Alla talli pprovdilna nitolbu għal dawk li m’għandhomx. Tajjeb li qabel u wara l‑ikel ngħidu talba sempliċi, u niftakru u nitolbu għal dawk li m’għandhomx ix‑xorti li jsibu x’jieklu.
“Ġesù qajjem fina kuxjenza ġdida, li nitgħallmu nroddulek ħajr ta’ kull ikel, li nikkonsmaw bis‑sempliċità u naqsmu bil‑ferħ u li nħarsu l‑frott tal‑art bħala don tiegħek destinat għal kulħadd, u mhux biss għal ftit.”
Kunu mberkin.
Maleba
Storja vera addattata minn Claudia Cini.
Immaġina dinja bla ħoss. La tista’ tisma’ l‑għasafar isaffru, la xi kelb jinbaħ, la lil xi ħadd jgħajjatlek, la l‑ħoss ta’ jdejn iċapċpu u lanqas il‑mużika! Jekk tara xi film ma tisma’ xejn minkejja li jkun hemm l‑atturi jitkellmu, il‑mużika fl‑isfond u ħafna ħsejjes oħra.
Għal ħafna persuni neqsin mis‑smigħ, din hija r‑realtà tagħhom ta’ kuljum!
Maleba hija tifla mill‑Etjopja li hija nieqsa mis‑smigħ. Minħabba f’hekk ma tistax tagħmel ħbieb u ħafna mill‑ħin tgħaddih waħedha. Hija tipprova tikkomunika billi tagħmel ħafna mossi b’idejha, iżda ftit li xejn jifhmu xi tkun qed tipprova tgħid.
Maleba tgħix f’komunità fqira ħafna. Dan ma jgħin xejn fil‑kundizzjoni li għandha din it‑tifla grazzjuża.
Però jeżisti post fejn lil Maleba u lil tfal oħra neqsin mis‑smigħ, jisimgħuhom u jifhmuhom. Din hija skola fejn jattendu fiha tfal li għandhom din il‑kundizzjoni. Maleba u t‑tfal l‑oħra qed jitgħallmu l‑lingwa tas‑sinjali, b’hekk ikunu jistgħu jikkomunikaw bejniethom u jagħmlu ħbieb.
Il‑‘Co‑Action Deaf School’ qed tagħti tama għal futur aħjar lil Maleba u lit‑tfal kollha li jattendu ta’ kuljum f’din l‑iskola.
La tikber, Maleba tixtieq issir għalliema. Sa mill‑bidu li bdiet tattendi din l‑iskola, it‑tifla bdiet tagħmel kambjamenti kbar fil‑lingwa tas‑sinjali. Saħansitra, hija diġà bdiet tgħallem tfal iżgħar minnha l‑lingwa tas‑sinjali.
L‑iskola wrietni li, għalkemm ma nistax nisma’, xorta kapaċi nagħmel affarijiet importanti.
Il‑‘Co‑Action School’ fl‑Etjopja ilha topera għal dawn l‑aħħar 40 sena. Tul is‑snin żviluppat ambjent sigur, filwaqt li tilqa’ t‑tfal neqsin mis‑smigħ u tagħtihom opportunità għal edukazzjoni u ħajja kemm jista’ jkun normali.
Minkejja l‑isforzi kollha mill‑mexxejja, l‑iskola, qed tbati biex tkampa. Il‑bini għandu bżonn il‑manutenzjoni u jinħtieġ tagħmir u riżorsi ġodda.
Ejjew ningħaqdu flimkien u ngħinu iktar tfal, bniet u subien, minn madwar id‑dinja kollha li huma neqsin mis‑smigħ sabiex ikollhom tama għal futur isbaħ! Donazzjoni żgħira hija biżżejjed għax kull qatra tgħodd, u ħafna qtar flimkien jimlew ġarra kbira!
Grazzi għad‑donazzjonijiet tagħkom, aktar tfal se jirċievu din ix‑xorti sabiħa li messet lili.
Kif qalilna Papa Franġisku, aħna mħeġġin biex inkunu missjunarji ta’ tama għall‑popli kollha. Bl‑għajnuna ċkejkna tiegħek, MissioTfal jista’ jsostni l‑ħidma ta’ ħafna missjunarji fosthom Maltin, ikomplu jgħinu lil ħuthom fil‑komunità madwar id‑dinja kollha.
Ħeġġeġ lill‑familjari u lill‑ħbieb jgħinuk tfaddal il‑flus ħalli tgħin tifel jew tifla tamparek li jgħixu fil‑missjoni!
Jekk tixtieq karus fejn tfaddal il‑flus, itlobna u nagħtuk wieħed!
Meta timla l‑karus, ħu l‑flus fl‑uffiċċju ta’ MissioTfal fil‑Mosta, fil‑Belt Valletta jew fir‑Rabat, Għawdex. Minbarra li tingħata rċevuta, inti tista’ tagħżel x’tixtieq isir bil‑flus li tkun faddalt.
Dawn huma xi wħud mill‑eżempji ta’ x’jista’ jsir bil‑flus tiegħek:
€3 Par żarbun għal tifel jew tifla fqir/a
€7 Tiġieġa għal familja fil‑bżonn
€20 Platt ross u fażola lil 60 tifel u tifla bil‑ġuħ
€25 Ikla sustanzjuża kuljum għal 25 tifel u tifla
€30 Uniformi u materjal tal‑iskola għal 6 itfal
€55 Mogħża tal‑ħalib għal familja żvantaġġjata
€50 Ilbies protettiv għal tabib biex jikkura persuni b’mard infettiv
€104 Lavanji tal‑‘braille’ għal tfal neqsin mid‑dawl
MIN HUMA T‑TFAL MISSJUNARJI?
Jekk taħseb li ‘t‑tfal missjunarji’ huma dawk li għandhom xi tessera, jew li jagħmlu parti minn xi grupp, jew li din id‑definizzjoni ma tgħoddx għalik, għandek żball. Kull min huwa mgħammed huwa tifel jew tifla missjunarju/a! Dan kien jgħidu ħafna drabi Papa Franġisku: li missjunarju huwa dak li jgħix kif jixtieq Ġesù. Dan ifisser kulħadd.
Fis‑6 ta’ Jannar li għadda, Papa Ljun sellem u rringrazzja lit‑tfal kollha li jitolbu għat‑tfal tad‑dinja kollha li qed ibatu u li huma żvantaġġjati. Dawn it‑tfal jitolbu wkoll għall‑missjunarji li jaħdmu f’pajjiżi ’l bogħod. Lil dawn it‑tfal kollha, il‑Papa sejħilhom tfal missjunarji u rringrazzjahom mill‑qalb.
Mela, it‑‘tfal missjunarji’ huma dawk it‑tfal li jitolbu u jħobbu jaqraw il‑Vanġelu biex isiru jafu dejjem iżjed lil Ġesù, kif ukoll dawk li dejjem lesti jgħinu lil dawk it‑tfal fil‑bżonn.
Dan huwa l‑kit ta’ identità li għandu jkollhom tifel u tifla missjunarji:
· F’moħħhom ix‑xewqa biex iwasslu messaġġi ta’ paċi, ta’ ferħ u ta’ solidarjetà.
· Fuq fommhom kliem
ta’ kuraġġ li jġib wieħed li jħobb il‑Vanġelu.
· Lesti li joffru jdejhom biex jgħinu lil dawk fil‑bżonn.
· Widnejhom dejjem lesti jisimgħu lil dawk li għandhom bżonn l‑għajnuna.
· Għajnejhom dejjem attenti għal dawk li jridu jafu fuq tfal li jgħixu f’pajjiżi oħra.
· Saqajhom dejjem lesti biex jimxu t‑triq li għallimna Ġesù.
· F’qalbhom ħafna talb għal dinja aħjar.
BOOKMARK ‑ FARFETT
Kraft Mis‑Sri Lanka
Is‑Sri Lanka hija abitata minn 247 speċi ta’ friefet. Minnhom 32 huma endemiċi, jiġifieri dawk li jinsabu f’reġjun wieħed
biss u mkien ieħor fid dinja. Il farfett Birdwing jew Ceylon Birdwing huwa wieħed minnhom, u huwa meqjus bħala l‑farfett nazzjonali tal‑pajjiż u l‑akbar wieħed ukoll. Il‑firxa ta’ ġwenħajh hija akbar minn 100mm u tvarja medju ta’ 150‑180mm.
X’għandek bżonn:
• Biċċa kartonċina bajda
• Kuluri jew markers
• Imqass
• Lapes
X’għandek tagħmel:
• Pinġi l farfett fuq il kartonċina bħal fl‑istampa.
• Aqtgħu bl imqass, però qabel itwi l‑kartocina min‑nofs biex iż‑żewġ naħat tal farfett jiġu pariġġ.
• Agħtih il‑kulur.
Kun żgur li tissorvelja lit‑tfal meta jkunu qegħdin jagħmlu l‑krafts.
Wara li tagħmlu din il‑bookmark araw li taqraw xi ktieb jew tnejn dan is sajf. Ftakru li hemm ħafna tfal fid‑dinja li ma jafux jaqraw, anki fi Sri Lanka. Apprezzaw li intom tmorru l‑iskola, u għandkom għalliema li jgħallmukom u jħobbukom. Tajjeb li qabel torqdu tgħidu talba għat tfal li m’għandhomx flus biex imorru l‑iskola u biex dawn jirċievu din il grazzja ħalli b’hekk la jikbru ma jibqgħux jgħixu fil‑faqar.
Nieħdu gost jekk tibagħtulna fuq nancy@missio.org.mt ritratti ta’ din il‑logħba biċ‑ċans li tirbħu rigal sabiħ.
RIĊETTA TRADIZZJONALI
Claudia Cini
BISKUTTINI
TAL‑LEWŻ
MINN HONG KONG
X’għandek bżonn:
• 454 gramma lewż pur mitħun (intrita)
• 340 gramma zokkor ‘caster’
• 3 abjad tal‑bajd
• Qoxra ta’ żewġ lumijiet
• Nofs kuċċarina essenza tal‑vanilja
• Ftit lewż sħiħ
• Karti tal‑ostji
Metodu:
1. Ħawwad sew l‑abjad tal‑bajd u żid ftit ftit l‑ingredjenti l‑oħra kollha.
2. Ħalli l‑għaġina toqgħod għal madwar nofs siegħa.
3. Ifforma l‑għaġina fi blalen żgħar ta’ madwar pulzier kull wieħed.
4. F’każ li l‑għaġina tiġi ddellek wisq, żid ftit oħra intrita jew żid ftit dqiq tal‑lewż.
5. Poġġi lewża fin‑nofs ta’ kull biskuttin.
6. Poġġi l‑biskuttin f’dixx tal‑forn miksi bil‑karti tal‑ostji.
7. Aħmi f’forn moderat għal madwar 10 minuti jew kwarta.
Kont taf li: Hong Kong ilu jifforma parti miċ‑Ċina sa mill‑1 ta’ Lulju 1997? Dan il‑pajjiż huwa magħmul minn 263 gżira. Il‑belt prinċipali hija Tamar u l‑akbar belt hija Sha Tin. Il‑maġġoranza jitkellmu bil‑Kantoniż. Bejn Mejju u Novembru huwa l‑istaġun tat‑tifuni. L‑ajruport internazzjonali huwa kbir daqs 20 grawnd tal‑futbol. L‑istatwa tal‑bronż tal‑Big Buddha li tinsab fuq il‑Gżira ta’ Lantau, hija għolja 34 metru u hi fost l‑ikbar statwi fid‑dinja tal‑buddha bilqiegħda. Il‑Pont Zuhai‑Macau, li huwa twil 55 kilometru, huwa l‑itwal pont fid‑dinja li jaqsam minn fuq il‑baħar. Tkun ikkunsidrat xortik tajba jekk l‑ewwel wild ikun tifla u t‑tieni wild ikun tifel!
Nota Importanti: Qabel tibda ħu ħsieb aħsel idejk sew, inża’ l‑ġojjellerija, orbot xagħrek u ilbes ilbies addattat. Itlob l‑għajnuna ta’ persuna adulta, speċjalment jekk se tuża oġġetti li jaqtgħu, in‑nar u/ jew l‑elettriku.
ĠUNJU – LULJU – AWWISSU ‑ SETTEMBRU 2026
Ibgħat is‑soluzzjoni t‑tajba flimkien ma’ ismek, kunjomok, l‑età u l‑indirizz, hekk:
Tfal Missjunarji – Kompetizzjonijiet, Nru.150, Missio, Triq Lorenzo Gafà, il‑Mosta MST 4128
1. QABBEL ID‑DELLIJIET
Qabbel l‑istampi tax‑xellug mad‑dellijiet rispettivi tagħhom fuq il‑lemin. Tista’ wkoll tpinġi l istampi.
Iż‑żewġ kompetizzjonijiet
jistgħu jintbagħtu fl‑istess invilopp.
Tista’ wkoll tibgħat ritratt jew scan tal‑kompetizzjonijiet permezz ta’ imejl fuq: info@missio.org.mt
2. KOMPETIZZJONI TAL‑KITBA U TAT‑TPINĠIJA
Qed inħeġġukom sabiex tiktbulna u/jew tpinġulna dwar kif għaddejtu l‑vaganzi tas‑sajf. Mort xejn baħar? Mortu xi safra barra minn Malta? Għamiltu xi ħaġa ġdida? Inħallu f’idejn l‑immaġinazzjoni tagħkom. L‑ewwel ittra li titla’ bil‑polza tirbaħ kupun ta’ €10 li jissarraf mill‑ħanut Faith, Hope & Charity fil‑Belt Valletta.
ĠUNJU – LULJU – AWWISSU ‑ SETTEMBRU 2026
ISEM U KUNJOM: ETÀ:
INDIRIZZ: KODIĊI POSTALI:
SKOLA:
IMEJL: Soluzzjonijiet tal‑Kompetizzjonijiet ta’ Frar ‑ Marzu 2026: Ħarġa Nru 111.
1. SIB 5
DIFFERENZI
2. KITBA U TPINĠIJA
Amy Tonna
Ir rebbieħa tal kompetizzjonijiet huma Amy Tonna mill‑Ħamrun, Anita Allampalli minn Ħ’Attard u Luke Muscat mill‑Imġarr, Malta. Grazzi lil kull min bagħtilna t tweġibiet. Prosit lir‑rebbieħa! Huma jirċievu ittra bil‑posta mingħandna biex ikunu jistgħu jiġbru r‑rigal tagħhom.