Skip to main content

Il-Hbieb Isejhu - April 2022

Page 1

APRIL 2022 numru 668


+L-Iben t'Alla sar Bniedem

APRIL 2022 numru 668 Fil-ħajja ta’ San Franġisk t’Assisi nsibu li darba l-qaddis kien sejjer ma’ xi patrijiet għall-mixja twila li kellha teħodhom f’belt bogħod sewwa minn Assisi. Bħala sagrifiċċju ntrabtu li tul it-triq ma jieklu xejn. Kellhom jitrejqu biss meta jaslu tard filgħaxija. Iżda tul il-vjaġġ, wieħed mill-patrijiet żgħażagħ ħassu tant bil-ġuħ li bilkemm seta’ jkompli miexi. Meta ntebaħ il-qaddis ta’ Assisi waqaf u qal: “Ħbieb, jien bil-ġuħ u ser niekol.”

U dlonk fetaħ il-barżakka u beda jiekol biċċa ħobż. Iż-żagħżugħ ħa r-ruħ. Hu wkoll fetaħ il-barżakka u beda jlewwet il-ħobż li kellu. U hekk għamlu ħafna minn dawk li kienu magħhom. Meta wieħed mill-patrijiet resaq fejn il-qaddis u talbu spjegazzjoni kif kien hu stess li ħajjar lill-patrijiet jiksru l-proponiment li kienu għamlu, Franġisk wieġeb: “Ma rajtux lil seħibna Giuseppe kif kien ser jaqa’ għaxi mal-art!” “Allura kien messek tajtu l-permess li jiekol imma aħna konna nżommu r-riżoluzzjoni li konna ħadna.” “Kieku għamilt hekk Giuseppe kien isofri ħafna mistħija għax kien jintebaħ li hu biss ma kienx kapaċi jżomm is-sawma. Hekk kif għamilna salvajnieh minn din il-mistħija. Quddiem il-Mulej il-persuna hija dejjem iktar importanti mir-regolamenti tal-bnedmin.”

Mhux ta’ b’xejn li dan il-qaddis twajjeb ta’ Assisi hu fost l-iktar qaddisin popolari fid-dinja. Għax barra li kien qaddis kellu wkoll qalb tad-deheb. U ngħiduha kif inhi kieku ma kellux qalb tad-deheb lanqas hu qaddis għax flistorja tal-Knisja hemm ħafna varjetà ta’ qaddisin iżda kollha kellhom qalbhom tfur bil-ħniena u l-imħabba.

1


IL-ĦBIEB ISEJĦU/April2022

Jirrakkonta Victor M Parachin Kien is-Sibt filgħaxija u dħalt fis-supermarket biex nixtri xi oġġetti meħtieġa li ridna għal tarf il-ġimgħa. Kelli seba’ mitt sena biex infittex neħles u nirritorna d-dar ħdejn familti. Ma kontx waħdi fuq ix-xwiek għax donnu kulħadd kien iħares lejn l-arloġġ li l-kaxxiera kellhom fuq rashom biex jara kemm ser idum biex jinqeda. Quddiemi eżatt kien hemm mara u magħha tfajjel ta’ xi ħames snin li deher ferħan ser itir għax milli jidher ommu kienet xtratlu r-rigal li tant kien ilu jistenna. Bla ma ridt nissemma smajtha tgħidlu, “Ibża għalih. Ftakar kemm batejt biex faddalt dawn il-mitt ewro ħalli nixtrihulek.” Fl-aħħar kien imiss lil mara li tħallas iżda meta ppreżentat l-oġġett mixtri għajtet għajta li ħasdet mhux biss lili iżda anke lil dawk ta’ warajja. Li ġara kien li meta l-mara daħlet idha fil-but sabet li xi ħadd kien ħadilha l-kartiera.

2

Qamet konfużjoni. Ġie l-pulizija


IL-ĦBIEB ISEJĦU/April2022

u talab lili u lil dawk kollha li kienu warajha biex immorru miegħu fl-uffiċċju. Iżda l-mara qaltlu, “Mhux dawn imma żagħżugħ liebes t-shirt vjola. Ġie fuqi u talabni tissue u sakemm daħħalt idi biex nagħtihielu seraqni.” It-tifel beda jibki għax fehem li r-rigal li kienet xtratlu kien ser jibqa’ fis-supermarket. Iżda raġel li kien warajja qal: “Ħbieb ejja noħorġu xi ħaġa bejnietna u nixtrulu r-rigal aħna!” U f’kemm ili ngħidlek min ħareġ 5 dollari min għaxra u kien hemm min ħareġ għoxrin. U malajr inġabru l-mitt dollaru. It-tbissima tat-tifel għadni niftakarha qisu rajtha lbieraħ u niftakar ukoll għajnejn l-omm mimlija dmugħ tipprova troddilna ħajr. Ngħid il-verità kien baqagħli biss dubju wieħed jekk din ix-xena kollha kinitx forsi maħluqa mill-mara li riedet li tixtri rigal lil binha minn fuqna iżda meta smajt li l-pulizija kienu fil-fatt qabdu

liż­żagħżugħ tat-t-shirt vjola ntbaħt kemm kont imqarraq. U fraħt ftit iktar meta sirt naf li l-mara qalet lill-pulizija li jekk jirnexxilhom isibu xi flus li kienu tagħha jagħtuhom karità lil xi fondazzjoni li tgħin biex tfal inqas ixxurtjati ikollhom huma wkoll il-ġugarelli li jixtiequ. Ma tħossx int ukoll li aħna l-bnedmin kapaċi noħolqu atmosfera ta’ ferħ u ħbiberija jekk flok ponn magħqud niftħuh biex nieħdu b’idejn xulxin?

3


IL-ĦBIEB ISEJĦU/April2022

DR CORONATO GRECH M.D. jiktbilna:

Bażikament l-univers jikkonsisti minn kwiekeb (jew xmux1), u li dawn jinsabu f’kollezzjonijiet enormi ta’ miljuni ta’ kwiekeb li jissejħu ‘galassiji’. Il-galassiji wkoll jinsabu f’kollezzjonijiet li fin-numru jvarjaw minn ftit għaxriet2, mijiet u anke ftit eluf. U jerġa’ dawn il-gruppi ta’ galassiji jinsabu ġo supergruppi ta’ galassiji. Dawn ilkoll qegħdin iżommu ma’ xulxin bil-forza talgravità; ilkoll iduru fuqhom infushom, iduru madwar xulxin u lkoll mexjin mal-espansjoni ġenerali tal-univers... l-ikbar żifna kożmika. Intant dawn lingredjenti tal-univers jinsabu flispazju, spazju li ovvjament huwa enormi u apparentament vojt. X’inhu dan l-ispazju? Kemm hu kbir? Kemm ilu hemm? U kemm huwa vojt? Kemm hu kbir? Imdorrijin kif

aħna nkejlu biċ-ċentimetri, metri jew kilometri, diffiċli ħafna jew impossibbli tirrealizza kemm hu kbir l-ispazju. Nistgħu nieħdu idea mill-veloċità tad-dawl li hija dik ta’ 300 miljun metru fissekonda3. Issa d-dawl idum madwar sekonda biex jasal salqamar (distanza ta’ madwar 385,000 km); jieħu madwar 8 minuti sax-xemx (distanza ta’ madwar 150 miljun km) u madwar 4 sigħat biex jasal sal-

pjaneta Neptune fit-tarf tasSistema Solari. Imma mbagħad irid madwar 4 snin biex jasal sal-

1. Li ħafna minnhom, bħas-Sistema Solari tagħna, jidher għandhom pjaneti jduru magħhom. 2. Il-grupp li fih hemm il-galassija ‘tagħna,’ il-‘Grupp Lokali’, fih madwar 40 galassija. 3. U li hija l-ikbar veloċità possibbli fl-univers. Għaliex hija dan in-numru u mhux ieħor huwa misteru ieħor tax-xjenza.

4


IL-ĦBIEB ISEJĦU/April2022

eqreb kewkba4 madwar 200,000 sena biex jaqsam il-galassija ‘tagħna’ kollha, żewġ miljun sena sal-eqreb galassija (Andromeda) u madwar 14-il elf miljun sena sat-tarf tal-univers li nistgħu nosservaw. Inċidentalment lspazju mhux diġà qiegħed hemm u l-galassiji jespandu ġo fih, imma l-ispazju qed kontinwament jifforma meta s-supergruppi ta’ galassiji qed jitbiegħdu minn xulxin bl-espansjoni tal-univers5. Kemm ilu hemm? Li t-tarf talunivers illum huwa madwar 14-il biljun lightyears u li ilu wkoll listess numru ta’ snin jeżisti lanqas hija kumbinazzjoni. Minn ħafna xhieda xjentifika l-univers jidher li beda minn madwar 14-il biljun sena ilu, bil-materja, spazju u żmien kif nosservawh illum. Beda ħafna ħafna iżgħar u qed dejjem jespandi. Iż-żmien ukoll beda mal-univers6. Kemm huwa vojt l-ispazju? Jekk tibda tikkunsidra l-ispazju qrib iddinja, dan ma tantx hu vojt għax mill-ewwel satellita (Sputnik fil-

1957) sal-lum ittellgħu eluf ta’ satelliti, xi wħud ilhom ma jaħdmux. U dan barra li hemm ħafna frak u biċċiet ta’ vetturi li saru partita imbarazz. Madankollu, almenu s’issa, lispazju jidher kbir biżżejjed li ħabta ma’ vettura dieħla jew ħierga fid-dinja hija remota.

Imbagħad fl-ispazju ta’ bejn ilpjaneti hemm ħafna frak, il-biċċa l-kbira żgħir ħafna (ftit millimetri) li meta jaħbat u jidħol fid-dinja narawh bħala meteora jew kewkba feġġejja. Xi wħud minn dan il-frak li huwa fdalijiet ta’ kometi u jidher f’bexxa ta’ meteori f’ċerti ġranet tas-sena, bħal pereżempju d-Dmugħ ta’ San Lawrenz. Ħafna iktar rari, jekk il-frak ikun kbir ħafna jista’ jasal sal-art bħala meteoriti9. (Dr Grech itemm dan l-artiklu fil-ħarġa ta’ Mejju.)

4. Immaġina, jekk tista’, l-enormità tal-isolazzjoni tas-sistema solari! 5. Għalhekk il-mistoqsija, x’hemm lil hemm mit-tarf tal-univers, ma tagħmilx sens. 6. U għalhekk ukoll il-mistoqsija x’kien hemm qabel ma beda l-univers ma tagħmilx sens, għax iż-żmien (flimkien mal-materja u l-ispazju) beda malunivers. 7. Il-ġebla kbira sewda li hemm fil-Kaaba f’Mekka, u hija tant importanti għallMusulmani, aktarx hija meteorita. U aktarx kienet meteorita wkoll li madwar 65 miljun sena ilu ġabet ħerba globali li fiha nqerdu, fost l-oħrajn, id-dinosawri.

5


Tagħlima

Meta Oliver Cromwell xtaq li jħalli tifkira ta’ persuntu fuq ittila, lill-artist li qabbad biex ipittru qallu: “Pittirni kif jien. Tipprovax tagħmilni isbaħ milli jien. Taħbix tikmix għax jekk ma narax xebh bejn dak li ser tpitter u dak li nara fil-mera tibqa’ bla ħlas!”

Il-Budda ltaqa’ ma’ qattiel u ried jibdillu triqtu. Qallu: “Kapaċi taqtagħli fergħa ta’ siġra?” Il-qattiel b’daqqa waħda tas-sejf qata’ fergħa u taha lill-Budda. Dan qallu: “Issa erġa’ waħħalha minn fejn qtajtha?” Il-qattiel wieġeb: “Kif nista’? Mela jien magħmel il-mirakli?” “Ħabib, ħafif li toqtol u teqred. Id-diffiċli li tibni.”

(Bl-Ingliż qallu: Warts and all… bit-tikmix b’kollox. U din daħlet bħala frażi fil-lingwa Ingliża.)

U telaq u ħallih jaħseb. Faċli tkisser u tikkritika. Iebes li tagħmel u twettaq it-tajjeb.

Kif jien

6


IL-ĦBIEB ISEJĦU/April2022

Trid tkun taf l-għala Ġabarha

Raġel godli daħal f’ħanut u ried nofs pastarda. Il-ġuvnott li kien qed ibigħ qallu li l-pastard ma jinqasamx. Imma r-raġel baqa’ jinsisti sakemm il-ġuvnott mar fejn il-maniġer u qallu: “Hawn iblah irid bilfors jixtri nofs pastarda!” U dak il-ħin intebaħ li r-raġel godli kien qiegħed qrib jisimgħu. U l-ġuvni kompla, “…u dan is-sinjur ta’ warajja jrid in-nofs l-ieħor!” Meta tgħid kontra xi ħadd tidħol f’ħafna inkwiet u mhux dejjem issib soluzzjoni bħalma sab ilġuvnott tal-istorja.

Meta s-Senatur minn Hawaii Daniel Inouye ħa l-ġurament talħatra flok uża idu l-leminija uża xxellugija biex iqegħidha fuq ilBibbja. Xi wħud minn dawk li raw din ix-xena kkritikawh u min qal li kien aljenat, min qal li għamilha għax ma jemminx, min sostna li għamel hekk biex jisfida ttradizzjoni, min ħaseb li ried jiġbed l-attenzjoni fuqu. Li ma kinux jafu dawn kollha kien il-fatt li Daniel kien tilef idu l-leminija fil-gwerra. Ta idu għall-patrija. Iżda dawk kollha li rawh ħassew li setgħu jiġġudikawh. Mhux aħjar inħallu l-ġudizzju f’idejn il-Mulej. Hu biss jaf listorja kollha.

7


IL-LAQGĦA TA’ MARZU Kellna lezzjoni interessanti ħafna dwar l-ewwel kapitlu tal-Ġenesi minn Ms Dorianne Cassar. Huwa l-ewwel rakkont fost tnejn talħolqien. Dan il-kapitlu jipprova jwieġeb il-mistoqsijiet li minn dejjem kellu l-bniedem ta’ x’ġara fil-bidu u mnejn hu ġej. Peress li jmur lejn żmien ta’ qabel ilbniedem din mhix storja ta’ fatti bħal ġrajjiet oħra li naqraw aktar tard fil-Bibbja. Il-kittieb kien isipirat ta’ kif għandu jikteb ilġrajja tal-ħolqien u kiteb silta tassew sabiħa f’forma ta’ innu li wara kull jum jagħmel ir-ritornell: ‘U Alla ra li kollox kien sew’. Mexa fuq in-numru 7 li għalLhud hu numru perfett u qasmu 6+1 u mhux 4+3 jew 5+2 sabiex jagħmel aktar perfett l-istess numru. Sabiex nippruvaw nifhmu xi ftit lil Alla tah kwalitajiet ta’ bniedem li wara sitt ijiem Alla straħ meta Alla ma għandux bżonn jistrieħ. Interessanti kif lewwel jum jitkompla fir-raba’, ittieni fil-ħames u t-tielet fis-sitta qisu hemm mera ta’ riflessjoni bejn dawn il-ġranet. L-ewwel joħloq l-ambjent imbagħad jimlieh… l-ispazju bix-xemx, ilqamar u l-kwiekeb, is-sema u lbaħar bit-tajr u l-ħut u l-art bl-

8

annimali. Il-bniedem inħoloq flaħħar bħala l-iktar importanti fost il-ħlejqiet. Fil-fatt għall-bniedem biss kiteb li Alla nefaħ fih ir-ruħ u għamlu fuq xbieha tiegħu. Niftakru li l-Bibbja mhix ktieb Xjentifiku jew Ġeografiku. Hemm mezzi oħra biex naraw dan. Il-Bibbja twassalna għand Alla u għalhekk ma fihiex żbalji ta’ natura spiritwali. Nirringrazzjaw ferm lil Ms Dorianne Cassar tal-lezzjoni interessanti li għamlitilna. Irnexxielha tagħmlilna lezzjoni interessanti ħafna mingħajr ma daħlet fi kliem tekniku li trid tkun għamilt ċertu studju sabiex tifhmu. Grazzi mill-qalb u jekk Alla jrid ikollna lezzjonijiet oħra simili f’laqgħat futuri.


IL-ĦBIEB ISEJĦU/April2022

…GĦAL-LAQGĦA TA’ APRIL Peress li fl-ewwel week-end ta’ April għandu jkun hawn f’pajjiżna l-Papa Franġisku, illaqgħa ser issir fit-tieni Sibt 9 ta’ April. Peress li nkunu qlibna għall-ħin tas-Sajf il-laqgħa tibda fit-8.15p.m. Għal din il-laqgħa stedinna lil Mons Karm Gauci sabiex jagħmlilna ħsieb dwar il-jiem qaddisa li qegħdin fihom peress li l-laqgħa ser issir lejlet Ħadd ilPalm – il-bidu tal-Ġimgħa Mqaddsa.

Mela ħabib narawk għal-laqgħa nhar is-Sibt 9 ta’ April fit8.15p.m. Tkun l-isbaħ preparazzoni għal dan iż-żmien speċjali.

_____________ Nawguraw l-Għid it-tajjeb lill-qarrejja kollha ta’ Il-Ħbieb Isejħu. _____________ Il-Bord Editorjali 9


IL-ĦBIEB ISEJĦU/April2022

‘Għax jekk il-ħobża hi waħda, aħna, għalkemm ħafna, ġisem wieħed, għax aħna lkoll għandna sehem minn ħobża waħda.’ 1 Korintin 10, 17 Fil-Ġimgħa l-Kbira 5 ta’ April 1985 8000 stazzjon tar-radju madwar id-dinja daqqew il-kanzunetta ‘We Are The World’ fl-istess ħin. L-iskopijiet kienu tnejn: sabiex jinġabru fondi għall-ġuħ li ħakem l-Etjopja u juru l-għaqda mhux il-firda tal-familja kbira umana. San Pawl żgur li kien ikun favur dan is-sens ta’ solidarjetà u għaqda tal-mużiċisti. Għaliex dak li rajna fil-vers tal-bidu japplika għal kull membru tar-razza umana. Aħna familja u hekk jeħtieġ li nġibu ruħna.

#

Għaliex ingħatajt it-talenti li għandi? X’qed iżommni milli nużahom għall-ġid tal-oħrajn?

10

‘U jekk isofri membru wieħed, isofru miegħu l-membri kollha, u jekk membru wieħed jitweġġaħ, il-membri kollha jifirħu miegħu.’ 1 Korintin 12, 26


IL-ĦBIEB ISEJĦU/April2022

tantx jagħtih.” Edison illum miżmum bħala wieħed mill-ikbar inventuri Amerikani. Hu l-ġenju li tana bosta invenzjonijiet fosthom ilgramaphone u l-bozza talelettriku.

Għalliem liż-żagħżugħ G.K. Chesterton: “Naħseb li jekk ikollna naqsmu rasek flok moħħ intelliġenti nsibu ċappa xaħam.” Chesterton illum meqjus ġgant fil-letteratura Ngliża.

Silta mir-rapport skolastiku dwar Thomas Edison mibgħut millgħalliem tiegħu lill-ġenituri: “Nibża’ li binkom mhu ser ikun tajjeb għal xejn għax moħħu ma

Meta n-nies rat lil Henry Ford isuq l-ewwel karettun bil-mutur (kif sejħulu biex jirredikulawh) bdew jidħku u xi ħadd qallu: “Kul ftit u ixtri żiemel.” Henry ma qatax qalbu u llum ilkarettun bil-mutur hu meqjus indispensabbli għad-dinja tagħna. Issa konniex inkunu aħjar mingħajru ma nafx!

Rapport fil-paġna sportiva dwar Stanley Matthews: “Matthews ma jista’ qatt jirnexxi fid-dinja tal-futbol professjonali. La għandu l-ħeffa u lanqas il-

11


IL-ĦBIEB ISEJĦU/April2022 kwalitajiet neċessarji li jistgħu jgħinuk tikseb suċċess f’din lisfera tal-football.” Matthews spiċċa biex kiseb isem internazzjonali, kien jitqies stilla tal-futbol, lagħab ħafna drabi għal pajjiżu, u ta’ ħidmietu ngħata ttitlu ta’ Sir. Dam jilgħab sa meta kellu fuq l-erbgħin sena.

F’intervista li xxandret fis-26 ta’ Ottubru 1969 Margaret Thatcher qalet: “Fi żmieni żgur li ebda mara ma tippretendi li ser tilħaq Prim Ministru tal-Gran Brittanja.” F’inqas minn għoxrin sena, hi stess kienet Prim Ministru u baqgħet magħrufa bħala The Iron Lady.

Meta Frank Herbert bagħat ilmanuskritt tal-ktieb li semmieh Dune lil diversi edituri, rċieva

12

risposti negattivi fosthom li …… “Il-ġrajja timxi bil-mod wisq, hi twila ħafna, mingħajr sorpriżi u antikwata.” Kien biss l-14-il editur li aċċetta l-manuskritt u ma ddispjaċihx għax il-ktieb kien suċċess kbir u biegħ iktar minn 14-il miljun kopja.

Florence Nightingale llum magħrufa bħala l-ikona tannurses, għamlet ħafna xogħol firrigward ta’ kura lis-suldati li kienu feruti fil-gwerra tal-Krimea. Ħadmet bi sħiħ biex ħolqot swali diċenti fejn dawn il-feruti setgħu jirċievu kura. Meta ntemmet ilgwerra ħassitha eżawrita u ntefgħet fis-sodda. Kellha inqas minn 40 sena. Qalet: “Inħossni bla saħħa. Qed nistenna l-mewt minn jum għallieħor.” Damet ftit tistenna għax mietet ta’ 90 sena, iktar minn 50 wara li qalet dak li qalet.


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Il-Hbieb Isejhu - April 2022 by Michael Debono - Issuu