Ritratt tal-faċċata: Kappella tal-Madonna Ta’ Pinu, in-Nadur - Inbniet mill-Kavallier Ġużè Camilleri f’kantuniera bejn Triq San Ġwann u Triq it-Tiġrija. Ġiet iddedikata lill-Madonna Ta’ Pinu u kien l-Isqof t’Għawdex l-E.T. Mons Mikiel Gonzi li berikha nhar it-2 ta’ Diċembru 1935. Jingħad li l-ħsieb warajha kien li billi s-Santwarju Ta’ Pinu (li nbena ftit snin qabel) kien ’il bogħod, in-nies tal-inħawi setgħu jżuru u jitolbu lill-Madonna minn dan il-post daqs li kieku marru fis-Santwarju - tagħrif: Daniel Meilak Ritratt meħud fid-29 t’Awwissu 2020 - Martin Attard
Għandek
Minuta?
Nimxu Id F’Id Ottubru 2020
Ħarġa Nru. 488
Fid-deżert fis-Saudi Arabia kien hemm gwida li kellu isem li hu l-aħjar fost sħabu għax qatt ma sab diffikultà jwassal lill-avventurieri li jitħajru jaqsmu d-deżert u jwassalhom fejn xtaqu. Qatt ma nfixel, lanqas meta xi maltempata tar-ramel tkun kinset magħha s-sinjali kollha li seta’ kellu u li forsi kienu jgħinuh isib triqtu. Għax dan il-gwida ma kienx joqgħod fuq dawn is-sinjali. Lanqas kien jħares lejn il-kwiekeb biex ikun jaf eżatt fejn hu qiegħed. Kellu metodu veru oriġinali. Miegħu kien iġorr kaxxa żgħira u fiha kellu ħamiema. Ma’ sieq il-ħamiema l-gwida kien jorbot spaga rqiqa li kienet tlaħħaq mijiet ta’ metri. Meta kien iħossu xi ftit konfuż kulma kien jagħmel kien li jitlaq il-ħamiema u jżomm f’idejh l-ispaga. Il-ħamiema kienet ittir fil-beraħ tas-sema, iddur xi tliet jew erba’ darbiet fuq fejn kienu jkunu, u mbaghad titlaq lura lejn ir-raf tagħha. Hekk il-gwida kien ikun ċert minn fejn telaq u jikkonkludi lejn fejn irid ipassi biex jasal fejn jixtieq. B’ħafna kura mbagħad kien jiġbed lejh il-ħamiema tiegħu u jerġa’ jpoġġiha fil-kaxxa tagħha sakemm jitlaqha fil-guva meta jasal lura f’daru. Kien għalhekk li ma’ sħabu kien magħruf bħala l-gwida tal-ħamiema.
Aħna wkoll għandna okkażjoni li f’ħajjitna nġorru l-gwida magħna. It-tagħlim reliġjuż jgħinna żgur biex minkejja kull diffikultà nsibu triqtna li twassalna sas-sema pajjiżna. Ejja nitħeġġu biex nagħtu iktar importanza lil dan il-gwida billi, meta huwa possibbli, nattendu regolari għall-klassi tagħna fil-Museum. Fid-dinja tal-lum dawk li jimxu mingħajr gwida jsibuha diffiċli li jaslu ferħana fid-destinazzjoni aħħarija tagħhom.
1
Wirt il-Fundatur Dun Ġorġ ħallielna teżor. . . f’kitbietu
Il-Mexxej tal-Għomja - Dux Cœcorum L-agħma jeħtieġ li jkollu fiduċja f’min imexxih. Int min int, isma’ u studja. . . Sentenzi meħudin minn ktejjeb ta’ Żomm is-silenzju meta tkun aġitat għax Dun Ġorġ Preca ikollok tindem wara. bl-isem
Dux Cœcorum: Il-Mexxej Min jagħmel ftit kuljum ikollu ħafna tal-Għomja fis-sena. li deher biċċa biċċa fil-Kalendarju Museumin 1953/1957
2
Xejn ma jaf min ma ġarrabx.
Min ma jimpurtahx minn unuri u minn disprezzi ssib li għandu f’qalbu paċi kbira.
Stejjer marbuta ma’
Giovanni Battista Montini
San Papa Pawlu VI Ħaddiem f’wieħed mill-uffiċċji tal-Vatikan darba lemaħ lil Mons Montini, li kellu pożizzjoni għolja fil-Kurja Rumana, iġorr żewġ bagalji kbar u waħda mara miexja ħdejh. Il-ħaddiem mar bilġri biex jgħin lil Montini li kien aktarx ta’ saħħa dgħajfa. Ħadlu waħda mill-bagalji u baqa’ miexi mal-Monsinjur sakemm il-mara qaltilhom biex jieqfu għax kienet waslet f’darha. Montini qal lil dan il-ħaddiem: “Ħabib, għinha ddaħħal il-bagalji f’darha għax għandi appuntament importanti ma’ ambaxxatur barrani u ma nixtieqx inħallih jistenna.” Dan il-ħaddiem għenha ddaħħal il-bagalji u mbagħad b’kurżità staqsieha: “X’jiġi minnek Mons Montini?” “Ma jiġix minni. Naf biss li malli rani għaddejja b’dawn il-bagalji waqaf u qalli li ried jgħinni. U lanqas ħallieni almenu nerfa’ bagalja minnhom.” U l-ħaddiem qalilha:
“Sewwa tkun taf li llum għenek wieħed mill-prelati l-iktar importanti fil-Vatikan.” U l-mara mistagħġba weġbitu: “Il-Mulej ibierek il-qalb tajba tiegħu.”
Giovanni Battista Montini. . . . . .kien Kardinal Arċisqof ta’ Milan li fil-21 ta’ Ġunju 1963 ġie magħżul bħala l-Papa l-ġdid u ħa l-isem ta’ Pawlu VI. Miet fis-6 t’Awwissu 1978 u ġie ddikjarat qaddis fl-14 t’Ottubru 2018.
3
. . .jikteb Dr. Coronato Grech Kemm hu għoli s-sema? U. . . issa x’se taqla’!! (. . .ikompli mill-ħarġa tax-xahar ta’ Settembru) Wara s-suċċess bikri tal-Griegi (li seħħ madwar is-sena 150 Q.K.), l-ewwel distanza mkejla fis-sema kien mijiet ta’ snin wara. Fil-1672 il-Franċiż Jean Cassini kejjel id-distanza tal-pjaneta Mars, kważi korretta, b’metodu msejjaħ parallax. Bl-istess metodu, imma b’ħafna iktar diffikultà, il-Ġermaniż Friedrich Bessel, fl-1838 sab l-ewwel distanza ta’ kewkba, (61 Cygni, għax qiegħda fil-konstellazzjoni taċ-Ċinju). Huwa sab li din qiegħda madwar 11-il light year bogħod. Bħala idea tad-distanzi issa involuti, jekk id-dawl jitlaq mid-dinja, sal-qamar jieħu madwar sekonda, sax-xemx 8 minuti, sat-tarf tas-sistema solari jieħu madwar 5 sigħat u madwar 4 snin sal-eqreb kewkba! Dan juri sew l-immensitajiet enormi ta’ tad-distanzi tal-ispazju u iżolament tas-sistema solari. B’metodu differenti bbażat fuq ċerti kwiekeb li huma varjabbli fid-dawl li jagħtu, (l-hekk imsejħa Cepheid V ariables) u anki bl-użu ta’ teleskopji kbar ħafna, l-Amerikan Edwin Hubble fil-1925 sab d-distanza ta’ waħda mill-eqreb galassiji, A ndromeda, f’distanza ta’ madwar 2.2 miljun light years. (. . .ikompli fil-ħarġa tax-xahar id-dieħel)
4
. . .jikteb Ritchie Grech Il-Kwakk Il-kwakk hu tajra tal-ilma u li għalhekk tinstab u tbejjed matul ix-xmajjar u fl-għadajjar. Kull sena jbejjed fl-istess bejta u jkollu mara waħda biss. Jintgħaraf minn saqajh, munqaru u għonqu li huma twal. Jiekol ħut u żrinġijiet li jaqbad mill-ilma u ġieli anki ġrieden żgħar mill-għelieqi. Jgħaddi ħafna ħin ma jiċċaqlaqx jistenna l-priża u mbagħad jispara rasu u jaqbad il-priża b’munqaru. Il-kwakk hu wieħed mil-lista ta’ tajr li hu meqjus bħala mniġġes għall-poplu Lhudi u għalhekk ma setax jittiekel. Insibu fid-Dewteronomju: “ma tistgħux tieklu . . .il-kwakk, it-tiġieġa tal-baħar. . .” (Dt. 14, 12-17). Fil-ktieb tal-Profeta Sofonija nsibu referenza għat-
trażżin tal-għedewwa tal-Lhud fejn fil-ħerba jirgħu l-annimali u jbejtu wkoll “ġo nofsha mbagħad jimteddu fl-art l-imrieħel u bhejjem ta' kull ġens: sal-kwakk u l-qanfud jbejtu fil-kapitelli tagħha” [Sof. 2, 14]. Isaija jħabbar l-istess għal Edom: “Jirtuha l-kwakk u l-qanfud, fiha jgħammru l-kokka u ċ-ċawlun” [Is. 34, 11]. Il-kelma bl-Ingliż heron x’aktarx ġejja mil-Latin aerius li tfisser ajru, għall-fatt li jtir ħafna fl-għoli. Interessanti l-fatt li f’pajjiżna ġieli ssejjaħ A irun li għandha l-oriġini tagħha mill-kelma Latina!
5
Fatti, tagħrif u figuri li jqanqlu stagħġib. . . u forsi tbissima.
Ftit tagħrif li jinteressana, forsi l-aktar lil dawk dilettanti tal-istorja u tal-ġeografija tal-Istati Uniti Is-song popolari Happy Birthday
kienet komposta minn żewġ aħwa - Patty u Mildred Hill f’Louisville Kentucky fl-1893. U minn hem xterdet mad-dinja.
Nevada hi famuża għat-trobbija taż-żwiemel. Fil-fatt nofs iż-żwiemel tal-Istati Uniti jgħixu f’dan l-istat.
L-ewwel pizzerija fl-Istati Uniti nfetħet fi New York fl-1895.
6
L-ewwel stazzjon tal-petrol infetaħ fl-istat Amerikan ta’ Pennsylvania fl-1913.
Mother’s Day bdiet tiġi ċċelebrata f’West Virginia fl-1908 u kienet idea ta’ Anna Jarvis. Għamlitha bħala omaġġ għal ommha u stiednet xi ħbieb biex jifirħu magħha. L-idea ntgħoġbot u ħafna stati Amerikani kkupjaw l-idea li llum xterdet mad-dinja.
L-ewwel gvernatur mara fl-Istati Uniti kienet Nellie Tayloe Ross. Saret gvernatur ta’ Wyoming fl-1925.
7
Is-Sulfarini Is-sulfarini li nużaw isejħulhom safety matches. Dawn iridu temperatura iktar għolja biex jieħdu n-nar u trid tħokkhom ma’ wiċċ (tal-kaxxa tas-sulfarini). Fuq dan il-wiċċ jibda n-nar li mbagħad iqabbad is-sulfarina. Fuq il-wiċċ tal-kaxxa li fuqu tqabbad is-sulfarin, ikun hemm frak tal-ħġieġ u materjal li fih il-fosfru aħmar (compound tiegħu). Mal-frak tal-ħġieġ tinħoloq il-friction li tbiddel il-moviment fi sħana. Il-fosfru aħmar jieħu n-nar u jagħmel spark u jqabbad ir-ras tas-sulfarina. Ir-ras tas-sulfarina jkun fiha materjal jgħidulu potassium chlorate (putassa) li xħin jisħon jipproduċi l-ossiġenu biex jgħin lis-sulfarin jaqbad. Ir-ras fiha wkoll antimony sulfide li jieħu n-nar u jaqbad bi fjamma blu. Ikun
8
fiha wkoll kubrit u karbonju (carbon - il-faħam fih ħafna karbonju) li jieħdu n-nar ukoll. Ir-ras ikun fiha wkoll bħal kolla li tinħaraq ukoll u materjal inerti, jiġifieri li jkun nieqes mill-qawwa tal-azzjoni jew moviment, biex il-ħruq ma jkunx mgħaġġel ħafna. Ikun fiha wkoll materjal biex in-nar ma jagħmilx ħafna duħħan. Sulfarini oħra li tista’ tqabbadhom billi tħokkhom ma’ kwalukwe wiċċ jgħidulhom strike anywhere matches. Dawn ikun fihom il-materjal bil-fosfru fuq ir-ras.
Niktbu bil-Malti tajjeb. . . Kont taf li fil-Malti naqilbu heatwave bħala mewġa ta’ sħana? L-Ewropa kollha ġiet milquta minn mewġa ta’ sħana qawwija hekk kif it-temperaturi madwar il-kontinent kollu qed ikomplu jogħlew, u jimmarkaw rekords ġodda u allarmanti. Il-gżejjer tagħna, li huma magħrufa għal sjuf sħan bix-xemx tisreġ ġmielha, lanqas ma ħelsuha ħafif. Meta fis-sajf tiġi xi ġimgħa b’temperatura ogħla mis-soltu u tkun tixtieq toħroġ il-frustrazzjoni tiegħek kontra x-xemx taħraq u s-sħana soffokanti, ipprova uża ‘mewġa tas-sħana’ minflok ‘heatwave’. Bil-Malti ngħidu ‘mewġa’ għal ‘wave’ u ‘sħana’ għal ‘heat’ u għalhekk, ‘mewġa ta’ sħana’ iġġorr l-istess tifsira ta’ ‘heatwave’. Tagħrif mogħti lilna minn Pristineworks Ltd. Għal aktar tagħrif żuru: http://www.pristineworks.com
9
Mid-Djarju tal-Qasam Matul ix-xahar ta’ Settembru bqajna għaddejjin bil-programm tas-Sajf. Konna niltaqgħu fis-sala t’isfel u fil-grawnd għal-lezzjoni u wara kien jiġi organizzat xi logħob tal-futbol. Kull nhar ta’ Ġimgħa konna norganizzaw Pizza jew Hamburger party filwaqt li darba kull ħmistax konna mmorru mawra sal-baħar. Kull darba konna nieħdu l-prekawzjonijiet kollha maħruġin mid-Dipartiment tas-Saħħa.
Ix-xogħol marbut mal-bini fil-Qasam kompla għaddej b’pass tajjeb tant li issa jonqos biss li jsiru l-bjut ħalli mbagħad ikun jista’ jsir ix-xogħol ta’ tikħil fuq barra u fuq ġewwa.
10
Nistgħu ngħidu b’sodisfazzjon li parti kbira mix-xogħol tlesta qabel il-bidu ta’ sena skolastika ġdida. Ġiet installata wkoll sistema ta’ dawl ġdid għallgrawnd li diġà beda jintuża. Issa l-grawnd huwa mixgħul ħafna aħjar milli kien qabel.
Qegħdin fuq l-għatba ta’ sena skolastika ġdida differenti ħafna milli qatt kienet qabel. Minħabba l-miżuri li qegħdin jittieħdu sabiex tiġi kkontrollata l-imxija tal-Covid-19 kellna wkoll nagħmlu xi tibdil rigward kif se nkunu qegħdin naħdmu fil-qasam. Nifhmu li ċerti miżuri forsi se jdejquna imma rridu niftakru wkoll li dak kollu li qed isir huwa għall-ġid ta’ dawk kollha li jkunu qegħdin jiġu fil-Qasam tagħna.
Mark
Tista’ taqra wkoll il-fuljett f’forma diġitali. Żur il-Paġna tal-Facebook: http://www.facebook.com/MuseumSubien Nadur
11
Fuljett maħruġ mill-Museum tas-Subien tan-Nadur Għal forma diġitali żur: http://www.facebook.com/MuseumSubien Nadur