


KRITERJI SUĠĠETTIVI
IS-SENTEJN GARANZIJA LEGALI
Ir-Regolamenti dwar il-Bejgħ ta’
Oġġetti lill-Konsumaturi fl-Att dwar l-A arijiet tal-Konsumatur jistipulaw li l-oġġetti mibjugħa lill-konsumaturi għandhom ikunu konformi mal-kuntratt tal-bejgħ u għandhom jiġu fornuti skont il-kriterji suġġettivi u oġġettivi li ġejjin.

L-oġġetti għandhom jaqblu mad-deskrizzjoni, it-tip, il-kwantità, il-kwalità u għandu jkollhom il-funzjonalità, il-kompatibilità u l-karatteristiċi mwiegħda.
L-oġġetti jridu jkunu tajbin għall-iskop speċifiku li l-konsumatur indika lill-bejjiegħ qabel il-bejgħ, bil-qbil mal-bejjiegħ.
L-oġġetti fornuti għandhom jinkludu l-aċċessorji u l-istruzzjonijiet kollha kif stipulat fil-kuntratt tal-bejgħ.
Oġġetti b’elementi diġitali għandhom jiġu fornuti bl-aġġornamenti meħtieġa.


Għandi l-washing machine mhix taħdem
KRITERJI OĠĠETTIVI
L-oġġetti għandhom jaħdmu kif mistenni għall-iskop tipiku tagħhom.
L-oġġetti jridu jaqblu mal-kwalità u d-deskrizzjoni tal-kampjuni murija lill-konsumaturi.
L-oġġetti għandhom jinkludu l-aċċessorji u l-istruzzjonijiet li konsumatur raġonevolment jistenna li jirċievi.
L-oġġetti għandhom ikollhom il-kwalitajiet u karatteristiċi, inkluż f’termini ta’ durabbiltà, funzjonalità, kompatibilità u sigurtà, normali għal oġġetti tal-istess tip.
INSTALLAZZJONI ĦAŻINA TA’ OĠĠETTI
Installazzjoni mhux korretta titqies bħala nuqqas ta’ konformità jekk:
Il-bejjiegħ jew ir-rappreżentant tiegħu kien responsabbli tal-installazzjoni bħala parti mill-kuntratt tal-bejgħ; jew
L-installazzjoni mill-konsumatur ma rnexxietx minħabba nuqqasijiet fl-istruzzjonijiet provduti mill-bejjiegħ, il-fornitur, jew il-fornitur tal-kontenut jew is-servizz diġitali.

RIMEDJI LEGALI
Jekk l-oġġetti ma jissodisfawx il-kriterji speċifikati fil-liġi, l-konsumaturi jistgħu jitolbu wieħed mir-rimedji li ġejjin:
Tiswija jew bdil.
Tnaqqis parzjali fil-prezz.
Rifużjoni sħiħa tal-flus imħallsa.
Dawn ir-rimedji għandhom jiġu pprovduti lill-konsumaturi mingħajr ħlas, fi żmien raġonevoli u mingħajr ma jikkawżaw inkonvenjent sinifikanti.
Fir-rigward ta’ tiswijiet jew bdil, il-bejjiegħ għandu:
Jiġbor lura l-oġġetti mhux konformi.
Jinstalla l-oġġetti msewwija jew mibdula.
Ikopri l-ispejjeż kollha assoċjati mat-tneħħija u l-installazzjoni tal-oġġetti.
Il-konsumaturi m’għandhomx jintalbu ħlas għall-użu normali tal-oġġetti mibdula qabel dawn inbidlu mill-bejjiegħ.
It-tnaqqis parzjali fil-prezz għandu jirrifletti l-valur imnaqqas tal-oġġetti meta mqabbel mal-valur li kellu jkollhom kieku kienu konformi.
Il-konsumaturi ma jistgħux jikkanċellaw kuntratt ta’ bejgħ u jitolbu rifużjoni sħiħa f’każ ta’ difetti minuri.
Il-konsumaturi għandhom id-dritt li jżommu l-ħlas ta’ kwalunkwe ammont pendenti sakemm il-bejjiegħa jwettqu l-obbligi tagħhom.
RESPONSABBILTÀ TAL-BEJJIEGĦA
Il-bejjiegħa huma responsabbli għal nuqqasijiet ta’ konformità li jkunu preżenti fil-mument tal-kunsinna, kif ukoll għal dawk in-nuqqasijiet li joħorġu fi żmien sentejn mill-kunsinna.
Il-perjodu ta’ sentejn jiġi sospiż meta jkunu għaddejjin negozjati bejn il-bejjiegħ u l-konsumatur bi skop li tintlaħaq soluzzjoni amikevoli.
ONERU TAL-PROVA
Jekk il-problema fl-oġġett mixtri toħroġ fi żmien sena mill-kunsinna, għandu jkun preżunt li l-problema kienet teżisti fil-mument tal-kunsinna, sakemm ma jiġix ippruvat mod ieħor mill-bejjiegħ.
Għal oġġetti b’elementi diġitali li jinvolvu l-provvista kontinwa ta’ kontenut jew servizzi diġitali, l-oneru tal-prova jibqa’ fuq il-bejjiegħ matul il-perjodu kollu tal-provvista.
