Skip to main content

Nimxu Id f'Id - Settembru 2020

Page 1

Ritratt tal-faċċata: L-Iskola Primarja tan-Nadur - Infetħet uffiċjalment

fl-4 ta’ Jannar 1932 u kienet it-tieni skola f’Għawdex, wara dik tar-Rabat. Inbniet apposta biex isservi ta’ skola. Matul is-snin tal-gwerra ospitat fiha suldati kemm Ingliżi kif ukoll Amerikani. Għal diversi snin kienet maqsuma: naħa tas-subien u naħa tal-bniet. Interessanti l-fatt li fl-1943 ingħalqet għal xahrejn minħabba epidemija ta’ paraliżi infantili. Ritratt meħud fit-14 ta’ Mejju 2019 - Martin A ttard


Għandek

Minuta?

Nimxu Id F’Id Settembru 2020

Ħarġa Nru. 487

Jgħiduha bdiewa antiki meta xogħol ir-raba’ kien isir minnhom u mill-ħmar għax ħadd ma kellu mħaret tad-diesel jew petrol. Jirrakkontaw li darba bidwi ħa lil ibnu miegħu fl-għalqa. Kellu ħafna impenji f’moħħu u għalhekk ħaseb li jiddelega xogħol minnhom lil ibnu waqt li hu jmur jagħmel xi ħaġa oħra. “Ħares ibni lejn l-għalqa ta’ ħdejna. Qed tarahom il-linji dritti li jiffurmaw il-bjut tat-tewm. Qishom suldati lesti għal xi spezzjoni fil-pjazza tal-belt. Għalhekk hu ħsieb li tmexxi l-ħmar f’linja dritta biex meta niżirgħu l-ful u dan jikber jifforma linja dritta bħal din ta’ seħibna.” Iżda t-tifel ħassu jinfixel għax ma kienx jaf kif ser jagħmel biex iżomm il-moħriet f’linja tant dritta. U l-missier kompla jgħidlu: “Ħares lejn dik il-baqra rieqda għax-xemx. Qis li tibqa’ tinkwadraha bejn widnejn il-ħmar. Agħtiha daqqa t’għajn fil-bidu u kompli miexi. Sakemm il-baqra tibqa’ tidher bejn widnejn il-ħmar, kun ċert li qed tagħmel gandott dritt fil-ħamrija.” It-tifel sema’ minn missieru imma meta dan ġie lura xi siegħa wara jara sinjali qishom magħmulin minn raġel fis-sakra. U beda jghajjat ma’ ibnu. “Jien għamilt eżatt kif għidtli. Inħares il-ħin kollu lejn il-baqra u nipprova nżommha bejn widnejn il-ħmar waqt li nżomm il-moħriet bid-dritt. U tgħidx kemm batejt għax il-baqra daqqa kienet torqod f’post u daqqa tqum u torqod band oħra.” Hekk jiġrilu min għemilu jibnih fuq prinċipji bla sinsla. Bħal dawk li jibnu ħajjithom fuq role models moderni li l-aġir tagħhom la jagħmel unur lilhom u lanqas lil dawk li jimitawhom. L-aqwa u l-ikbar role model ta’ ħajjitna hu l-Mulej Ġesù. Min sejjes għemilu fuqu ma ddispjaċiehx għax il-linji ta’ ħajtu ma kinux qishom magħmulin minn raġel fis-sakra.

1


Wirt il-Fundatur Dun Ġorġ ħallielna teżor. . . f’kitbietu

Il-Mexxej tal-Għomja - Dux Cœcorum L-agħma jeħtieġ li jkollu fiduċja f’min imexxih. Int min int, isma’ u studja. . . Sentenzi meħudin minn ktejjeb ta’  Bniedem tal-paċenzja jimxi b’għaqal kbir, Dun Ġorġ Preca u bniedem bla paċenzja jara u juri kemm hu bl-isem

iblah. Dux Cœcorum: Il-Mexxej tal-Għomja  M’għandekx xi tridu dak li mhux għalik. li deher biċċa biċċa fil-Kalendarju Museumin 1953/1957

Ma jiggvernax tajjeb min ma jħobbx id-dawl tal-għerf. 

 Jekk issodd widnejk għall-għajjat ta’ min ikun fil-bżonn, ma tkunx mismugħ meta inti tgħajjat fil-bżonn tiegħek.

2


Stejjer marbuta ma’

Giovanni Battista Montini

San Papa Pawlu VI Meta kien Arċisqof ta’ Milan sar jaf li l-ħabib antik tiegħu Don Gnocchi kien qed imut. Kien ilu jaf lil dan it-twajjeb qassis li ddedika ħajtu għat-tfal b’diżabilità. Ħadem u stinka biex ikollhom ħajja bħalma kellhom tfal oħra. Mar ħdejh l-isptar u qagħad hemm għal ħafna ħin minkejja l-bosta impenji li kellu jistennewh. Għamel ħafna kuraġġ lil ħabibu u meta ġew biex jinfirdu xi ħadd ra lill-Arċisqof jibki. Ta’ madwar il-qassis qalulu: “Ara kemm kien japprezza l-ħidma tiegħek favur it-tfal. Rajnieh jibki.” “Naf li kien japprezza iżda beka għax aħna konna verament ħbieb. Jaf li ser jitlef ħabib. Għalhekk beka.” Montini kien japprezza ferm ħbiberija sinċiera.

Giovanni Battista Montini. . . . . .kien Kardinal Arċisqof ta’ Milan li fil-21 ta’ Ġunju 1963 ġie magħżul bħala l-Papa l-ġdid u ħa l-isem ta’ Pawlu VI. Miet fis-6 t’Awwissu 1978 u ġie ddikjarat qaddis fl-14 t’Ottubru 2018.

3


. . .jikteb Dr. Coronato Grech Kemm hu għoli s-sema? U. . . issa x’se taqla’!! Mal-ewwel daqqa t’għajn is-sema ma jidhirx li huwa għoli ħafna. Kultant x-xemx u l-qamar, meta qrib l-orizzont, jidhru qrib sew kif ukoll il-kwiekeb f’lejl ċar u iswed. Fil-mitoloġija Griega alla Atlas kien jingħad li jġorr is-sema fuq spallejh.

Intant, għall-ewwel din il-mistoqsija tidher inkonfondibbli għax minn fejn ser tibda’ tkejjel? Is-sema jidher qisu koppla tonda li ddur mil-Lvant għall-Punent u ġġor ix-xemx, il-qamar u l-kwiekeb magħha. Minn dawn, il-qamar jidher l-eqreb għax jgħaddi minn quddiem ix-xemx waqt eklissi tax-xemx, waqt li x-xemx tgħaddi quddiem il-kwiekeb li jidhru l-iktar bogħod. Teknikament, il-qamar jinsab idur f’orbita mad-dinja f’distanza ta’ madwar 400 elf kilometru, distanza li tvarja bi ftit eluf ta’ kilometri, għax l-orbita mhix ċirku perfett. L-ewwel li kejjel id-distanza (bi preċiżjoni kbira) tal-qamar kien il-Grieg Ipparku madwar is-sena 150 Q.K. U dan għamlu billi studja d-dell tad-dinja fuq il-qamar waqt eklissi tal-qamar, kalkulazzjonijiet tal-ġometrija, u għax kien jaf id-daqs tad-dinja. Dan id-daqs tad-dinja kien ikkalkulah bi preċiżjoni kbira Eratostene (276-194 Q.K.), ukoll minn studji ta’ dellijiet, kalkulazzjonijiet matematiċi u ġenju. (. . .ikompli fil-ħarġa tax-xahar id-dieħel)

4


. . .jikteb Ritchie Grech Il-Perniċi Il-Perniċi bl-Ingliż jissejħu partridges u bil-Malti ġieli jissejħu ħaġel jew ċukkar. Jixbhu lissummien imma huma daqsxejn akbar minnhom. Huma tajr li lbiċċa l-kbira tal-ġurnata jgħaddiha jimxi fl-għelieqi jnaqqi d-dud u xi żrieragħ. Il-perniċi kienu u għadhom sors ta’ ikel għall-poplu Lhudi. Kienu jiġru warajh anki fuq iżżwiemel sakemm jegħja imbagħad jinqabad anki bl-idejn. Forsi hekk kellu fi ħsiebu l-awtur tal-ewwel ktieb ta’ Samwel meta kiteb “u issa tħallix li demmi jixtered fl-art, 'il bogħod minn wiċċ il-Mulej, għax is -sultan ta' Iżrael ħareġ ifittex bergħud bħalma jduru għal perniċa qalb il-muntanji” (1 Sam. 26, 20). Hawn David qed jitlob lis-Sultan Sawl li ried joqtlu biex ma jkomplix jiġri warajh jfittex lil ħajtu. David kellu ċans joqtol lil

Sawl meta kien rieqed bil-lejl imma ħafirlu u biex jurih li seta’ temmlu ħajtu, ħadlu l-lanza u l-ġarra tal-ilma bħala xhieda għax dawn kienu fejn rasu. ’Il quddiem il-Mulej ħallas lil David billi għamlu Sultan flok Sawl li ma mexiex skont il-liġijiet tiegħu. Referenzi oħra huma: “Bħal-ħaġla li tfaqqas il-bajd li ma tbidx hi; hekk min jaħżen il-ġid, imma mhux bis-sewwa; f'għomru jkollu jħallih, u fl-aħħar ta' ħajtu jitqies bħall-iblah. (Ġer. 17, 11) Interessanti li anki fil-Bibbja Saydon tintuża ħaġla li hi kelma antika. Fl-art tal-Bibbja jinstabu diversi tipi ta’ perniċi.

5


Fatti, tagħrif u figuri li jqanqlu stagħġib. . . u forsi tbissima.

Ftit tagħrif li jinteressana, forsi l-aktar lil dawk dilettanti tal-istorja u tal-ġeografija tal-Istati Uniti Kien it-tfajjel Bennie Benson ta’ 13-il sena li ħoloq id-disinn tal-bandiera tal-istat ta’ Alaska fejn kien jgħix.

Supai u Phantom huma żewġ irħula żgħar fil-Grand Canyon li għadhom sal-lum jirċievu l-posta minn pustier riekeb ħmar għax il-mogħdijiet huma tant dojoq li ebda mutur jew rota ma jistgħu jintużaw.

L-ewwel Direttorju tat-telefown fid-dinja ġie ppubblikat fi New Haven Connecticut fi Frar 1878 u kien fih biss 50 abbonat.

6


L-ewwel belt fid-dinja li nxtegħlet b’dawl elettriku kienet dik ta’ Wabash fl-istat ta’ Indiana. Dan l-avveniment seħħ fit-8.00pm tal-31 ta’ Marzu 1880.

Iowa huwa stat famuż għat-trobbija tal-qżieqeż. Fil-fatt hemm 7 qżieqeż għal kull bniedem f’dan l-istat.

In-nies ta’ Kansas jiftaħru li l-istat tagħhom jiġi fin-nofs eżatt tal-Istati Uniti. . . fiċ-ċentru jekk tqis it-Tramuntana, in-Nofsinhar, il-Punent u l-Lvant tal-pajjiż.

7


Iż-Żugraga u r-Rota Meta żugraga ddur fuqha nnifisha għandha momentum ukoll imma jgħidulu angular momentum. Iktar ma' oġġett ikollu momentum, iktar diffiċli tbiddillu d-direzzjoni tiegħu. Mela jekk żugraga tkun iddur ħafna b'rata għolja, diffiċli iktar biex tbiddel il-momentum tagħha. Fil-fatt tkun iktar stabbli u ma taqax. Imma mbagħad xħin tnaqqas mid-dawrien, tibda

8

tiżżegleg

(precession)

u

taqa'.

L-istess jiġri f'rota. Meta r-roti (tyres) tar-rota jkunu jduru ħafna, ikollhom ħafna angular momentum u għalhekk diffiċli iktar biex tbiddel id-direzzjoni ta' dan il-momentum. Trid iktar torque. Għalhekk meta r-roti jkunu jduru ħafna, ir-rota tkun iktar stabbli u jkun iktar faċli għalik iżżomm il-bilanċ fuqha. Tista' tħoss kemm hu iktar diffiċli tbiddel iddirezzjoni tal-fus ta' rota meta tkun iddur fuqha nnifisha. Jekk talza r-rota ta' quddiem ta' rota u ddawwarha meta wieqfa, issibha faċli. Imma jekk tkun iddur fuqha nnifisha, issibha iktar diffiċli.


Niktbu bil-Malti tajjeb. . . Bigħejt jew Begħt? Liema hi t-tajba? Meta nitkellmu ngħidu ‘biħħejt’ jew ‘biħħejtu’ u nlissnu ħoss ta’ ‘ħ’, u ta’ spiss narawhom miktubin bħala ‘bigħejt’ jew ‘bigħejtu’. Iżda l-forma korretta fil-kitba hija begħt u begħtu. Kif tista’ tiftakar kif trid tiktibhom? Faċli tiftakar kif għandhom jinkitbu. Kemm issegwi l-mudell t’hawn isfel, fuq il-mudell tal-verb ħiet. Tista’ wkoll timxi fuq il-mudell ta’ ried. jiena ħitt inti tħit inti ħitt huwa jħit hija ħietet aħna nħitu aħna ħitna huma jħitu huma ħietu

-

begħt tbigħ begħt jbigħ biegħet nbigħu begħna jbigħu biegħu

Tagħrif mogħti lilna minn Pristineworks Ltd. Għal aktar tagħrif żuru: http://www.pristineworks.com

9


Mid-Djarju tal-Qasam Fis-27 ta’ Lulju l-Qasam tagħna reġa’ ngħata l-permess biex niftħu l-bibien tagħna għat-tfal u adolexxenti tat-tieni xift, u b’hekk il-ħajja fil-qasam tagħna bdiet ġejja xi ftit għan-normal. Biex stajna għamilna dan bdejna npoġġu fil-prattika l-miżuri mogħtija lilna mid-Dipartiment tas-Saħħa. Ta’ kuljum qegħdin niċċekkjaw it-temperatura lil kulħadd kif ukoll naħslu jdejna bil-hand sanitizer u nżommu s-‘social distancing’ waqt il-ħin tal-lezzjoni. Il-lezzjonijiet kienu jsiru fil-beraħ jew fis-sala t’isfel li hija wkoll sala mdaqqsa. Wara kien ikollna l-ħin għallogħob fil-grawnd. Konna ta’ kuljum nneħħu l-injam protettiv għat-turf li tpoġġa apposta biex ma ssirlux ħsara mit-trakkijiet li kienu jidħlu fil-grawnd minħabba l-bini li qed isir bħalissa u wara konna nerġgħu nqegħduh f’postu għall-għada. Kull nhar ta’ Ġimgħa qegħdin norganizzaw hamburger jew pizza party fil-bitħa wkoll. Qed norganizzaw xi mawriet il-baħar ukoll għall-klassi tal-kbar fejn l-attendenza hija wkoll tajba. Inħajru aktar tfal biex f’dawn l-aħħar jiem tal-vaganzi jingħaqdu magħna u bħal dejjem nieħdu l-prekawzjonijiet kollha biex din l-imxija tal-Covid-19 ma ddumx ma tintemm.

10


Matul dawn l-aħħar xhur beda l-proġett tal-bini tal-kmamar ta’ fuq il-bejt u dak tal-lift. Biex seta’ jsir dan kellu jitfannad parti mill-kuritur t’isfel biex jitħaffer kuritur li jgħaqqad il-kantini flimkien. Minn hemm beda l-bini ta’ xaft għal-lift, liema xaft irid jinbena kważi f’għoli ta’ erba’ sulari. Minn hemm imbagħad ser jinbnew żewġ kmamar fuq il-bejt li ser ikollhom użu importanti għalina. S’issa x-xogħol wasal sal-bini tal-kmamar ġodda ta’ fuq il-bejt. Nittamaw li sa nofs Settembru l-bini jkun lest biex inkunu nistgħu nagħtu tindifa ġenerali lill-Qasam qabel tibda sena skolastika ġdida. Nistgħu nsemmu wkoll xogħol ieħor li sar fil-Qasam bħal tiżbigħ tal-bibien u t-twieqi ta’ ġewwa, bdil ta’ xi aperturi tal-aluminju, tibjid tal-ħajt li jagħti fuq il-grawnd, tankijiet tal-ilma ġodda, restawr tal-istatwa tal-Madonna fil-bitħa, tiżbigħ tal-kċina u s-sala t’isfel, inkwatri ġodda għas-sala t’isfel u dawl ġdid għall-kuritur ta’ barra u għall-grawnd. Insomma lista twila ta’ xogħol li trid tiżdied ukoll fix-xhur li ġejjin!

Mark

Tista’ taqra wkoll il-fuljett f’forma diġitali. Żur il-Paġna tal-Facebook: http://www.facebook.com/MuseumSubien Nadur

11


Fuljett maħruġ mill-Museum tas-Subien tan-Nadur Għal forma diġitali żur: http://www.facebook.com/MuseumSubien Nadur


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Nimxu Id f'Id - Settembru 2020 by Michael Debono - Issuu