Ritratt tal-faċċata: QERD IN-NAĦAL (European Bee-Eater) - Merops apiaster.
Ipassi fir-rebbiegħa u fil-ħarifa. Issibhom fi qtajja’ u tismagħhom jgħajtu mill-bogħod. L-għajta tagħhom tixbah lil tarbija tibki. Bħalma jixhed ismu, jiekol in-naħal. Imma mhux naħal biss. Jiekol ukoll insetti oħra li jtiru fosthom żnażan u mazzarell. Kapaċi jiekol sa 250 insett kuljum. Minkejja l-kuluri sbieħ li għandu huwa ġeneralment meqjus bħala għasfur li jagħmel il-ħsara.
Ritratt meħud fl-1 ta’ Mejju 2022 f’Wied Binġemma, in-Nadur - Martin Attard
Nimxu Id F’Id
April 2023
ħarġa numru 518
GħandekMinuta?
Student kien joqgħod ftit bogħod mid-dar tal-professur tiegħu. Kellu stima kbira lejh għax veru kien jarah bniedem dedikat li kien ikun ippreparat immens għal-lezzjoni. Jagħti lill-istudenti handouts u noti importanti li kienu jagħmluha iktar faċli għalihom li jifhmu dak li jkun irid iwasslilhom. Tal-iskantament għall-istudent kien il-fatt li kull meta kien ikun għaddej minn quddiem id-dar tal-professur kien dejjem jarah jaqra jew jikteb fuq l-iskrivanija li kellu faċċata tat-triq. Anki meta l-istudent kien ikun għaddej jogging kmieni filgħodu kien jarah hemm. U meta kien jiddawwar bil-lejl kien jarah hemm ukoll. Ma setax jifhem kif professur bħal dak kellu bżonn tant qari u preparazzjoni. Żgur li wara tant snin ta’ tagħlim seta’ jgħallem mingħajr ma jqatta’ tant sigħat quddiem ktieb. U darba ddeċieda li jsaqsih. Mar fuqu u talbu jgħinu f’diffikultà. Il-professur
ħa gost bl-interess tal-istudent u dlonk
għenu jifhem aħjar il-problema. Qabel telaq l-istudent mistħi mistħi qal lill-għalliem tiegħu:
“Għandi mistoqsija iżda mhux fuq is-suġġett li tgħallem. Imma fuqek. Naf li m ’għandi l-ebda dritt insaqsiha u iktar u iktar ma għandix dritt għar-risposta.”
It-tbissima tal-professur għamlitlu kuraġġ biex isaqsi dak li kellu f’qalbu:
“Għaliex tqatta’ tant ħin taqra u tistudja meta ilek tant tgħallem?”
“Għax jien irrid nagħtikom dejjem tagħlim minn ilma ġieri u mhux minn ilma staġnat li ilu jinġema’ ħafna snin.”
Issa jekk professur jħoss li baqagħlu x’jitgħallem, kif uħud minna jaħsbu li jafu kollox għax forsi ġabu passmark f’xi suġġett partikulari? U jekk dan jgħodd għas-suġġetti akkademiċi jgħodd ukoll għat-tagħlim reliġjuż. Ħadd minna ma jaf biżżejjed u ftit tagħlim jagħmel ġid lil kulħadd. Kemm lil min jgħallem kif ukoll lil min jiġi jitgħallem.
1
Mill-pinna ta’ Dr Coronato Grech
Il-matematika fl-skola forsi tidher suġġett formidabbli, diffiċli u kkumplikat (u kultant, speċjalment matematika avvanzata, hekk hi). Però, ċerti kunċetti bażiċi huma interessanti. Anzi affaxxinanti. Ħu pereżempju ż-żero.
In-numru żero
ċertament mhuwiex xi numru kbir, imma huwa importanti ħafna biex jgħinna nifhmu n-numri, niktbu numri kbar, u biex nagħmlu kalkulazzjonijiet.
Is-sistema ta’ numri li nużaw fil-kalkulazzjonijiet hija bbażata fuq n-numru għaxra, u tuża l-istess sett ta’ numri biex tippreżenta għaxriet, mijiet, eluf u l-bqija. U mill-post fejn numru żero jkun jiddependi ħafna l-valur; jekk hux pereżempju 5, 105 jew 1050. U kollox jiddependi mill-użu taż-żero.
Ir-Rumani ma kellhomx simbolu għal żero u n-numri tagħhom kienu skomdi ħafna għal ħafna aritmetika; anke l-ftit li baqa’ fl-arloġġi huma daqsxejn strambi.
(. . .ikompli fil-ħarġa tax-xahar id-dieħel)
Żero
4 Nimxu Id F’Id - April 2023
Il-Fenek selvaġġ
Il-fenek selvaġġ jinstab ukoll fil-Palestina. Hemm żewġ speċi ta’ fniek slavaġ: dak li jgħix fl-imsaġar u fejn jgħixu n-nies, u l-ieħor, li hu iżgħar, jinstab fid-deżert. Il-kbir jissejjaħ liebru. F’pajjiżna tinstab razza waħda tal-fenek selvaġġ.
Il-fenek jissemma darba waħda biss fil-Bibbja fejn jissemmew l-annimali ‘mhux indaf’ għal-Lhud. Din kienet lista ta’ annimali li l-poplu Lhudi ma setax jiekol minnhom għax kienu meqjusa mniġġsa. Din il-lista nsibuha kemm fil-ktieb tal-Levitiku u anke tad-Dewteronomju: “imma minn dawk li jixtarru, u minn dawk b’difrejhom mhumiex maqsumin, tiklux: il-ġemel, il-liebru, u l-fenek; dawn jixtarru, imma difrejhom mhumiex maqsumin; intom għandkom tqisuhom imniġġsa” (Dewt 14, 7).
“Imma minn dawk li jixtarru, jew difrejhom maqsumin, ma tistgħux tieklu: il-fenek tax-xagħri, għax dan jixtarr, iżda m’għandux difrejh maqsumin, għalikom hu mniġġes; il-liebru, għax jixtarr imma ma għandux difrejh maqsumin, għalikom hu mniġġes; . . .Tiklux minn laħamhom, anqas tmissu ġisimhom mejjet, għax għalikom huma mniġġsin. (Lev 11, 4-8).
Hawnhekk saret inġustizzja mal-fenek għax il-fenek ma jixtarx. Dan ġara minħabba nuqqas ta’ tagħlim f’dak iż-żmien fuq din il-parti tax-xjenza.
Kienu jarawh iħarrek xufftejh u kienu jaħsbu li qed jixtarr l-ikel. Fil-fatt ma nsibux li l-Lhud kienu jrabbu l-fniek.
Nimxu Id F’Id - April 2023 5
. . .jikteb Ritchie Grech
Fatti, tagħrif u figuri li jqanqlu stagħġib. . . u forsi tbissima.
F’Settembru 2015 karozza pjuttost antika waqfet ħdejn ħanut tan-nuċċalijiet u minnha ħareġ raġel b’suttana bajda. In-nies malajr għarfuh li kien Papa Franġisku u dlonk imblukkaw id-daħla tal-ħanut. Sid il-ħanut skanta meta quddiemu ra l-Papa li kien ġie biex jibdel in-nuċċali. Is-soltu sid il-ħanut kien imur hu stess b’għexieren ta’ nuċċalijiet u lentijiet iżda Papa Franġisku xtaq imur hu innifsu biex jitħallat ftit man-nies.
Sorpriża sabiħa għal min kien fil-ħanut u għal dawk li inzertawh dieħel. U tistgħu taħsbu kemm messaġġi ntbagħtu biex ħbiebhom jiġu ħdejn id-daħla tal-ħanut ħalli jkunu preżenti għal din l-esperjenza huma wkoll. Bħala Kardinal Bergolio, kien iħobb jagħmel passejn fil-belt ta’
Buones Aires u ħadd ma kien jagħti kas. Bħala Papa sabha iktar diffiċli jitħallat mal-folla bla ma jagħti ħafna fil-għajn.
6
Nimxu Id F’Id - April 2023
F’Settembru 2015 miet fin-Nigeria Mohammed Modibbo. Mewta li
ġabet l-attenzjoni tad-dinja għax Mohammed kien l-iktar student xiħ ta’ pajjiżu. Kellu 94. Beda jattendi l-iskola primarja meta kien ġa għalaq it-tmenin u bil-mod il-mod wasal għas-sekondarja li temmha wkoll
b’suċċess. Il-ħolma tiegħu kienet li jidħol l-università iżda marad u miet malajr, b’ħolmietu tibqa’ ħolma.
Meta rrapportaw mewtu ġabu siltiet minn dak li qalu fuqu l-istudenti u l-għalliema li kollha ddikjaraw kemm kien student assidwu u kemm kien jistudja biex ilaħħaq ma’ sħabu. U tgħidx kemm kien juri rispett lejn
l-għalliema għax hu kien iħobb jgħid:
“
Jien naf kemm tiswa l-iskola għax qattajt żmieni nixxennaq li
almenu nkun naf naqra u nikteb.”
Xi ħaġa li rnexxielu jagħmel qabel miet.
Nimxu Id F’Id - April 2023 7
L-Enerġija Nukleari
Meta tinħaraq biċċa njama, tkun qed issir reazzjoni kemikali (chemical reaction). L-atomi tal-karbonju fl-injam jinqalgħu minn mal-atomi tal-idroġenu u mbagħad jaqbdu mal-atomi tal-ossiġenu biex
jifforma l-gass dijossidu tal-karbonju (C02 carbon dioxide). Anke
l-idroġenu jeħel mal-ossiġenu u jifforma l-ilma. Mela f’reazzjoni kemikali, l-atomi ma jinbidlux fihom infushom u lanqas jiżdiedu jew jonqsu
fil-għadd imma jiffurmaw gruppi ġodda. U meta atoma teħel ma’ atoma/i
oħra tibdel il-mod ta’ kif iġġib ruħha. Għalhekk l-injam jaqbad imma
l-irmied ma jaqbadx. Parti mill-prodotti jkunu gassijiet waqt li l-injama hija solida. Jiġifieri l-karatteristiċi tal-atomi (imsejħin properties) jinbidlu.
L-enerġija li toħroġ bħala
sħana u dawl kienet fil-forma
ta’ enerġija kemikali (chemical energy). Mela
l-isem ta’ enerġija kemikali
ġej għax tiġi lliberata permezz
ta’ reazzjoni kemikali.
Min-naħa l-oħra, l-enerġija nukleari tiġi liberata permezz ta’ reazzjoni nukleari (nuclear reaction). F’dan il-każ, in-nukleu tal-atoma jibdel l-istruttura tiegħu. In-nukleu tal-atoma hu ċ-ċentru tal-atoma fejn ikun hemm il-protoni u n-newtroni. Nuclear fission, nuclear fusion u radioactivity huma kollha tipi ta’ reazzjonijiet nukleari. Meta bl-Ingliż
jgħidu splitting the atom, qed jirreferu għal nuclear fission. Il-power stations nukleari kollha jaħdmu bin-nuclear fission. Ix-xemx u l-kwiekeb
iġibu l-enerġija biex jiddu daqshekk bil-qawwa bin-nuclear fusion. Fil-carbon dating hemminvolut ir-radioactivity.
8 Nimxu Id F’Id - April 2023 . . .jikteb
Joe Portelli
X’suppost tikteb: ma kinux jew ma kienux bl-ie?
It-tajba hija ‘ma kinux’ iżda wieħed malajr jistaqsi għaliex imbagħad niktbu ‘kienu’ bl-ie? X’inhu r-raġunar wara dan? Sempliċi.
Ħudha bħala regola li meta tkun qed tifforma verb fin-negattiv (u żżid x fl-aħħar tal-kelma), l-ie ma tista’ tidher imkien iktar ħlief fl-aħħar sillaba.
Jiġifieri, meta jkollok verb bħal ‘kienu’, ‘kielu’, ‘riedu’ u ‘mietet’, li fih l-ie tkun tidher fis-sillaba ta’ qabel tal-aħħar, meta tiġi biex taqilbu għan-negattiv, l-ie tiqsar u l-aċċent imur fuq l-aħħar sillaba.
Ejjew nippruvaw nispjegawha b’mod aktar sempliċi:
kienu (kie + nu) = l-ie tinsab fis-sillaba ta’ qabel tal-aħħar, jiġifieri ‘kie’.
Meta naqilbu ‘kienu’ fin-negattiv u tiġi ‘ma kinux’ (ki + nux) = l-ie tiqsar (u tinbidel f’i) u l-aċċent jaqa’ fuq l-aħħar sillaba (i.e. nagħmlu l-enfasi fuq l-aħħar sillaba ‘nux’).
Agħti ħarsa lejn kliem ieħor simili għal ‘kinux’ :
kielu = ma kilux
mietet = ma mititx
riedu = ma ridux
jiġġieldu = ma jiġġildux
jitwieldu=majitwildux
ibierku = ma jbirkux
nistiednu = ma nistidnux
tieħu = ma tiħux
Nimxu Id F’Id - April 2023 9 Tagħrif mogħti lilna minn Pristineworks Ltd. Għal aktar tagħrif żuru: http://www.pristineworks.com . . .niktbu bil-Malti tajjeb Ortografija Maltija
tal-Qasam Mid-Djarju
Matul ix-xahar ta’ Marzu
komplejna bit-tħejjijiet marbuta
mal-Ġimgħa Mqaddsa u l-festa
tal-Għid il-Kbir. Tkompla
x-xogħol fuq Iċ-Ċena tas-Sinjur
li din is-sena ser tinfetaħ nhar
l-1 t’April minn Mons Arċipriet
Jimmy Xerri ftit qabel tibda
l-laqgħa tal-Ġuvintur.
Fil-klassijiet it-tagħlim tagħna
beda jintrabat wkoll mal-ġrajjiet sbieħ
tal-Ġimgħa Mqaddsa. Il-Ġimgħa 17
ta’ Marzu kellna laqgħa
għall-Aspiranti Għawdxin bit-tema
Fil-Pjagi Tiegħek li saret fil-Kappella
tal-Qasam tagħna. Wara, dawk li
attendew ħadu xi ħaġa tajba flimkien u organizzaw logħba futbol fil-grawnd.
10
Nimxu Id F’Id - April 2023
Kellna wkoll żewġ passiġġati sbieħ, waħda li
ħaditna lejn Tas-Sanap u
oħra lejn l-Għolja TalĠordan. Dawn il-mixjiet spiċċaw f’waqfa r-Rabat
fejn ħadna xi ħaġa tajba flimkien.
Tkomplew ukoll il-
preparamenti fuq il-Play Ir-Rigal tan-Nannu li se ssir fis-Sala tal-Qasam
tagħna fl-14 u 16 t’April. Nawguraw lil dawk kollha li qed jagħtu
l-kontribut tagħhom, kemm atturi u dawk li huma involuti wara l-kwinti.
Nieħdu wkoll l-okkażjoni sabiex nawguraw l-Għid it-Tajjeb
lill-qarrejja kollha tagħna.
Tista’ taqra wkoll il-fuljett f’forma diġitali. Żur il-Paġna
tal-Facebook: http://www.facebook.com/MuseumSubienNadur
u fuq issuu.com/NimxuIdf’Id
Nimxu Id F’Id - April 2023
Mark
11
Fuljett maħruġ mill-Museum tas-Subien tan-Nadur