Ritratt tal-faċċata: Il-Mazzarell (Dragonfly) - Ilu jeżisti madwar 300 miljun sena. Nafu b’madwar 5,000 speċi differenti ta’ dan l-insett. Permezz ta’ għajnejn enormi, kapaċi jara 360° madwaru. Issibu l-aktar fi klima sħuna qrib xi għadira. Jiekol nemus u insetti oħra żgħar, li ħafna drabi jaqbadhom u jikolhom waqt li jkun itir. Ritratt meħud fil-5 ta’ Novembru 2018 - Martin A ttard
Ħarġa Nru. 494
Għandek Minuta? Nimxu Id F’Id April 2021
Għal din il-koppja minn California, kienet mixja tas-soltu f’għalqa kbira li kellhom viċin id-dar f’Settembru 2013. Iżda waqt li kienu għaddejjin mal-kelb tagħhom lemħu kaxxa tal-ħadid. Kienet inkixfet jew għax il-kelb ħaffer madwarha jew inkella x-xita kienet ġarret il-ħamrija li kienet tgħattiha. Il-kurżità mexxiethom lejn dan il-post moħbi taħt siġra u bdew iħaffru biex jaraw x’kien fiha l-kaxxa. U stagħġbu bil-kbir meta sabu fiha ħafna muniti tad-deheb. Kienu muniti ta’ iktar minn 200 sena ilu. Il-koppja ma tkellmet xejn. Iżda ġabu detector biex jaraw isibux kaxxi simili f’din l-għalqa. U bdew iduru kull post u rokna biex jekk kien hemm iżjed ma jibqgħux moħbija taħt il-ħamrija. U rnexxielhom isibu kaxxi oħra tant li spiċċaw b’1,400 munita tad-deheb li l-valur tagħhom kien iġib miljuni ta’ dollari. Kif dawn il-muniti sabu ruħhom f’din l-għalqa baqa’ misteru. Aktarx li min ħbiehom miet ħesrem u ħadd ma kien jaf bil-moħba tiegħu. Meta kienu ċerti li fl-għalqa ma kienx hemm iktar kaxxi marru jkellmu lid-ditta Kagin li kienet tbigħ u tixtri muniti antiki u wrewhom ftit mill-muniti li kienu sabu. Hekk intebħu x’teżor kienu kisbu. Kienu saru miljunarji u riedu li jibqgħu anonimi għax beżgħu li jekk il-gazzetti jintebħu fejn instabu dawn il-flus kien ikun hemm mijiet li jmorru jfittxu biex forsi jsibu xi ħaġa huma wkoll. Ġesù wkoll darba tkellem dwar teżor moħbi f’għalqa. U qalilna li min isibu jkun lest ibigħ kulma għandu biex jikseb din l-għalqa. U kompla jurina li dan it-teżor hu l-ġenna u ħeġġiġna biex aħna wkoll inwarrbu kull xkiel li jista’ jfixkilna fl-akkwist ta’ dan il-premju.
1
Wirt il-Fundatur Dun Ġorġ ħallielna teżor. . . f’kitbietu
SAN ĠUŻEPP Il-ħajja privata Minn mindu Ġesù Kristu kellu tnax-il sena sakemm ġie biex joħroġ għall-missjoni divina tiegħu, jiġifieri sakemm kellu tletin sena, dan biss nafu mill-Evanġelju: li hu kien jgħix f’Nażaret, sudditu lejn San Ġużepp u lejn Marija Santissma, u li kien jikber fil-għerf, fl-età u fil-grazzja quddiem Alla u quddiem il-bnedmin. Issa hawn, fil-fqajra dar tal-ħaddiem Ġużeppi l-imqaddes, wieħed bil-moħħ jilmaħ l-atti reliġlużi li hawn kienu jagħmlu lejn Alla ta’ Abraham fl-Orazzjoni, fir-ringrazzjament u fil-kontemplazzjoni. Ukoll wieħed jilmaħ bil-moħħ tiegħu l-atti familjari, li hawn kienu jagħmlu għall-ħajja temporali: issa xogħol, issa rqad, issa għall-mejda, issa għall-faċendi l-oħra tad-dar; kollox fil-faqar tassew, iżda fir-renju dejjem tal-imħabba. Wieħed bil-ħsieb tiegħu jilmaħ ukoll il-kors naturali, speċjalment fi Kristu li kien jikber fl-età għat-tul tal-istatura tiegħu, għal-leħja żagħżugħa tiegħu; kif kienu jsejħu lil xulxin; kif kienu jħarsu lejn xulxin; kif kienu jaħsbu għal xulxin. O ħajja beatissma! O vera sagra familja! Permezz tal-Ittra Appostolika Patris corde Papa Franġisku pproklama s-sena 2021 bħala sena ddedikata lil San Ġużepp. Fit-8 ta’ Diċembru 1870 Papa Piju IX iddikjara lil San Ġużepp bħala l-Patrun tal-Knisja Kattolika. Qegħdin inġibu ħsibijiet mill-ktieb SAN ĠUŻEPP ta’ Dun Ġorġ Preca miktubin lejn tmiem is-snin għoxrin.
2
Stejjer marbuta ma’
Giovanni Battista Montini
San Papa Pawlu VI Meta laħaq Papa, Mons Montini kellu jibda juża xufier ieħor u mhux dak li kellu Milan. Dak fil-fatt baqa’ jservi lill-Arċisqof li nħatar wara Montini. Dan ix-xufier il-ġdid kien bniedem responsabbli, dejjem fil-ħin, isuq bil-galbu u dejjem pront biex iwassal lill-Papa fejn ikun jixtieq fil-ħin miftiehem. Iżda, bħalma jgħidu, xi darba tmiss lill-Papa u din ix-xi darba messet lix-xufier tal-Vatikan għax ma kienx fil-ħin biex jiġbor il-Papa minn Castelgandolfo. Forsi għax telaq xi ftit tard u forsi għax iltaqa’ ma’ volum kbir ta’ traffiku ħafna iktar milli stenna x-xufier, wasal ftit minuti tard u lemaħ lill-Papa u s-segretarju tiegħu jistennewh. Ried l-art tibilgħu bil-mistħija u meta wasal ħdejn il-Papa talab skuża. Iżda l-Papa malajr poġġieh f’postu u qatillu kull forma ta’ ansjetà u mistħija. Qallu: “Mhux ħaġa kbira nistenniek darba jien daqskemm ġew ġranet u okkażjonijiet li kellek tistennieni int!”
Giovanni Battista Montini. . . . . .kien Kardinal Arċisqof ta’ Milan li fil-21 ta’ Ġunju 1963 ġie magħżul bħala l-Papa l-ġdid u ħa l-isem ta’ Pawlu VI. Miet fis-6 t’Awwissu 1978 u ġie ddikjarat qaddis fl-14 t’Ottubru 2018.
3
OK!
Kif bdejna ngħidu
din l-espressjoni? . . .jikteb Dr. Coronato Grech (Ikompli mill-ħarġa tax-xahar ta’ Marzu) Verżjoni oħra ta’ din ‘OK’ hija li din ġejja minn ‘Orl Korrect’ li kienu jiktbu fuq il-kaxxi tal-merkanzija fil-portijiet Amerikani madwar is-seklu dsatax u li wara tqassret għal ‘OK’. U jerġa’ jingħad li din OK saret popolari fil-1840 waqt elezzjonijiet presidenzjali meta s-segwaċi ta’ ċertu Martin van Buren li kienu jgħidulu ‘Old Kinderhook’ ħarġu bl-għajta ‘Ivvota għal OK’. Buren laħaq President tal-Amerika, it-tmien President. Kienu jgħidu li laħaq bis-saħħa tal-OK, dejjem jekk l-istorja hija vera! U iktar riċenti, fl-era tal-ispazju, fil-1961, in-NASA bdiet tuża uffiċjalment ‘A-OK’ (All-OK) fid-diskors tekniku tal-astronawti. U fid-diskors ta’ kuljum x’differenza tagħmel din n-naqra ta’ ‘OK’!! L-iktar jekk tkun risposta minn tabib rigward xi riżultat importanti! Insomma, OK?
4
. . .jikteb Ritchie Grech Il-Ġilju Il-ġilju hi pjanta komuni li tikber ukoll fis-selvaġġ fil-Palestina. Il-ġilju hu simbolu tal-purità u marbut ħafna mal-Verġni Marija; ġieli jissejjaħ ġilju tal-Madonna. Mill-kotba apokrifi nsibu li San Ġużepp kellu zokk f’idejh u dan ħareġ fjuri tal-ġilju abjad u hekk intgħażel minn fost irġiel oħra biex jiżżewweġ lil Marija (u għalhekk insibuh hekk fl-istatwi tagħna). Fil-Bibbja ġieli jissemma bħala susan tal-widien: “…jien susan tal-widien. Bħal susan qalb ix-xewk, hekk ħabibti qalb ix-xebbiet” (Għan 2,1-2, ara wkoll 4,5 u 6,2-3). U Ġesù wkoll isemmi l-ġilji: “u għax tħabbtu raskom għall-ilbies? Ħarsu lejn il-ġilji tal-għelieqi, kif jikbru! U la jitħabbtu u lanqas jinsġu. Ngħidilkom is-sewwa, lanqas Salamun fil-kobor tiegħu kollu ma libes bħal wieħed minnhom. Mela jekk Alla jlibbes hekk imqar ħaxixa selvaġġa li llum hawn u għada tinxteħet fil-forn, kemm aktar lilkom, nies ta’ fidi ċkejkna!” (Mt. 6, 28). Fost referenzi oħra nsibu “Jien għad inkun għal Iżrael bħal nida. Ħa jiftaħ bħal ġilju” (Hos 14,7); il-vaska tat-Tempju kellha x-xifer “jixbah fl-għamla lill-warda tal-ġilju” (2 Kron 4,5). U fis-Salm 60 insibu struzzjoni “għall-mexxej tal-kor” biex jindaqq “fuq ‘Susan ix-xhieda’. Miktam. Ta’ David. Għat-tagħlim” (Salm 60,1).
5
Fatti, tagħrif u figuri li jqanqlu stagħġib. . . u forsi tbissima. F’Settembru 2013 deher fi rkant vjolin li kellu miegħu storja. Intqal li dan kien vjolin li kien fuq it-Titanic u li sidu miet fid-diżgrazzja ta’ dan il-vapur lussuż. Kien hemm ħafna li ddubitaw din l-istorja iżda l-esperti qalu li kien awtentiku. U nxtara bil-prezz ta’ iktar minn 700,000 ewro. Skont l-istorja, sid il-vjolin u miegħu mużiċisti oħrajn baqgħu jdoqqu u jkantaw biex iserrħu moħħ il-passiġġieri u joħolqu arja ta’ sigurtà minkejja li kollox deher mitluf. U fost il-biċċiet mużikali li daqqew kien hemm l-innu reliġjuż Nearer My God to Thee. Kienu mużiċisti eroj li ħallew ħajjithom għal sħabhom. U l-vjolin instab jgħum fil-kaxxa tiegħu jiem wara t-traġedja. Iżda d-dubji dwar l-awtentiċità tiegħu jibqgħu.
6
Is-sidien tal-lukanda lussuża Franċiża bl-isem ta’ Park Hyatt żgur ma ħadux gost jaraw ħafna ħaddiema tagħhom jistrajkjaw proprju fil-ġimgħa tal-moda li fiha jkun hemm ħafna barranin ta’ stoffa f’Pariġi u Park Hyatt tkun mimlija. Il-ħaddiema kienu qed jipprotestaw għax il-paga tagħhom ta’ sena ma kinitx twassal ir-rata ta’ ħlas għal-lejl wieħed f’xi waħda mill-kmamar lussużi ta’ din il-lukanda. Min mejjet għal qatra u min mejjet fis-sakra kienu jgħidu l-antiki.
Peggy Eddington Smith ħadet sorpriża sabiħa meta xi ħadd waslilha ittra li kien bagħtilha missierha u li qatt ma rċeviet. Missierha kien suldat Amerikan fit-tieni gwerra dinjija u ftit ġranet qabel ma miet fit-taqbid lura f’Ġunju 1944 bagħat ittra sabiħa lil bintu li kienet għadha kemm twieldet u li hu qatt ma kien ra minħabba li kien imbiegħed mijiet ta’ mili.
7
Il-bniedem u ċ-chimpanzees Il-Primates hu grupp ta' mammali li fih il-lemurs, il-lorises, it-tarsiers, ix-xadini, l-apes u l-bnedmin. Dal-grupp Primates jissejjaħ Order u fih xi 300 razza (speċi). L-apes huma primates bla denb. L-apes jitpoġġew fis-superfamilja Hominoidea. Din is-superfamilja fiha l-familja Hylobatidae (gibbons) u l-familja Hominidae (chimpanzees, bonobos, oranguatns u bnedmin). Iċ-chimpanzee (Pan troglodytes) u l-bonobo (Pan paniscus, pygmy chimpanzee) huma meqjusin bħala l-eqreb lejn il-bnedmin. Aħna l-bnedmin għandna l-isem xjentifiku Homo sapiens. Din is-sistema ta' kif jingħataw l-ismijiet lir-razez fiha żewġ ismijiet. Għalhekk tissejjaħ binomial. L-ewwel isem hu tal-ġeneru (genus) u jinkiteb bl-ewwel ittra kapitali. It-tieni isem hu tal-ispeċi u jinkiteb bl-ewwel ittra żgħira. Eżempju fil-ġeneru (genus) Homo, ipoġġu l-bnedmin tal-lum u anki razez oħra ta' bnedmin jew annimali jixbhu lill-bniedem li kienu jeżistu fi żmien bikri, pereżempju Homo neanderthalensis, Homo erectus, Homo habilis.
8
Niktbu bil-Malti tajjeb. . .
Ortografija Maltija
X’suppost niktbu, uċuħ jew uċuh? Il-kelma ‘uċuħ’ (plural ta’ ‘wiċċ’) etimoloġikament ġejja mill-kelma Għarbija ‘waġh’ (bil-plural ‘wuġuuh’). Meta l-kelma daħlet u ġiet assimilata fil-lingwa Maltija, din għaddiet minn xi bidliet u l-għerq tagħha sar wieħed irregolari. Maż-żmien ġie deċiż li meta l-akka etimoloġika (jiġifieri l-h fil-kelma Għarbija) titlissen dejjem bħala ħ fil-kliem kollu tal-istess għerq, mela allura għandha tinkiteb dejjem bħala ħ fil-kliem kollu li jitnissel mill-istess għerq. Għalhekk, uċuħ għandha dejjem tinkiteb bil-ħ. Kliem ieħor simili li jaqa’ taħt din il-kategorija huwa ħejja, raħeb, ġieħ u tbaħrid. U għalfejn jeżistu ċertu kliem bħal ‘iblah’, ‘xebh’ u ‘ikrah’ li għalkemm inlissnuhom b’ħoss ta’ ħ niktbuhom bl-akka (h)? Dan għaliex ir-regola tispeċifika li kelma għandha tinkiteb bil-ħ biss meta kull kelma li titlissen mill-istess għerq ikollha l-konsonanti li dejjem titlissen bil-ħoss ta’ ħ. Meta jkollok kliem li ġej mill-istess għerq iżda li drabi jitlissen bil-ħ u drabi oħra l-ħ ma tinstemax, mela allura hemmhekk għandek dejjem tikteb dan it-tip ta’ kliem bl-akka (h). Pereżempju, issib kliem bħal iblah (titlissen l-ħ) u bluha (il-ħ ma tinstemax), xebh (ħ) u xbieha (il-ħ ma tinstemax), ikrah (ħ) u kruha (il-ħ ma tinstemax) - ir-regola tgħid li hawnhekk għandek tikteb dawn it-tipi ta’ kelmiet dejjem bl-akka.
Tagħrif mogħti lilna minn Pristineworks Ltd. Għal aktar tagħrif żuru: http://www.pristineworks.com
9
Mid-Djarju tal-Qasam F’din il-ħarġa ta’ April se nkomplu nagħtukom ftit tagħrif marbut mal-istorja taċ-Ċena tas-Sinjur fil-Qasam tagħna, tagħrif li jkompli ma’ dak li tajna fil-ħarġa tax-xahar ta’ Marzu. Wara li l-istatwarju James Azzopardi kien lesta l-istatwa ta’ Kristu fl-1998, fit-tliet snin ta’ wara beda jagħtina erba’ statwi kull sena biex sas-sena 2001 dawn kienu tlestew kollha u hekk kellna s-sett komplut. Kull min żar din il-wirja matul is-snin seta’ jara id-dettalji fini kemm fl-uċuħ u fl-idejn kif ukoll fl-ilbies stil Lhudi li bihom kienu mlibbsin. Snin wara żdiedet ukoll l-istatwa tat-tfajjel u miegħu żdied ukoll sid l-għorfa li jissemma wkoll fl-Evanġelju – dak li kellu jħejji l-ikla tal-Għid għal Ġesù u l-Appostli tiegħu.
Ta’ kull sena nagħtu wkoll tifkira ċkejkna lil kull min iżur din l-esebizzjoni. Ħafna drabi din tkun santa kbira bix-xbieha ta’ Ġesù taċ-Ċena jew dehra ġenerali tal-Appostli flimkien ma’ Ġesù. Dal-aħħar snin qed jerġa’ jsir xi xogħol fuq xi wħud mill-istatwi, fosthom dawk li
10
saru fil-bidu fejn James qed jagħti l-ħajja mill-ġdid lil dawn l-istatwi permezz ta’ teknika ġdida fejn l-uċuħ qegħdin jingħataw dehra aktar realistika u x-xagħar tagħhom qed jiġi applikat waħda waħda, kif isir ma’ statwi professjonali ta’ dan it-tip. Matul is-snin dejjem ħadna ħsieb li nbiddlu l-ambjent ta’ din il-wirja tant li bosta viżitaturi jżuru din il-wirja apposta sabiex jaraw xi ħaġa ġdida. Barra minn viżitaturi Għawdxin u Maltin, kellna viżitaturi minn bosta pajjiżi differenti, fosthom crew tat-televiżjoni lokali Russu, Taljani, Franċiżi, Ingliżi, mill-Arġentina kif ukoll koppja mill-Ġappun. Dan minbarra bosta nies distinti li żaru l-Wirja matul is-snin. Jalla din il-pandemija li għaddejjin minnha ma ddumx ma tgħaddi ħalli, jekk is-Sinjur Alla jrid, sena oħra nkunu nistgħu ngawdu din il-wirja hekk sabiħa.
Mark
Tista’ taqra wkoll il-fuljett f’forma diġitali. Żur il-Paġna tal-Facebook: http://www.facebook.com/MuseumSubien Nadur
11
Fuljett maħruġ mill-Museum tas-Subien tan-Nadur