
3 minute read
Mill-Pinna tal-Editur
Li nsejħu ismek, Pietru, ikun biżżejjed Mill-Pinna tal-Editur
Ir-Raħal Jiċċelebra lill-Prinċep
Advertisement
Christopher Bonnici B.A.(Hons); M.A.; ALCM; LLCM
Paċi u Saħħa lil Kulħadd!
Dan huwa r-raba’ messaġġ tiegħi fuq din il-pubblikazzjoni annwali u bdejt naħseb x’għandi ngħid. Tgħid nibda bil-Miġja talPapa Franġisku u li nħarġet l-istatwa titulari fuq iz-zuntier? Ħareġ il-Prinċep tal-Appostli u miegħu ċaqlaq raħal sħiħ... anzi aktar! Għax mill-ewwel sħabi qaluli... ‘hemm ħriġtu lil San Pietru!’ Imma dwar dan se nsibu aktar informazzjoni u ritratti. Onestament, kont diġà bdejt nikteb, imma biddilt kollox. Kollox sew. Nikteb dwar l-oratorju ‘Divo Petro’. Imma dwar dan ukoll se nsibu f’paġni oħra dwar dan l-annwal. Hekk kif se nagħmlu dwar ir-raba’ safra li wettqet il-Banda Birżebbuġa bħala l-ambaxxatriċi ta’ raħalna barra minn xtutna. U għalhekk ħsibt u ddeċidejt illi nqassam dan l-artiklu fi tlieta. Aħna Petrini Iljuni Birżebbuġin.
Petrini
Aħna li b’xi mod jew ieħor għandna x’naqsmu ma’ Birżebbuġa, sew jekk mgħammdin f’din il-parroċċa, sew jekk noqogħdu hawn; jogħġobna jew ma jogħġobniex dan il-fatt, aħna Petrini. Aħna ta’ San Pietru. Aħna wlied San Pietru. Mela għal San Pietru tħabbat qalbna għax aħna lkoll ulied l-istess patrun, u għalhekk aħna lkoll aħwa taħt it-tmexxija tar-Ragħaj tagħna, l-Appostlu Missierna San Pietru. Dak li lilu Kristu għażel sabiex ikun il-mexxej tal-komunità ċkejkna li kienet għadha titwieled. Mela bħal San Pietru se nogħtru, se nibżgħu, se naqtgħu qalbna. Imma bħalu wkoll irridu nagħmlu l-kuraġġ u nduru lejn il-Ħniena ta’ Alla l-Imbierek fiddiffikultajiet. Meta nonqsuH, jiddispjaċina hekk kif għamel Pietru l-patrun tagħna meta ċaħdu fit-tbatija. Imma bħalma Pietru sar il-Mexxej tal-komunità li aħna nsejħu Knisja, u għalhekk mexxej ta’ ħafna karattri differenti, sabiex verament inkunu Petrini rridu nagħmlu bħal Pietru u nirrispettaw lil kulħadd, anke lil min ma jaqbilx magħna.
Iljuni
L-iljun fil-foresta huwa meqjus bħala r-re tagħha. Annimal b’saħħtu, sabiħ u jiġbed l-attenzjoni. Hekk aħna! Grazzi għas-Soċjetà Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa, il-festa ta’ Birżebbuġa saret tiġbed ħafna aktar attenzjoni. Il-marċi brijużi tagħna, sbieħ, b’saħħithom, jiġbdu l-attenzjoni tal-poplu ta’ Birżebbuġa li dejjem jappoġġja dak kollu li jsir, is-sorpriżi, in-nar, il-briju, il-programm mużikali, l-armar... Għaliex qalbna tħabbat bil-ħeġġa għal Birżebbuġa, għall-festa, u għalhekk għal San Pietru li tant kemm mimlijin ħeġġa u mħabba għalih, illi nieħdu gost, inħossuna obbligati li naħdmu sena sħiħa għall-festa tiegħu.

Birżebbuġin
Għax aħna wlied Birżebbuġa niftaħru biha f’kull ħin u kull mument. Inweġġgħu meta naraw min qed jipprova jissokta jumiljaha b’xi proġetti li ma jixirqulhiex. Inweġġgħu meta jużaw xi aġġettivi li ma jixirqulniex. Nieħdu gost bis-suċċessi ta’ kull persuna f’Birżebbuġa. Napprezzaw dak illi jsir minn kull entità u persuna f’Birżebbuġa. U nixtiequ dejjem l-aħjar għal dan irraħal, u għalhekk noħolmu u naħdmu sabiex inwettqu proġetti, sabiex fil-qasam tagħna, dak kulturali, soċjali u mużikali, isem Birżebbuġa dejjem jinżamm fil-għoli.
Għeluq
Għall-pubblikazzjoni ta’ din is-sena, flimkien ma’ sħabi tal-Bord Editorjali xtaqt ħafna li nerġgħu lura għal-livell illi konna ntellgħu qabel faqqgħet ilpandemija, u qed nippruvaw kemm jista’ jkun nagħmlu dan. Minħabba f’hekk l-ispejjeż żdiedu u kibru ħafna. Nitolbukom sabiex tgħinu lil dawk illi jirreklamaw magħna sabiex in-negozju tagħhom jimxi dejjem ’il quddiem, u napprezzaw kull donazzjoni, ċkejkna kemm hija ċkejkna; imma kull ċenteżmu jgħodd. Madankollu, napprezzaw ukoll kull għajnuna oħra lisSoċjetà. Avviċinana, xi ħaġa għalik insibu żgur. Jekk m’intix komdu tnaddaf, kapaċi titgħallem strument jew tikteb il-mużika. Jekk il-mużika ma tinteressakx tista’ tgħin fl-armar. Hawn biżżejjed x’tagħmel. Toqgħodx tgħid ‘imisskom għamiltu hekk’, imma ‘min jaf li kieku nagħmlu hekk’. Tgħidx ‘għax jien m’iniex kapaċi’ jew ‘hemm biżżejjed min jaħdem’, għax dak il-post, dak il-ħin huwa tiegħek, u ħadd ma jista’ jeħodlok postok; għax int uniku, bħal kull persuna oħra.
Minn qalbi, nawgura l-festa t-tajba lill-poplu kollu ta’ Birżebbuġa u lil dawk illi jiġu joqogħdu villeġġjatura fissajf kif ukoll lil dawk kollha li jżommu l-appuntament illi fl-Ewwel Ġimgħa ta’ Awwissu jiffullaw f’Birżebbuġa sabiex flimkien magħna jiċċelebraw lill-Prinċep talAppostli, il-Patrun, il-Qalba ta’ Qalbna, dik l-istatwa ta’ sbuħija rari, il-festa prinċipali ta’ din il-ġimgħa, San Pietru Appostlu.
Viva l-Appostlu Missierna San Pietru!
Viva s-Soċjetà Filarmonika San Pietru!
Viva l-Banda Birżebbuġa – Tal-Iljun!

