
3 minute read
EDITORJAL BIL-MALTI
Editorjal
OBRIGADO BRUNO!
Advertisement
Iva, ‘Obrigado’ Bruno! Grazzi talli fl‑aħħar ingħaqadt mal‑United wara saga għaddejja sena. Grazzi talli żidt dik il‑forza tant meħtieġa fil‑magna daqstant letarġika tal‑midfield. Grazzi talli ħadt f ’idejk is‑set pieces u talli qiegħed tilgħab bħallikieku ilek issewwi n‑nuqqasijiet fil‑pitch ta’ Old Trafford għal sekli sħaħ. L‑eżuberanza u l‑kunfidenza tiegħek huma eżatt il‑kwalitajiet u l‑arranġamenti li konna qed infittxu.
Ix‑xahar ikrah ta’ Jannar (imtappan minn prestazzjoni disażtruża f’Old Trafford kontra Manchester City u minn esperjenza diżappuntanti kontra Liverpool) ikkaratterizza fattur ewlieni... illi t‑tim kellu verament bżonn tisħiħ kbir. Ċertament, il‑partitarji kienu sorpriżi meta finalment Bruno Fernandes iffirma iswed fuq l‑abjad u Odion Ighalo ingħaqad mal‑club b’self minn Shangai Greenland Shenhua bħala rimedju għal Marcus Rashford, li weġġa’. Fl‑aħħar, kellna akkwisti tant bżonnjużi biex iqajmu tim li bla dubju kien iddgħajjef u bla ħeġġa.
Minkejja d‑diżappunt kbir fil‑kampjonat, l‑FA Cup pattiet daqsxejn b’rebħiet meħtieġa kontra Wolves u Tranmere Rovers, li b’hekk ġiet assigurata sfida fil‑5 Round kontra Derby County. Wiċċ familjari se jkun qiegħed imexxi l‑attakk tar‑Rams...ħadd ħlief Wayne Rooney. ‘Wazza’ żgur se jkun qiegħed iħares ’il quddiem għal din l‑isfida, hekk kif iż‑żewġ clubs se jkunu qed ifittxu li jakkwistaw post importanti fil‑Kwarti tal‑Finali. Meta wieħed jikkunsidra x’riskju hemm, forma tajba fl‑FA Cup hija imperattiva sabiex ikunu stabbiliti mill‑ġdid il‑kredenzjali tal‑United fix‑xena domestika. Forsi rebħa oħra ta’ din it‑tazza taf iġġib raġġ ta’ pożitività li kien nieqes tul l‑istaġun.
Wieħed għad irid jara jekk il‑United irnexxielhomx jew le jibdew ġenwinament paġna ġdida. Madankollu, minn dakinhar tad‑debutt ta’ Fernandes kontra Wolves, il‑club irreġistra żewġ rebħiet konsekuttivi kontra Chelsea u Watford – b’hekk ġie assigurat li r‑Red Devils issa jinsabu f ’pożizzjoni tajba biex jakkwistaw ir‑raba’ post u l‑parteċipazzjoni prospettiva fiċ‑Champions League 2020/21. B’Fernandes imexxi fis‑sod il‑midfield u Scott McTominay, li rkupra mill‑injury, ir‑Red Devils jinsabu armati sew biex jiġġeldu b’mod serju għall‑postijiet fl‑Ewropa [speċjalment meta wieħed jikkunsidra li hemm daqsxejn ta’ timijiet b’saħħithom jistennewna f ’kas li nkomplu ngħaddu mill‑aħħar stadji tal‑UEFA Champions League]. Ir‑rebħa fi Stamford Bridge żgur kienet tgħin biex inġibu lura l‑kunfidenza u l‑kredibilità fil‑grupp.

Dan l‑editorjal ma jistax ma jkomplix mingħajr ma jitfakkar il‑leġġenda ta’ Manchester United, Harry Gregg, li miet fl‑età ta’ 87 sena. Goalkeeper komplut, li l‑kritika li rċieva barra l‑pitch hija ugwalment impressjonanti u leġġendarja daqs il‑kisbiet li għamel fih, Gregg jibqa’ assoċjat għal dejjem mad‑diżastru ta’ Munich Air (6 ta’ Frar 1958). Fih kienu mietu 23 persuna, inkluż 7 players tat‑tim fantastiku ta’ Manchester United magħruf bħala ‘Busby Babes’.
Gregg kien irċieva l‑istatus ta’ eroj wara li salva tarbija ta’ 20 xahar, flimkien m’ommha tqila, li kienet weġġgħet gravi f ’dan id‑diżastru. Il‑goalkeeper mill‑Irlanda ta’ Fuq, li kellu vuċi ġentili iżda opposta totalment f ’dak li kellu x’jaqsam ma’ football, kellu jgħix b’survivor’s guilt tul ħajtu kollha. Dan, minkejja li llum il‑ġurnata, il‑preżenza ta’ ispirazzjoni tiegħu għadha tinħass b’mod qawwi fost il‑players li lagħbu miegħu – li hu tant ħabb u rrispetta.
Il‑kbir Sir Alex Ferguson stess fakkar il‑memorja tiegħu billi qal “Harry kien raġel kbir u leġġenda vera fil‑club tagħna. Niftakar kemm dejjem kien ikun eċitat u kburi meta jilqa’ lit‑tim taż‑żgħar fil‑boarding house tiegħu għall‑Milk Cup kull sajf, biex b’hekk kien ikun jista’ joqgħod jirrakkonta l‑istejjer ta’ meta kien jilgħab.”
L‑istess sentimenti kienu espressi mil‑leġġenda tal‑club, Sir Bobby Charlton, billi nnota b’mod partikolari li: “Huwa inkredibbli meta wieħed jiftakar li Harry kien lagħab kontra Sheffield l‑Erbgħa, 13‑il ġurnata biss wara seħħ il‑lejl traġiku. Hu kien dawl jibbrilla kemm barra u ġewwa l‑pitch. Għal ħafna raġunijiet, hu jixraqlu jkun imfakkar bħala wieħed mill‑akbar ismijiet fl‑istorja ta’ Manchester United.”
Fil‑mumenti koroh ta’ Manchester United, Harry Gregg baqa’ b’rasu mgħollija fuq kulħadd. Hu ma kienx biss ta’ gwida għall‑players iż‑żgħar iżda ħa rwol ta’ missier fil‑club – u l‑attitudni ferriħija u ottimista tiegħu tul dawk iż‑żminijiet turbolenti ppermettew biex ir‑Red Devils ikomplu jimxu ’l quddiem. Il‑marki li ħalla warajh Gregg, ta’ kuraġġ u determinazzjoni, saru sinonimi mal‑‘aura’ ta’ Manchester United u l‑club jibqa’ għal dejjem grat lejh.

2,000,000 2,000,000
