
4 minute read
Arċipriet Dun Michael Curmi Il-Kappella tal-Ewkaristija
Il -K APP ELLA TAL-EWKARISTIJA
Arċipriet Dun Michael Curmi
Advertisement
“Jiena magħkom dejjem...” (Mt 28,20)
Meta ġie biex iħalli d-dinja Ġesù ma riedx li l-appostli u l-għeżież tiegħu jibqgħu waħedhom. Propju fl-aħħar vers tal-Vanġelu ta’ Mattew insibu l-kelmiet: “U ara, jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28,20b). Dan, Ġesù għamlu mhux biss bit-tiswib tal-Ispirtu s-Santu fuq ilKnisja, imma prinċipalment billi ħalla lilu nnifsu fl-Ewkaristija; il-ħobż u l-inbid ikkonsagrati u mibdula fil-ġisem u d-demm tiegħu.
L-għażla li għamlet il-Parroċċa tagħna li twaqqaf kappella tal-Ewkaristija fil-qalba ta’ dan ir-raħal turi li hija komunità li tixtieq tgħix qrib ta’ Kristu fl-Ewkaristija, f ’oasi ta’ skiet u serħan ilqalb. Il-poplu ta’ dan ir-raħal minn dejjem wera li kellu fidi u devozzjoni qawwija lejn l-Ewkaristija. Dan tixhdu l-istorja ta’ missirijietna f ’dan irraħal u anke l-għażliet li huma għamlu fejn, fost l-oħrajn, bħala s-sekonda festa għażlu l-festa tal-Kwaranturi qabel kull festa oħra. Fil-fatt jien nista’ nixhed kemm din il-festa tinħass min-nies tagħna ta’ dan ir-raħal.
Il-kappella tal-Ewkaristija se tkun oasi fejn wieħed isib lilu nnifsu fil-preżenza tal-Mulej. Se tkun post adatt u kenni fejn wieħed jidħol u jadura, ipoġġi bilqiegħda jew għarkopptejh u jitlob. Post kenni fejn il-qalb tal-persuna tiltaqa’ u titkellem mal-qalb ta’ Alla; fejn il-qalb ta’ Alla tiltaqa’ u titkellem mal-qalb tal-persuna.
Hija sena speċjali u sinifikattiva ferm li fiha għażilna li nwaqqfu dan il-post għażiż. Hija s-sena speċjali u ġubilari; is-sena tal-Ħniena. Alla li juri l-wiċċ sabiħ tiegħu u mimli ħniena fil-persuna ta’ Ibnu Ġesù; hu li l-aħħar kelma li tennielna kienet: “Jiena magħkom dejjem”.
Hija wkoll is-sena li fiha aħna s-Sannatin qed infakkru l-għożża li kellhom missirijietna u li aħna għandna għal S. Margerita fil-125 sena mill-wasla


tal-istatwa titulari u artistika tagħha. Kien għalhekk li tħabatna sabiex din il-kappella titlesta u tinfetaħ filfesta speċjali ta’ din is-sena; propju fl-20 ta’ Lulju.
Dejjem kienet il-ħolma tal-Arċipriet Emeritu Mons. Tarcisio Camilleri (illum Vigarju Ġenerali tad-Djoċesi) li jkun hawn dan il-post għażiż fir-raħal tagħna. Fil-fatt hu, f ’għaqda mal-presbiterju, għamel il-pjanti flimkien mal-Perit Gordon Vella, il-permessi u l-arranġamenti burokratiċi kollha meħtieġa għal dan il-proġett, biex eventwalment bdejna x-xogħol. Hawn ma naqsitx ukoll l-id artistika ta’ Dun Joe Calleja, speċjalment fid-disinn u l-istruttura tal-kappella minn ġewwa.
L-istruttura tal-kappella minn barra għalkemm moderna u ewlenija fil-pjazza tagħna, ma tagħtix fastidju lill-għajn, anzi tiġbed l-attenzjoni u turik li hija monument importanti. Is-salib ta’ barra minnu nnifsu jiġbidlek l-attenzjoni fuq is-simbolu ewlieni tar-reliġjon tagħna, speċjalment meta dan ikun imdawwal bil-lejl. Fin-nofs tiegħu tispikka l-qalb ta’ Kristu li minnha joħorġu ħames qatriet ta’ demm li jissimbolizzaw ilħames pjagi ta’ Kristu. Id-daħla u t-tondjatura tal-bieb mill-ewwel titrasmetti fik xewqa li tidħol ġewwa biex issib il-kenn.
Prinċipalment l-istruttura minn ġew hija magħmula minn gypsum li bla ma trid twasslek biex titfa’ ħarstek fuq fejn hemm Ġesù Ewkaristija. Il-kumplament hu magħmul minn stained glass; il-parti ċentrali b’kuluri dehbija tissimbolizza lil Kristu li jdawwal, u li dan kollu joħroġ propju mill-bjuda tal-Ewkaristija (l-abjad hu l-milja tad-dawl). Fix-xellug fuq tidher bħal kewkba, li hi Kristu, li kif inkantaw fil-lejl qaddis tal-Għid, “hu l-kewkba li qatt ma tgħib”.
Anke s-sempliċità u d-dwal jgħinuk u jwassluk għal dak li huwa essenzjali; Kristu, l-ikel li jagħti l-ħajja. Ilħġieġ, it-twieqi u l-bibien huma kollha double glazed sabiex jiffavorixxu s-skiet li għandhom bżonn il-moħħ u l-qalb tal-bniedem tal-lum. Idaħħluk f ’atmosfera fejn minkejja li tkun tinsab fil-qalba tar-raħal tħossok qisek qiegħed irtir. Għalhekk dan il-post mhux se jkun tali fejn wieħed jirreċita talb b’vuċi għolja, lanqas hu post fejn nagħmlu quddies. Imma huwa l-post tal-“kamra tiegħek ta’ ġewwa” (Mt 6,6), fejn int tiltaqa’ ma’ Alla u miegħek innifsek.
Hekk kif qed inħażżeż dawn il-vrus, ix-xogħol fuq il-kappella qed joqrob biex jintemm u għalhekk nieħu l-okkażjoni sabiex nirringrazzja lil Renzo Muscat tassorveljar ta’ xogħol, organizzazzjoni u kordinament tal-ħaddiema, u li dan kollu jagħmlu b’imħabba kbira lejn il-parroċċa u b’mod volontarju. Nirringrazzja wkoll

lil diversi ħaddiema professjonali li huma wkoll wettqu xogħol (jew partijiet minnu) b’mod volontarju.
Finalment ma nistax ma nammirax il-qalb talpoplu Ta’ Sannat, il-poplu kollu tal-Parroċċa tagħna li kkontribwixxa bis-sħiħ għall-ispejjeż (li m’humiex żgħar) ta’ dan il-proġett siewi u qaddis! Mhux biss, imma wera wkoll interess kbir fl-istadji kollha ta’ dan ilproġett. Mill-inkoraġġiment li rċevejt inħoss li l-poplu Ta’ Sannat, dan il-proġett assumih u għamlu tiegħu. Din hija x-xewqa tagħna li l-poplu jkun qrib tal-parroċċa, qrib ta’ Kristu u l-qaddisin tiegħu.
Ejjew x’ħin insibuna ma nistgħux insibu triq kif noħorġu mid-dlam ta’ xi problema, immorru ħdejh. Meta nħossuna waħedna d-dar u ma għandniex ma’ min nitkellmu, meta nħossu li ħadd ma jista’ jifhimna, immorru ħdejh. Meta nkunu anzjużi qabel xi eżami, qabel xi interview jew aħna u nistennew xi riżultat ta’ xi eżami mediku, immorru ħdejh: “jiena magħkom dejjem”.
Anke meta nkunu kuntenti b’xi kisba li nkunu għamilna, mmorru ħdejh biex nirringrazzjawh u nifirħu miegħu. Meta nkunu ferħanin b’miġja ta’ tarbija, b’kisba ta’ xi riżultat, b’xi suċċess... immorru ħdejh ukoll.
Fil-ferħ u fin-niket, ejjew ma nħossuniex waħedna, imma naslu wasla sa ħdejh... għax l-Kelma tiegħu għadha u tibqa’ tidwi: “jiena magħkom dejjem”.