
4 minute read
Mis-Sotto‐Kumitat tal‐Armar • Brian Gauci
mis-Sotto-Kumitat tal-Armar
Brian Gauci, President
Advertisement
Ħbieb huwa unur tiegħi li għal darba oħra ġejt mitlub biex nikteb dan il-messaġġ qasir dwar ilħidma li saret mill-membri tal-Għaqda Armar Sannat matul din is-sena.
Kulħadd jaf minn xiex għaddiet id-dinja matul dawn l-aħħar sentejn, u kif kollox u kulħadd kellu jaddatta ruħu għal dawn iċ-ċirkostanzi. U l-festi ma kinux eċċezzjoni. Wara li s-sena l-oħra minħabba l-pandemija kellna nagħmlu festa ridotta, imma li grazzi għal kulħadd kienet waħda sabiħa xorta waħda, din is-sena jidher li ser ikun possibbli li l-festi jsiru normali, jiġifieri kif kienu jsiru qabel il-pandemija.
Aħna tal-armar is-sena l-oħra m’armajniex ir-raħal kollu peress li ma saritx il-purċissjoni, però l-ftit li armajna, jiġifieri l-Pjazza tal-Knisja u d-daħla tar-raħal, għenu ħafna biex wieħed jidħol fl-ispirtu ta’ festa.
Kif tafu, dawn l-aħħar snin saret qisha tradizzjoni li ta’ kull sena għall-festa tar-raħal, l-Għaqda Armar iżżanżan xi biċċa armar ġdida, u s-sena l-oħra ma kinitx eċċezzjoni. Fil-fatt iżżanżnu żewġ bandalori mis-sett li se jintuża fi Triq ix-Xabbata, iżda żgur li l-aktar biċċa armar li ġibdet l-għajn ta’ kull min żar irraħal tagħna fil-festa kien is-sett komplut ta’ pavaljuni tad-dawl fi Triq Sannat. Għalkemm fis-snin ta’ qabel konna diġà armajna ftit minnhom fil-festa, tas-sena l-oħra kienet l-ewwel darba li ntrama is-sett sħiħ. Tajjeb li wieħed jirrimarka li rċivejna kummenti sbieħ ħafna fuq dawn il-pavaljuni u mhux biss misSannatin, imma anke minn persuni minn barra irraħal. Saħansitra anke barranin li raw ir-ritratti fuq il-mezzi soċjali għoġobhom ifaħħru dan il-proġett li nħadem kompletament mill-membri tagħna.
Issa nistħajjilkom tistaqsu “u għal din is-sena x’hemm ġdid?”
Ħa ngħidilkom x’hemm ġdid. Bi pjaċir ngħidilkom li x-xogħol ta’ njam fuq il-pilandri tal-pjazza tlesta u dawn baqalhom biss li jitkompla l-irħamar u tiżdidilhom xi skultura. Tlesta wkoll is-sett ta’ bandalori ta’ Triq Xabbata u għal din is-sena se jiżżanżnu l-aħħar tnejn minn sett ta’ tmienja. Però l-akbar biċċa xogħol li se tiżżanżan din is-sena huwa s-sett ta’ tnax-il pavaljun tad-drapp għal Triq Ta’ Ċenċ. Kif jafu dawk fostkom li huma midħla tal-għaqda tagħna, il-bżonn li dawn ilpavaljuni jsiru ġodda kien ilu jinħass ħafna. Għalhekk wara li tliet snin ilu żanżanna wieħed minnhom, illum bi pjaċir ngħidilkom li x-xogħol ta’ ħjata fuqhom huwa lest. Għalhekk, għalkemm mhumiex kollha lesti millisfumar, xorta se jintrama s-sett sħiħ. Se jiżżanżnu wkoll sett alabardi għal fuq il-kolonni ta’ Triq Dun Xand Aquilina.
Sfortunatament, matul din is-sena ma stajniex norganizzaw attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi, u biex tagħmel dawn il-proġetti, il-flus huma essenzjali. Għalhekk il-kumitat kellu jsib modi alternattivi minn fejn iġib il-fondi. Grazzi għall-kollaborazzjoni li teżisti bejn l-għaqda tagħna u l-Kunsill Lokali, f’diversi okkażżjonijiet intalbet l-għajnuna tagħna f’xi attività li saret mill-Kunsill Lokali u b’hekk inħoloq mezz li bih stajna ndaħħlu xi ħaġa tal-flus biex inkomplu l-proġetti tagħna. Żgur li l-akbar attività fosthom kienet il-Festival tal-Inbid. L-għaqda
Triq Sannat armata bil-pavaljuni tad-dawl
tagħna kienet strumentali fl-organizzazzjoni ta’ dan il-Festival flimkien mal-Kunsill Lokali u l-għaqdiet l-oħra tar-raħal. Barra minn hekk, diversi persuni minn żmien għall-ieħor javviċinawna u joffru xi donazzjoni. Dan lilna jimliena bil-kuraġġ għax moħħna mistrieħ li l-appoġġ tagħkom mhu se jieqaf qatt. U ġaladarba qed insemmu l-ġbir ta’ fondi, ma jistax jonqos li nsellmu l-memorja ta’ persuna li minn dejjem niftakruha taħdem u tistinka biex tiġbor ilflus għall-festa u l-parroċċa, u li ftit ilu ħalliet din iddinja biex tmur il-ġenna ħdejn il-Mulej; din is-sena
se tgawdi l-festa flimkien ma’ Santa Margerita minn hemm fuq. Naħseb indunajtu għal min qed nirreferi. Din ma hi ħadd ħlief Ġorġa Micallef. Grazzi Ġorġa ta’ dak kollu li għamilt għar-raħal speċjalment għallfesta.
L-Għaqda Armar hija onorata u tifraħ lil Ġorġ Borg, membru fi ħdanha, li din is-sena ngħata l-premju Ġieħ Sannat. Ġorġ mhux biss huwa membru li jagħti sehemu fl-armar tal-festa, iżda fuq kollox lil Ġorġ issibu lest li jidħol b’ruħu u b’ġismu għal xi attività ta’ ġbir ta’ fondi organizzata mill-Għaqda Armar Sannat u li tkun tinvolvi l-preparazzjoni tal-ikel. Prosit u grazzi Ġorġ.
F’isem sħabi nixtieq nirringrazzja lill-Arċipriet u l-kleru tal-parroċċa għall-appoġġ li dejjem sibna mingħandhom. Nixtieq nirringrazzja wkoll lill-Isqof Anton Theuma li matul din is-sena għal darbtejn għoġbu jiltaqa’ mal-membri tal-għaqda tagħna. Nassigurah li dawn il-laqgħat ħallew ħafna ġid u l-membri kollha ħadu pjaċir bihom. Nirringrazzja wkoll lis-Sindku, il-kunsilliera kif ukoll lisSegretarju Eżekuttiv tal-kunsill lokali, u l-membri tal-istaff tal-kunsill għall-għajnuna li dejjem sibna mingħandhom. Grazzi kbira wkoll lill-Ministru għal Għawdex, l-Onorevoli Clint Camilleri, li permezz tad-Direttorat ta’ Eko Għawdex għoġbu jagħti donazzjoni sostanzjali lill-għaqda tagħna sabiex din tkun tista’ tibdel il-bozoz kollha li jintużaw fit-toroq

ta’ madwar ir-raħal għal żmien il-festa f’bozoz tat-tip LED. Dan ser iwassal għal tnaqqis konsiderevoli filkonsum tad-dawl li mhux biss ifisser anqas spejjeż għall-Għaqda Armar Sannat, imma wkoll ser inkunu qed nagħtu sehemna sabiex jonqos it-tniġġiż fl-arja bl-użu ta’ enerġija aktar sostenibbli. Nirringrazzja wkoll lil dawk il-persuni li jgħinuna kemm finanzjarjament kif ukoll billi jipprovdulna l-inġenji biex narmaw u nżarmaw l-armar. Però l-ikbar grazzi tmur lejn il-familjari tagħna għall-paċenzja li jieħdu bina u l-appoġġ li jagħtuna.
Grazzi lil kulħadd.
Għalhekk ħbieb ejja ningħaqdu flimkien biex norganizzaw festa sabiħa u qaddisa u tkun okkażżjoni li permezz ta’ Santa Margerita tressaqna aktar lejn Alla.
Il-festa t-tajba.
Viva Santa Margerita.
Mumenti sbieħ waqt iż-żjara tal-Ministru fil-maħżen

Jitkompla x-xogħol fuq il-Pilandri