Skip to main content

Fuljett.10.Ottubru 2025

Page 1

Triq it-Tiġrija, Nadur. Tel. 21552161

KITCHENWARE I FURNITURE

www.divine.com.mt Email: info@divine.com.mt Tel: (+356) 2155 0437 VAT No. 1522 6634 Mġarr Road, Xewkija, XWK 9014

IL-FOUGASSE fil-bajja tar-Ramla huwa mehrież (speċi ta' kanun) imħaffer fil-blat użat mill-Kavallieri ta’ San Ġwann għad-difiża kostali. Imnaqqax f’blata kbira fuq in-naħa tal-Lvant tal-bajja, din l-arma strateġika kienet iddisinjata biex tispara kwantitajiet kbar ta’ ġebel lejn xwieni tal-għadu li kienu joqorbu lejn il-bajja.

Ritratt tal-faċċata:

Ritratt meħud fit-8 ta' Settembru 2025 – Martin Attard


 L-Iben t’Alla sar bniedem

Nimxu Id F’Id

Ottubru 2025

Ħarġa numru 548

Qassis imdaħħal ftit fiż-żmien kien ġej lura lejn l-Istati Uniti minn konferenza li kien ta fil-Ġappun. Madwaru min kien rieqed, min jirrakkonta, min iħares ’l barra mit-tieqa. Iżda f’daqqa waħda kulħadd donnu siket meta sema’ leħen il-pilota jgħid: “Ħbieb, minn hawn u ftit ieħor ser ngħaddu minn roqgħa kbira ta’ sħab li fihom hemm tempesta sħiħa. Ma nistax nevitaha għax nista’ nidħol fi spazju riservat għal titjiriet oħra. Għalhekk tridu tkunu lesti għal xi turbulenza sakemm jirnexxilna ngħadduha.” U dak li ħabbar il-pilota seħħ tabilħaqq ftit minuti wara. Lajruplan beda donnu jintlaqat minn buffuri ta’ riħ li ma jħalluhx għaddej b’mod trankwill. Il-passiġġieri siktu. Min kien iħares mit-tieqa donnu beża’ jħares ’l barra għax hemm kien hemm biss dalma talbiża’. Kulħadd kien imwerwer. Le mhux kulħadd. Il-qassis intebaħ li kien hemm tifla ta’ xi 8 snin li baqgħet tilgħab fuq il-laptop tagħha qisu mhu qed jiġri xejn. Meta l-inkwiet deher li għadda, il-qassis resaq lejn it-tifla u qallha: “Ma bżajtx mill-maltempata. Bqajt tilgħab xorta.” “Ma tafx li ma nibżax! Dak li kien jitkellem jaħbat id-daddy tiegħi.” Mhux jaħasra li aħna jkollna l-istess fiduċja fid-daddy tagħna tas-sema. 1


Wirt il-Fundatur Dun Ġorġ ħallielna teżor ... f’kitbietu X’jaf min ma ġarrabx? Wieħed jitgħallem minn dak li ġarrab x’inhu ta’ ġid biex jgħożżu u jipprattikah, u x’inhu ta’ deni biex jevitah.

X’tgħallimt kemm ilek fid-dinja? 

Tgħallimt li d-dnub jiġbed dnub ieħor.

Tgħallimt li kemm ili nagħmilha man-nies tgħallimt it-tajjeb u lħażin.

Tgħallimt li x-xogħol huwa s-salmura tal-ġisem. Tgħallimt li tgħid tgħid tgħid, xi ħaġa tibqa’.

Dawn is-sentenzi huma meħudin mill-kitba qasira bl-isem Il-Majjistra

Esperjenza li Dun Ġorġ qassam lill-membri tal-Għaqda tiegħu fl-1956 permezz ta’ fuljetti b’erba’ paġni li kien iħobb isejħilhom il-‘four pages’. Din il-kitba ġiet stampata għall-pubbliku fl-2005. 2

Nimxu Id F’Id - Ottubru 2025


Dizzjunarju Bibliku

Tagħrif qasir dwar personaġġi bibliċi

Kornelju Kien ċenturjun Ruman stazzjonat f’Ċesarea. Sema’ bittagħlim tal-Appostli dwar Ġesù u xtaq li jkun jaf iktar dwar dan il-persunaġġ. Luqa flAtti tal-Appostli jgħidilna li dan Kornelju kien bniedem karitattiv ħafna. Pietru mnebbaħ mill-Mulej permezz ta’ dehra b’liżar mimli annimali telaq lejn Ċesarea għad li kien jaf bid-drawwa Lhudija li ma setax jidħol għand il-pagani. Iżda ħassu imbuttat mill-ispirtu biex imur f’dar Kornelju u hemm wara li pprietka lilu u lil niesu dwar Ġesù, għammidhom kollha. Din kienet magħmudija importanti ħafna għax fetħet il-bieb biex il-pagani jidħlu fil-Knisja. (Aqra: Il-Ktieb tal-Atti tal-Appostli kap 10) Nimxu Id F’Id - Ottubru 2025

3


Mill-pinna ta’ Dr Coronato Grech L-Illużjonijiet ta’ kuljum Iż-żmien u s-sema ta’ billejl (... ikompli mill-ħarġa ta’ Settembru)

Huwa fatt kurjuż li d-dawl għandu veloċità u din hija, ġo vakwu, preċiżament 299,792,458 metru fis-sekonda li jiġu madwar 1,000 miljun kilometru s-siegħa. Meta d-dawl jgħaddi minn oġġetti trasparenti, bħall-arja, il-ħġieġ jew l-ilma, din il-veloċià tkun inqas u allura d-direzzjoni tad-dawl titgħawweġ, fenomenu li jissejjaħ refraction (tista’ tara l-artiklu tax-xahar ta’ Settembru meta tkellemna dwar l-illużjoni tax-xemx fl-orizzont). F’distanzi qosra dan ma jidhirx u pereżempju bozza ddawwal kamra f’daqqa. Imma fid-distanzi enormi astronomiċi dan isir importanti ħafna. Pereżempju d-dawl mill-qamar jasal fid-dinja f’madwar sekonda, mix-xemx f’madwar 8 minuti, millpjaneta Jupiter jieħu madwar 45 minuta, mill-eqreb kewkba madwar 4 snin u mill-eqreb galassija madwar 2 miljun sena. Dan ifisser li dawn l-oġġetti daqshekk imbiegħda qed narawhom lura fil-passat. F’kelma oħra, meta nħarsu lejn is-sema m’aħniex naraw fil-preżent imma filpassat, kultant passat remot ħafna. (... ikompli fil-ħarġa ta’ Novembru)

4

Nimxu Id F’Id - Ottubru 2025


... jikteb Ritchie Grech

Lissija Il-pjanta tal-lissija li bl-Ingliż tissejjaħ lye (Hammada salicornis) tinstab f’art il-Bibbja fost speċi oħra ta’ din il-familja. Minnhom kienu u għadhom jagħmlu s-sapun billi jħalltuha mal-irmied u żejt tażżebbuġa u jħalluha tinxef. Filgżejjer tagħna tikber speċi minn dan il-ġeneru tas-salicornis li tissejjaħ almeridja. Referenza għal din il-pjanta nsibuha fil-ktieb tal-profeta Ġeremija fejn jċanfar lill-poplu għad-dnubiet tagħhom, dnubiet li ma jmorrux bil-ħasil bis-sapun: “u jekk titnaddaf bis-soder u b’ħafna lissija, quddiemi tibqa’ t-tebgħa ta’ dnubietek, oraklu ta’ Sidi lMulej” (Ġer 2,22). Anke Ġob jesprimi l-istess ħsieb: “imqar jekk ninħasel bis-soder, u nnaddaf idejja bil-lissija...” (Ġob 9,13). Il-profeta Malakija jsemmi l-ħaqq li jagħmel il-Mulej fil-miġja tiegħu: “għax hu bħan-nar ta’ wieħed li jsaffi u bħas-sapun tal-ħassiela” (Mal 3,2). Fittraduzzjoni bl-Ingliż insibu l-kelma lye flok sapun. Din il-pjanta tiflaħ ħafna għall-melħ u għalhekk tinstab tikber qrib il-baħar. L-irmied tagħha ġieli ntuża wkoll biex isir il-ħġieġ. Hija xitla baxxa u llum qed titkabbar bħala għalf għall-bhejjem fejn ħxejjex oħra ma jikbrux għax qrib il-baħar. Nimxu Id F’Id - Ottubru 2025

5


Fatti, tagħrif u figuri li jqanqlu stagħġib... u forsi tbissima. Fil-festa ta’ San Ġorġ t’April 2018, Papa Franġisku xtaq li juri lferħ tiegħu fl-okkażjoni ta’ jum il-qaddis li tiegħu hu jġorr ismu (Jorge Mario) billi offra ġelat lill-foqra kollha tal-belt ta’ Ruma. Kienu madwar 3,000 il-foqra li f’dak iż-żmien kienu jmorru jieħdu ikla mill-kċejjen tal-Knisja u tal-Istat f’din il-belt u ħafna minnhom bla dar fejn joqogħdu. U kieku ma kinux dawn il-kċejjen aktarx li ħafna minnhom kienu jorqdu bil-ġuħ. Jew inkella jagħtuha għas-serq biex imantnu lilhom infushom.

U tgħidx kemm ferħu li mal-ikla tas-soltu kellhom jistenniehom ġelat bnin li ħallas għalih Papa Franġisku. Ġesti bħal dawn urew dejjem il-qalb twajba ta’ dan il-Papa li bħal Franġisku t’Assisi dejjem kellu post speċjali f’qalbu għall-foqra u l-imwarrbin. 6

Nimxu Id F’Id - Ottubru 2025


F’Novembru 2017 fi rkant fi New York inbiegħet il-pittura ta’ Leonardo da Vinċi għall-prezz fenominali ta’ 450 miljun dollaru. Sa dak iż-żmien dan kien l-iktar prezz għoli li qatt tħallas għall-opra tal-arti.

Il-pittura, li jisimha Salvator Mundi - Salvatur tad-dinja, turi lil Ġesù jżomm globu f’idejh ix-xellugija u bil-leminija qisu qed jgħallimna xi ħaġa. Il-kwadru fih 65 ċentimetru (26 pulzier) b’45 ċentimentu (18-il pulzier) u għal ħafna żmien kien meqjus bħala kopja tant li fl-1958 inbiegħ għal 59 dollaru. Min biegħu dakinhar kellu teżor u ma kienx jaf. Meta ma tapprezzax li jkollok twarrbu għax taħseb li ma jiswa xejn. Kultant jiġrilna hekk aħna wkoll. Ma napprezzawx biżżejjed x’jagħmlu l-ġenituri għalina u nonqsu mir-rispett li hu dmir tagħna li nagħtuhom. Jew inkella nwarrbu t-teżor ta’ Quddiesa u Tqarbina għax qajla nifhmu x’inkunu qed nitilfu. Nimxu Id F’Id - Ottubru 2025

7


Mid-Dinja tax-Xjenza ... jikteb Joe Portelli

Polimeri Naturali Il-bniedem imita lin-natura meta ħoloq polimeri sintetiċi li aħna nsejħulhom plastik. Fin-natura jeżistu ħafna polymers bħad-DNA, ilproteini, is-cellulose u l-lamtu (starch). Id-DNA hi katina magħmula minn kullana ta’ molikoli żgħar imsejħin nucleotides. Id-DNA hu l-materjal li jaħżen l-informazzjoni li juża l-ġisem biex jibni lilu nnifsu u l-informazzjoni li tgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra. Il-proteina hi magħmula minn molikoli żgħar imsejħin amino acids. Il-ġisem juża l-proteini biex jibni muskoli, enżimi, ormoni u l-bqija. Is-cellulose u l-lamtu (starch) magħmula minn ħafna molikoli ta’ glucose mwaħħlin flimien biex jiffurmaw molikola kbira ħafna msejħa polymer. Pereżempju, molikola ta’ cellulose fiha 3,000 molikola ta’ glucose! 90% tal-qoton hu cellulose. 50% tal-injam hu wkoll cellulose. Aħna ma niddiġerixxuhx u għalhekk jifforma l-fibra li għandna bżonn biex inżommu l-musrana b’saħħitha. Imma annimali li jieklu l-ħaxix bħal nagħaġ u fniek jiddiġeruh għax il-mikrobi fis-sistema tagħhom jagħmel dan ix-xogħol. It-termiti wkoll huma kapaċi għal dan minħabba l-istess raġuni. 8

Nimxu Id F’Id - Ottubru 2025


Ortografija Maltija ... niktbu bil-Malti tajjeb

L-irjieħ Skont ir-regoli tal-ortografija Deċiżjonijiet 1, l-ismijiet tal-irjieħ u d-direzzjonijiet għandhom dejjem jinkitbu b’ittra kapitali. Anki jekk irriħ jew id-direzzjoni jissemmew fin-nofs jew fit-tarf tas-sentenza, lewwel ittra trid tkun kbira. Tramuntana Majjistral

Grigal Lvant

Punent Lbiċ

Xlokk Nofsinhar

Mela ftakar: għandek dejjem tikteb Tramuntana, Grigal, Lvant, Xlokk, Nofsinhar, Lbiċ, Punent, u Majjistral bl-ewwel ittra kbira. Tagħrif mogħti lilna minn Pristineworks Ltd. Għal aktar tagħrif żuru: http://www.pristineworks.com Nimxu Id F’Id - Ottubru 2025

9


Mid-Djarju tal-Qasam Settembru jġib miegħu l-aħħar jiem tas-sajf. Matul dan ixxahar komplejna u ġibna fit-tmiem iżżewġ kompetizzjonijiet tal-futbol. Ittimijiet taż-żgħar kien taħt it-tmexxija talcaptains Liam Zammit u Cristiano Buttigieg waqt li tal-kbar kienu mmexxija mill-captains Isaac Muscat u Alistair Fenech. It-timijiet ta’ Liam u Isaac ħarġu rebbieħa u t-Tnejn 22 tax-xahar saret ċerimonja qasira fejn tqassmu l-medalji lillparteċi-panti kollha u t-trofej lill-captains kollha. 10

Nimxu Id F’Id - Ottubru 2025


Bdejna wkoll naħsbu għall-attivitajiet tal-Milied. Beda xxogħol fuq il-Play talMilied li din is-sena ġġib l-isem ta’ Milied f’Nofs il-Misteru talBieraħ u l-Ġrajjiet talLum. Bdew il-provi u ħadna wkoll il-photo shoot għall-poster li bħal kull sena tħejja minn Martin Attard. Nawguraw ħidma sfiqa lill-atturi kollha kif ukoll dawk li qegħdin jaħdmu fuq din il-produzzjoni ġdida. Ħadna l-okkażjoni mit-temp sabiħ li baqa’ jagħmel matul Settembru u morna wkoll żewġ mawriet sar-Ramla fejn wara ħadna wkoll xi ħaġa flimkien.

Qed isir ukoll tindif estensiv fil-workshop jew kif nafuha aħjar, ilkantina. Ħabibna Arthur Portelli flimkien ma’ Daniel Saliba u Jeremy Grima qegħdin jagħtu tindifa ġenerali u qed isir tqassim ġdid ta’ fejn jintrefa’ l-armar kollu marbut mal-plays, iċ-Ċena u attivitajiet oħra. Grazzi mill-qalb. Fl-aħħar ta’ Settembru bdejna wkoll sena kateketika ġdida fejn it-tfal u l-adolexxenti telgħu fi klassijiet ġodda. Inħeġġu lil kulħadd sabiex jingħaqad magħna f’din is-sena ta’ ħidma pastorali li għadha kemm bdiet.

Mark

Tista’ taqra wkoll il-fuljett f’forma diġitali. Żur il-Paġna talFacebook: http://www.facebook.com/MuseumSubien Nadur u fuq issuu.com/Nimxu Id f’Id Nimxu Id F’Id - Ottubru 2025

11


Fuljett maħruġ mill-Museum tas-Subien tan-Nadur


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Fuljett.10.Ottubru 2025 by Michael Debono - Issuu