Lil Ħbiebna - Leħen il-Ġiżwiti Maltin | Jan-Mar 2019

Page 1

01

HBIEBNA Newspaper post

Leħen il-Ġiżwiti Maltin

lil

2019

Dar Manwel Magri tilqa’ liż-żgħażagħ Aħbarijiet dwar il-ħidma tal-Ġiżwiti Malta u fid-dinja 1


Miktub minn Fr John Scicluna SJ

Il-Qaddis tax-Xahar

San Ġużepp, patrun tal-Kumpanija ta’ Ġesù jgħixu ta’ lajċi impenjati u ta’ bnedmin ġusti quddiem Alla, (b) għall-ħaddiema u għar-rabta tagħhom maxxogħol, u (ċ) għal min kien riesaq lejn tmiem ħajtu. Ixerrdu d-devozzjoni

F’Malta, il-festa ta’ San Ġużepp bdiet issir mis-seklu għaxra. Fl-1481 il-Papa Sistu V ordna li l-festa ewlenija tal-Qaddis issir fil-Knisja Universali fid-19 ta’ Marzu. Din il-festa għandha għeruq bibbliċi: Ġużeppi kien l-aħħar Patrijarka li rċieva messaġġi mingħand Alla permezz ta’ ħolm. Bħal Ġużeppi tal-Antik Testment, hu kien ir-raġel ġust u fidil (Mt 1:19) li Alla għażlu jieħu ħsieb id-dar tiegħu. Hu laqa’ lil Ġesù. Kien ir-raġel ta’ Maria u missier putattiv. Ħa lil familtu lejn l-Eġittu u ġabha lura. Il-Ġiżwiti u San Ġużepp Il-Kumpanija ta’ Ġesù dejjem kellha devozzjoni speċjali lejn dan il-qaddis. L-għeruq tad-devozzjoni tal-Ġiżwiti lejn San Ġużepp insibuhom fl-Eżerċizzi Spiritwali, fil-Meditazzjoni tal-Inkarnazzjoni. Sa minn tmiem is-seklu sittax, diversi Ġiżwiti kitbu u nisġu priedki u noveni biex inisslu aktar devozzjoni lejn il-Missier putattiv ta’ “Alla Sidna”, kif isejjaħlu Injazju. Ġiżwiti li ddedikaw ħajjithom għat-tkattir talħajja spiritwali (bħal Lallement u Surin) ħarsu lejn San Ġużepp bħala patrun ta’ dawk li kienu l-aktar qrib ta’ Alla. Għal Franġisk Suarez, il-ħidma ta’ San Ġużepp kienet ogħla minn dik tal-appostli: kien hu li ħa ħsieb ’l Iben t’Alla. Fl-1555 il-Messiku tqiegħdet taħt il-ħarsien ta’ San Ġużepp u, fl-1624, il-Kanada wkoll. Il-Kumpanija kienet impenjata bis-sħiħ f ’dawn l-artijiet ġodda. FilKongregazzjonijiet Marjani mxerrda ma’ kullimkien, San Ġużepp kien mudell mill-aqwa (a) għall-irġiel li riedu

2

Kienu l-Ġiżwiti li xerrdu mal-erbat irjieħ iddevozzjoni lejn San Ġużepp bħala protettur tal-bona morte: skond it-tradizzjoni, San Ġużepp kellu lil Ġesù u lil Marija jduru bih fi tmiem ħajtu. Fl-1620 San Robertu Bellarmino kiteb trattat dwar il-mewta t-tajba u waqqaf Kongregazzjoni fil-knisja ta’ Ġesù ta’ Ruma, li s-Superjur Ġenerali Caraffa approva fl-1648. Barra numru bla għadd ta’ Kongregazzjonijiet tal-bona morte, il-Ġiżwiti waqqfu wkoll trade unions jew korporazzjonijiet ta’ ħaddiema, u aġenziji ta’ self b’imgħax baxx bl-isem ta’ San Ġużepp. Minħabba li kien ukoll xempju ta’ umiltà, ġabra, u ħajja marbuta m’Alla, il-Kumpanija għażlet lil San Ġużepp bħala patrun tad-djar tat-Tielet Sena tanNovizzjat. Fl-1733 il-Ġeneral tal-Ġiżwiti, Fr Retz, ħatru patrun ‘speċjali’ tal-Kumpanija u ried li ta’ kuljum il-komunitajiet Ġiżwiti joffru talba speċjali lil dan il-qaddis. Skont il-Bollandisti, fil-Kumpanija ta’ qabel is-Soppressjoni (1773) ma kienx hemm kulleġġ fi Franza, Spanja, il-Belġju u l-Olanda, li ma kellux kappella ddedikata lilu. Fl-1816 Papa Piju VII laqa’ x-xewqa tal-Kumpanija biex it-tielet Ħadd tal-Għid ikun festa tat-tieni klassi u jingħad il-Brevjar u l-Quddiesa tal-Patroċinju ta’ dan il-qaddis. Fl-1859, il-Papa Piju IX awtorizza lillĠeneral Peter Jan Beckx biex għolla ċ-ċelebrazzjoni ta’ dan il-jum għal festa ta’ “prima klassi” u beda ottava tagħha. Dan il-Papa wkoll kien iddikjara lil San Ġużepp il-Patrun Universali tal-Knisja Universali. Il-Ġeneral V. Ledochowski kiseb mingħand Papa Piju XI indulġenza speċjali għal dawk il-Ġiżwiti li jitolbu lil San Ġużepp għall-grazzja tal-perseveranza fil-vokazzjoni. Fl-1955, il-Papa Piju XII iddedika l-1 ta’ Mejju lil San Ġużepp Ħaddiem u hekk temmet il-festa tal-Patroċinju tal-qaddis fil-Knisja u fil-Kumpanija. Il-Papa Ġwanni XXIII daħħal isem il-qaddis fil-Kanoni Ruman talQuddiesa u l-Papa Franġisku, kif kienet ix-xewqa talPapa Benedittu, ordna li fit-Talbiet Ewkaristiċi l-oħra, wara li jissemma l-isem ta’ Maria, jiddaħħal l-isem ta’ San Ġużepp Meta fl-2012 kien approvat il-Kalendarju Liturġiku ġdid tal-Kumpanija ta’ Ġesù, is-Superjur Ġenerali Nicolás ried li wara 50 sena terġa’ tkun iċċelebrata l-festa ta’ San Ġużepp bħala l-Patrun tal-Kumpanija. Lil Ħbiebna - L-Ewwel Ħarġa 2019


Kelma mill-editur Iż-żewġ eRijiet

Għeżież ħbieb u benefatturi, Fil-kurrikulu tal-edukazzjoni jissemmew it-3 eRijiet li huma abbrevjazzjonijiet ta’ reading, ‘riting (writing), and ‘rithmetic (arithmetic) – il-qari, il-kitba u s-somom. F’dan ix-xahar ta’ Marzu bdew żewġ staġuni sbieħ u mportanti. Wieħed nistennewh b’ħerqa kbira, imma l-istaġun l-ieħor, inħarsu lejh b’lenti oħra, u forsi la narawh sabiħ u lanqas nistennewh jew nieħdu pjaċir bih, għalkemm hu mportanti u ta’ ġid ukoll għalina. Ha nitkellmu ftit dwar iż-żewġ erijiet jew iż-żewġ staġuni. L-ewwel “R” L-ewwel staġun jew l-ewwel “R” nistennewh bil-ħerqa għax, wara ix-xhur taxxitwa, bard u riħ, ir-Rebbiegħa tnissel ferħ u tama kbira għax ġejjin jiem sbieħ. Il-ġurnata tibda titwal u filgħaxija jkollna iktar sigħat bid-dawl naturali, u l-arja tkun friska b’żiffa ħelwa. F’daqqa waħda qisu xi ħadd xegħel iddawl u madwarna nibdew naraw bidla sabiħa li fina tnissel ferħ u tama. Iz-zkuk tas-sigar jibdew jiżżejnu bi lwien sbieħ ta’ ħdura. Ixxtieli jibdew iwarrdu u l-wiċċ tal-għelieqi jibda jiħdar bil-ħxejjex. Qisu n-natura tkellimna dwar il-kobor ta’ Alla u s-sbuħija tan-natura. Ir-rebbiegħa tfakkarna li “Alla sejħilna mid-dlam għaddawl tiegħu tal-għaġeb” (1 Pt 2:10) u nibdew jew inkomplu mixjin fit-triq tad-dawl.

It-tieni “R” Dan iwassalna biex nitkellmu dwar staġun u rebbiegħa oħra, waħda spiritwali - it-tieni “R”, jiġifieri r-Randan. Sfortunatament, minħabba s-sawm u ċaħdiet voluntarji oħra, xi persuni jħarsu lejn dan iż-żmien qaddis b’nuċċali bi ħġieġ iswed. Ir-Randan hu żmien ta’ grazzja, u ta’ check up spiritwali, jew li tagħmel il-kontijiet biex ikun hemm rebbiegħa u ħajja ġdida u aħjar. Kull Nisrani hu msejjaħ u mħeġġeg jirrifletti dwar x’tip ta’ ħajja qiegħed jgħix, jekk ħajtu tagħmilx sens, jekk huwiex fittriq li twasslu fejn jixtieq ikun fit-tmien talpellegrinaġġ hawnhekk, jekk żiedx fil-merti u f ’għemil tajjeb f ’għajnejn Alla, jekk għemilu u kliemu humiex kif jixtiequ Alla, jekk f ’ruħu hemmx għatx jew xenqa għal Alla. Ġwanni l-Battista, biex iħejji t-triq għallmiġja tal-Mulej, beda jippriedka u jgħid: ”Indmu, għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet… emmnu fl-Evanġelju.” Fil-bidu tal-ħajja pubblika tiegħu, Ġesù xandar l-istess messaġġ: “Indmu għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet.” Biex isseħħ ir-rebbiegħa spiritwali fina, jgħinna li nirriflettu u nitolbu dwar il-kliem ta’ Isaija: “Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw ilmogħdijiet tiegħu” u b’hekk “kull wied jimtela, kull muntanja u għolja titbaxxa, il-mogħdijiet mgħawġa jiddrittaw, u t-triqat imħarbta jitwittew.” (Is 40: 3-4). Jekk nagħmlu dan bis-serjetà, fl-Għid, b’ferħ kbir, inkantaw “Halleluja”, Ġesù rxoxta għall-ħajja ġdida u aħna bħalu u miegħu qomna għall-ħajja ġdida.

Il-Qaddis tax-Xahar San Ġużepp

4

Il-beatifikazzjoni ta’ Pedro Arrupe SJ

6 Ħolma sabiħa - Il-vjaġġ ta’ Michael Bugeja SJ fl-Indja

10 Għażilt it-triq ta’ qadi 12 Spiritwalita’ Injazjana 14 ’L Hawn u ’l Hemm mal-Ġiżwiti

16 Gerard Manley Hopkins SJ

18 Dar Manwel Magri Ċentru għaż-żgħażagħ mill-Ġiżwiti fl-iMsida

20 Nekroloġija - Fr Lawrence Gellel SJ Br Emmanuel Teuma SJ Fr Emidio Saliba SJ

22 Għandna profeti fiddeżert?

23 Programm t’irtiri CIS

lil

HBIEBNA

2

f’din il-harġa

Fr John Scicluna SJ | hbiebna@jesuit.org.mt

Email: hbiebna@jesuit.org.mt

Editur: Fr John Scicluna SJ Ħajr: Fr Anthony Micallef SJ, Josette Vassallo, Maria Casaletto, George Cassar, Elisa Saliba, Lilian Schembri Disinn: Alison Vella Uffiċju editorjali: ‘Lil Ħbiebna’, 78 Triq il-Markiż Scicluna Naxxar NXR 2067, MALTA Tel: (356) 21 412 606

Website: www.jesuit.org.mt

um

Rivista ta’ tagħrif u aħbarijiet dwar il-ħajja u l-ħidma tal-Kumpanija ta’ Ġesu f ’Malta u fid-dinja, u l-ispiritwalità Injazjana. Maħruġa erba’ darbiet fis-sena mill-Ġiżwiti Maltin għall-ħbieb u l-benefatturi.

ru 1 - 2019

Leħen il-Ġiżwiti Maltin

N

Ritratt tal-Qoxra: Grupp ta’ żgħażagħ ġewwa Dar Manwel Magri, ir-residenza tal-Ġiżwiti ħdejn l-Universita ta’ Malta, fejn sar ħafna xogħol ta’ ristrutturar.

Stampar: Gutenberg Press

Lil Ħbiebna m’għandhiex abbonament, imma nilqgħu bil-qalb l-offerti tagħkom. Tistgħu twasslu l-offerti tagħkom għal Lil Ħbiebna lill-uffiċju tagħna: ‘Lil Ħbiebna’, 78 Triq il-Markiż Scicluna Naxxar NXR 2067, MALTA.

3


Maqlub għall-Malti minn John Scicluna SJ

Ġiżwiti

Il-Beatifikazzjoni u l-Kanonizzazzjoni tal-Qaddej ta’ Alla Fr Pedro Arrupe Fil-5 ta’ Frar, 2019, li kien it-28 anniversarju tal-mewt ta’ Fr Pedro Arrupe (1907 - 1991), beda l-proċess tal-Investigazzjoni Djoċesana għall-Kawża tiegħu. Dan sar fil-Palazz Appostoliku tal-Lateran, Ruma. Wara li l-uffiċċjali kollha li nħatru ħadu l-ġurament, il-Kardinal Angelo De Donatis, il-Vigarju Ġenerali tad-Djoċesi ta’ Ruma, għamel diskors u qegħdin inġibu xi siltiet minnu.

Għeżież ħuti, Inġbarna hawn għal okkażjoni sabiħa għax qed nagħtu bidu għall-fażi djoċesana tal-proċess ta’ beatifikazzjoni u kanonizzazzjoni tal-Qaddej ta’ Alla Father Pedro Arrupe. Kienet il-Kumpanija ta’ Ġesù li talbet lill-Vikarjat ta’ Ruma biex tintroduċi l-Kawża dwar il-ħajja, il-virtujiet u r-reputazzjoni tal-qdusija tal-qassis Ġiżwita. Vokazzjoni Pedro Arrupe twieled f ’Bilbao (Spanja) fl-14 ta’ Novembru 1907 ġo familja ta’ tradizzjoni u prattika reliġjuża. Studja fil-Kulleġġ Scuole Pie u, matul l-adolexxenza tiegħu, kien membru talKongregazzjoni Marjana mmexxija mill-Ġiżwiti. Mill-1923 sal-1927, studja l-Mediċina f ’Madrid. Bħala membru tas-Soċjetà ta’ San Vinċenz de Paul żar il-fqar u l-morda. Din l-esperjenza, kif ukoll pellegrinaġġ għal Lourdes (Franza) fl-1926 - fejn kien xhud ta’ diversi fejqan mirakulużi – nisslu fih xewqa intensiva li jingħaqad malKumpanija ta’ Ġesù. Fil-25 ta’ Jannar, 1927 daħal novizz f ’Loyola (Spanja). Meta fl-1932 il-Ġiżwiti tkeċċew minn Spanja, Pedro Arrupe studja l-Filosofija f ’Marneffe (il-Belġju) u t-Teoloġija f ’Valkenburg (l-Olanda) bejn l-1933 u l-1936. Fit-30 ta’ Lulju, 1936, irċieva l-ordinazzjoni saċerdotali f ’Marneffe. Wara perjodu ieħor ta’ studji teoloġiċi fl-Istati Uniti u t-Tielet Sena tan-Novizzjat, hu għamel il-Professjoni Solenni fl-1943. Ħidma Talab li jmur missjunarju fil-Ġappun u wasal fil-15 ta’ Ottubru 1938. Fl-1942 inħatar Direttur tan-Novizzi. Meta fis-6 ta’ Awwissu 1945,

4

splodiet il-bomba atomika f ’Hiroshima, huwa ħoloq sptar fin-novizzjat, fejn ipprovda għajnuna lil madwar 200 persuna. L-esperjenza ta’ dan l-avveniment terribbli ħalliet marka profonda fih għal dejjem. Fl-1954 inħatar Viċi Provinċjal tal-Ġappun u fl1958 Provinċjal tal-Provinċja l-ġdida tal-Ġappun. Fl-1965 ħa sehem fil-31 Kongregazzjoni Ġenerali tal-Ġiżwiti u fit-28 ta’ Mejju ntgħażel bħala t-28 Superjur Ġenerali. Ħa sehem fl-aħħar sessjoni tatTieni Konċilju tal-Vatikan. F’Ġunju, 1967 ġie elett President tal-Unjoni tas-Superjuri Ġenerali (USG) u kien konfermat f ’din il-kariga sa l-1982. Ħames darbiet ħa sehem fis-Sinodi tal-Isqfijiet, fl-1969, 1971, 1974, 1977 u 1980. Il-Papa Pawlu VI ħatru membru tal-Kongregazzjoni għall-Istituti Reliġjużi u Sekulari, u ukoll membru tal-Kongregazzjoni għall-Evanġelizazzjoni tal-Popli. Fl-1980, minħabba l-età avvanzata tiegħu, iddeċieda li jippreżenta r-riżenja tiegħu bħala Superjuri Ġenerali lill-Kongregazzjoni Ġenerali tal-Kumpanija ta’ Ġesù. Imma l-Papa Ġwanni Pawlu II talbu biex ikompli fil-kariga tiegħu. Fis-7 ta’ Awwissu 1981, meta wasal f ’Ruma minn vjaġġ lejn l-Asja, kellu attakk ta’ trombożi ċerebrali qawwija, marda li ma ħallitux jikkomunika u jiċċaqlaq. Matul l-għaxar snin fl-infermerija talKurja Ġenerali f ’Ruma, intelaq kompletament f ’idejn Alla. Miet fil-5 ta’ Frar 1991. Fl-14 ta’ Novembru 1997 il-fdalijiet tal-Qaddej ta’ Alla kienu trasferiti u jinsabu fil-knisja tal-Ġesù, f ’Ruma. Imħabba u fedeltà lejn il-Knisja Fil-ħajja ta’ Fr Arrupe kienet tidher biċ-ċar l-ispiritwalità tiegħu u l-attitudni tiegħu lejn innies. Kien bniedem ta’ talb u ta’ familjarità ma’ Alla. Kien miftuħ għar-rieda tal-Missier, rieda Lil Ħbiebna - L-Ewwel Ħarġa 2019


www.jesuit.org.mt

li ried jissodisfa f ’kull ħaġa, bis-saħħa tal-vot tiegħu tal-perfezzjoni. Huwa baqa’ msejjes fi Kristu, li kien iħobb b’mod passjonat u, b’fiduċja kuraġġuża, ippermetta lilu nnifsu jkun iggwidat fil-vjaġġ tiegħu bl-għerf u l-libertà li jiġu millIspirtu s-Santu. Bħala Superjuri Ġenerali, ried jagħti impuls qawwi lill-iskoperta mill-ġdid tal-ispiritwalità Injazjana, u jippromwoviha u jxerridha madwar id-dinja. Imrawwem fl-Eżerċizzji Spiritwali, hu uża d-dixxerniment personali u komuni fittmexxija tal-Kumpanija ta’ Ġesù u b’fedeltà lejn il-“mod kif wieħed jipproċedi” fl-Ordni. Kien raġel veru ta’ Alla, u kellu wkoll personalità rikka fil-kwalitajiet umani li jkun jaf, jittratta, jisma’, jirrispetta, jieħu ħsieb u jgħin lill-oħrajn, u jagħti fiduċja kbira lil kullħadd. Dan wasslu biex għallem lill-istudenti ikunu “rġiel u nisa għal oħrajn”. Kien fqir fl-ispirtu u ppromwova s-servizz tal-fidi għal dawk kollha fil-bżonn ta’ Alla. Fr Arrupe kien iħobb lill-Knisja. Wara l-Konċilju tal-Vatikan, hu pprova jwettaq filprattika t-tagħlim tiegħu u jmexxi l-Kumpanija ta’ Ġesù b’entużjażmu skond il-linji gwida talVatikan II. Kien “profeta ta’ tiġdid konċiljarju”. Kellu xewqa qawwija li jħobb lill-Knisja u jobdi t-tagħlim tal-Papiet. Huwa fittex li jintegra l-aħjar valuri tat-tradizzjoni ma’ dawk meħtieġa biex il-Kristjaneżmu jiġi adattat għaż-żminijiet ġodda. Huwa ħeġġeġ lil-lajċi biex jerfgħu r-responsabiltajiet tagħhom kemm fl-iskejjel tal-Kumpanija, kif ukoll fil-“Komunitajiet talĦajja Nisranija” u fl-“Appostolat tat-Talb”. Huwa emmen fid-djalogu ekumeniku u interreliġjuż, u ppromwova r-rikonċiljazzjoni fost il-popli.

l-kontinwazzjoni tal-fama tal-qdusija tiegħu huma l-mijiet ta’ komunitajiet, djar, xogħlijiet appostoliċi u programmi madwar id-dinja kollha li jġibu ismu. Dawn jixhdu r-rikonoxximent tal-virtujiet notevoli ta’ dan in-Nisrani straordinarju. Illum qed nibdew il-fażi djoċesana tal-proċess ta’ beatifikazzjoni u kanonizazzjoni tiegħu. Nittamaw li fit-tmiem talproċess kanoniku, din il-fażi ssir mudell ta’ qdusija, approvata mill-Knisja, għall-Insara kollha.

Fama ta’ qdusija Bil-qalb missjunarja tiegħu, Fr Arrupe kellu mentalità globali u entużjażmu għallevanġelizazzjoni. Kien konvint mir-rikkezza tad-diversità kulturali u ħeġġeġ l-inkulturazzjoni tal-fidi. Fl-1980 waqqaf is-Servizz tal-Ġiżwiti mar-Rifuġjati. Il-fama tal-qdusija, li l-Qaddej ta’ Alla diġà gawda f ’ħajtu , infirxet u qed tkompli tinfirex aktar u aktar kuljum wara mewtu. Fr Arrupe għandu numru kbir ta’ devoti mhux biss f ’Ruma, fejn miet, iżda wkoll f ’pajjiżi oħra, fejn l-eżempju tiegħu baqa’ preżenti u fejn hi mifruxa l-Kumpanija ta’ Ġesù Ħafna Ġiżwiti – diġà min-novizzjat – u oħrajn isostnu ruħhom spiritwalment bil-kitbiet tiegħu. L-għoxrin ittra li waslu mid-dinja kollha u talbu li tibda l-kawza tiegħu huma xiehda ta’ din ilfama. Il-figura hi ammirata u miqjuma u ħafna jirrikorru għall-interċessjoni tiegħu. Eżempju tal-memorja tiegħu, il-wirt u Lil Ħbiebna - L-Ewwel Ħarġa 2019

JESUITS

TALBA GĦALL-KANONIŻŻAZZJONI

Talba għallKanonizzazzjoni Qed jiġu stampati numru ta’ santi b’talba għallinterċessjoni ta’ Fr Arrupe. Kull min jixtieq waħda minnhom jikkuntattja lil Fr John Scicluna SJ 7941 2606 jew jascic@gmail.com

Pedro Arrupe, S.J. Twieled Bilbao, fl-14 ta’ Novembru 1907 Daħal Ġiżwita fl-1927 Ordnat qassis it-30 ta’ Lulju 1936 Missjunarju l-Ġappun 1938 - 1965 Superjur Ġenerali tal-Kumpanija ta’ Ġesù 1965 - 1983 = Ruma, 5 ta’ Frar 1991 arrupe.jesuitgeneral.org/en

5


Miktub minn Fr. Michael Bugeja SJ

Missjoni

Ħolma sabiħa

Ma xtaqthiex tispiċċa! Meta fl-1995 dħalt Ġiżwita bdejt nisma’ u naqra dwar il-Missjoni tal-Ġiżwiti Maltin fl-Indja li beda Fr Anton DeBono fl-1925. Għalhekk bil-mod, matul issnin, kibret fija x-xewqa li xi darba mmur inżur dik il-Missjoni. Kienet ħolma u xewqa sabiħa imma qatt ma mmaġinajt li għad isseħħ. Il-Missjoni, li l-missjunarji Ġiżwiti Maltin bdew kważi mix-xejn fost it-tribù tas-Santals u li kabbru b’tant taħbit u sagrifiċċji matul 93 sena, waslet biex fit-territorju tal-Missjoni, il-Papa waqqaf tliet djoċesijiet – ta’ Dumka (1963), ta’ Raiganj (1978) u ta’ Purnea (1997). Meta l-appostolat u l-opri fil-Missjoni żdiedu, isSuperjur Ġenerali tal-Ġiżwiti, fl-1989, stabilixxa li l-Missjoni tas-Santals issir il-Provinċja ta’ DumkaRaiganj li llum fiha kważi 200 Ġiżwita (126 qassis, 63 student, 6 Brothers) kollha mimlijin bl-ispiritu missjunarju, ħeġġa u entużjażmu biex iwasslu l-Bxara t-Tajba Irqadt fejn bdiet il-Missjoni Meta l-Provinċjal tagħna tal-Provinċja Ewro Mediterranja għażilni bħala d-Delegat tiegħu f ’Malta bdejt noħlom iżjed u nixtieq immur inżur il-Missjoni tagħna, u nagħmel esperjenza diretta u personali mal-missjunarji. Bdejt inħoss li għalija din iż-żjara u l-laqgħa ma’ xi ftit mill-missjunarji se jkunu ta’ privileġġ. Kont naf li fid-disat ijiem tiegħi fil-Missjoni ma kienx possibli li nara kollox għax it-territorju talMissjoni u tal-Provinċja hu vast ħafna u jinfirex fuq kwazi 40,000 kilometru kwadru – jigifieri 123 darba d-daqs ta’ Malta u Għawdex. Il-125 parroċċa huma mifruxa f ’dan it-territorju kbir. Sakemm mort l-Indja u kelli esperjenza qawwija ħafna qatt ma stajt nifhem il-ħidma pastorali, edukattiva u soċjali li saret u qiegħda ssir. Qabel tlaqt, Fr John Scicluna, li għadda 36 sena l-Indja u kien is-Superjur Regjonali talMissjoni u li għadha għażiża ħafna għalih u għal

6

sħabu l-missjunarji li ġew lura Malta, ħejjieli ħafna materjal dwar l-istorja tal-Missjoni biex naqrahom matul it-titjira twila sa Delhi, il-belt kapitali talIndja. Wasalt Delhi u ħadt ajruplan ieħor għal Bagdogra, l-ajruport qrib il-Missjoni. Hemm sibt lil Fr Joe Gauci Sacco li flimkien max-xufier ġew jilqgħuni. Fr Joe qalli ma’ xiex hu u x-xufier iltaqgħu meta kienu ġejjin għalija u li ma waqfux biex jieklu. Għalhekk meta ħriġna waqafna biex nieklu. Kelli l-ewwel togħma ta’ ikel Indjan. Fr Joe kien il-gwida tiegħi matul il-jiem tiegħi fil-missjoni. Minn Bagdogra, l-ewwel waqfa kienet fir-raħal ta’ Majlipsur fejn Fr DeBono beda l-Missjoni. Malwasla ħassejt ħafna ferħ u kurżità ħa nara kif kiber il-post mill-għarix li kellu Fr DeBono. Għaddejt l-ewwel lejl fil-Missjoni hawnhekk. L-għada filgħodu kmieni ħadt sehem fil-Quddiesa bis-Santali fil-knisja parrokkjali li nbniet fi żmien Fr DeBono. Il-knisja kienet ippakkjata bit-tfal, taż-żewġ hostels. Il-kant bl-istil tagħhom melieni bil-paċi u l-ferħ. F’Majlispur hemm St Ignatius’ College b’1,650 student mill-Primarja sas-Sixth Form. Hemm hostel b’506 tifel u ieħor b’302 tifla. Is-Sorijiet għandhom kunvent u dispenserija. Rajt xi bini kbir xi ftit bi stil Malti. Wara l-Quddiesa tlaqna lejn Nichitpur, l-iStazzjon Missjunarju li waqqaf Fr Anton Scerri meta kien kappillan ta’ Majlispur. Laqgħuni u offrewli l-kolazzjon. Kelli nibda nidra t-togħma tal-kari għax kont ser insibu fil-kolazzjon, f ’nofsinhar u filgħaxija. Ħejjewli ħafna ikel differenti b’turija tal-ospitalità kbira tagħhom. Rajt il-knisja sabiħa u l-iskola kbira li hemm. Lil Ħbiebna - L-Ewwel Ħarġa 2019


www.jesuit.org.mt

Il-Grupp ta’ 300 delegati żgħażagħ

Tfal fil-hostel mmexxi mill-Ġiżwiti f’Dinjajpur

Imbagħad morna Baghmara. Il-Fathers, l-għalliema u t-tfal ta’ St Xavier’s School, fejn it-tagħlim isir bl-Ingliz, laqgħuni bid-daqq tattnabar u istrumenti muzikali. L-Isqof Ġiżwita, Angelus Kujur ta’ Purnea, kien hemm ukoll biex jilqagħni u baqa’ magħna għall-ikel. F’dan il-post hemm ukoll Ċentru ta’ Spiritwalità u kunvent tas-Sorijiet. Minn sebgħa għall-eluf Fit-tielet jum wasalt fil-parroċċa ta’ Mariampahar li beda Fr Joe Borg meta beda jgħix f ’għarix f ’raħal fil-qrib. Imbagħad akkwista biċċa art ġmielha b’għolja fin-nofs mingħand il-gvern u fuqha nbniet il-knisja, id-dar tal-kappillan u l-kunvent tas-Sorijiet. Il-Fathers imexxu l-iskola primarja b’iktar minn 600 student. Is-Sorijiet għandhom kulleġġ għall-bniet b’iktar minn 1,500 tifla, hostel u sptar. Il-knisja nbniet fl-1980 biex tfakkar il-50 anniversarju tal-wasla minn Majlispur ta’ Pijunier ieħor, Fr Benjamin Cauchi, fis-Santal

Lil Ħbiebna - L-Ewwel Ħarġa 2019

Parganas. Kont emozzjonat ħafna meta dħalt filknisja li bena Brother Paul Spiteri. Kien bniedem ta’ ħafna talenti u waqqaf workshop biex is-Santals jitgħallmu xi snajja’ u jsibu x-xogħol. F’Malta wkoll għamel ħafna xogħol f ’Dar Loyola, inNaxxar. Impressjonatni ħafna l-imħabba li n-nies għandhom għall-Maltin. Huma għandhom memorji sbieħ ta’ Fr Borg li miet ftit ilu. Inġbarna fil-knisja biex nitolbu quddiem ritratt ta’ Fr Joe, li hemm imdendel fis-sagristija, u għal Br Paul. L-għada filgħodu, fi triqitna lejn Sahibganj, kont ħerqan ħafna biex hemmhekk niltaqa’ ma’ Fr Emidio Saliba, wieħed mit-tliet Maltin li kien baqa’ l-Indja. F’din il-belt hemm parroċċa u St Xavier’s College qrib ix-xmara Ganges. Fil-komunità kien hemm Fr Midju li kien qed iġorr b’ħafna serenità l- marda tiegħu. Il-komunità ħadet ħsiebu ħafna. Ħadt pjaċir ħafna li ltqajt miegħu u għaddejt żmien twil nitkellem miegħu. Minn dak iż-żmien ’l hawn Fr Emidio miet, f ’dax-xahar ta’ Marzu. Kien Fr Ġużeppi Portelli, is-Superjur Reġjonali,

77


Storja

www.jesuit.org.mt

li ħaseb jiftaħ St Xavier’s College fl-1957 u qabbad lill-Iskolastiċi Roland Ghirlando u John Scicluna. Beda b’7 studenti u llum hemm eluf. L-ewwel Principal kien Fr Ghirlando u warajh Fr Scicluna. Principals Maltin oħra kienu Fr Emanuel Stellini, Fr Ninu Gatt u Fr Steno DeRaffaele. Tassew immeraviljajt ruħi għax matul il-ġurnata l-bini jintuża minn żewġ kulleġġi. Minn filgħodu kmieni jkun hemm 600 tifel u 455 tifla millPrimarja sal-Matrikola fejn it-tagħlim isir bilHindi. Wara jidħlu l-istudenti mill-Primarja sasSixth Form li jitgħallmu bl-Ingliz. B’kollox hemm 1,795 tifel u 1,075 tifla u xi wħud minnhom joqogħdu fi tliet Hostels - wieħed għall-bniet u tnejn għas-subien li jistudjaw fiż-żewġ Kulleġġi. Hemm kunvent tas-Sorijiet li jgħallmu filKulleġġ u waħda tmexxi d-Dispenserija li fetaħ il-Kulleġġ għan-nies tal-post. Opri oħra Fi triqitna għaddejna minn Kodma fejn ilĠiżwiti fl-1985 waqqfu Tribal Welfare Centre. Wasalna fil-parroċċa ta’ Tinpahar, waħda mill-ewwel erba’ parroċċi li twaqqfu fis-Santal Parganas. Minn din il-parroċċa ħarġu diversi parroċċi. F’dan il-post hemm diversi opri. Meta Fr Ġużeppi Portelli, wieħed mill-Pijunieri, kien kappillan beda skola Primarja. Illum hemm isSixth Form b’595 subien u 387 bniet. Fil-Kulleġġ ta’ St John’s, mill-Primarja sal-Matrikola, hemm 1,224 tifel u 583 tifla. Hemm Hostel kbir għassubien u ieħor għall-bniet. Ħames snin ilu fethu St Xavier’s School fejn it-tagħlim isir bl-Ingliż. Rajt ukoll l-Iskola Appostolika għas-subien li wrew xewqa li jsiru qassisin u d-Dar għallKandidati qabel jidħlu fin-novizzjat. Aħna u għaddejin waqafna ftit fir-raħal ta’ Bhognadih fejn sentejn ilu Fr Chacko waqqaf l-Aruppe Tribal Cultural Centre u Stazzjon Missjunarju. Għaddejna qrib ir-raħal ta’ Satia fejn hemm komunità tal-Ġiżwiti u skola Primarja għattfal tat-tribù tal-Paharias, nies li jgħixu kwazi weħidhom fuq il-għoljiet. Kien Fr Portelli li beda jagħmel kuntatt ma’ dan it-tribù. Wasalna Torai fejn hemm residenza talĠiżwiti u fejn fl-1976 il-Ġiżwiti fetħu ċ-Ċentru Interdjoċesan Pastorali u Kateketiku. Il-kumpless inbena minn Fr Larry Caruana u għal bosta snin id-Direttur kien Fr Paul Aquilina. Hawnhekk jitħarrgu l-katekisti minn diversi djoċesijiet.

8

Ftit ilu bnew “Sala Portelli” f ’unur wieħed millPijunieri. Ftit qabel wasalna Dumka għaddejna mir-raħal ta’ Ġuhiajori fejn fil-bidu tal-erbgħinijiet il-Ġiżwiti fetħu l-ewwel kulleġġ u fl-1980 għaddewh f ’idejn id-Djoċesi. Hawnhekk, meta fetħu Uffiċċju talPosta, Br Joe Spiteri kien il-Postmaster. Ftit wara Br Joe A. Vella waqqaf Dispenserija. Fil-karozza Fr Joe kien jirrakkontali l-istorja ta’ kull post u liema Ġiżwita Malti ħadem hemm u d-diffikultajiet li kellhom biex jakkwistaw l-art ħalli l-Missjoni tiżviluppa. Qsamna wkoll il-ħsibijiet u x-xewqat tagħna. Nirringrazzjah ħafna għallpaċenżja u l-interess tiegħu. L-edukazzjoni għodda kbira Filgħaxija wasalt Dumka, il-kapitali tad-distrett tas-Santal Parganas, fejn hemm il-katidral u d-dar tal-Isqof u r-Residenza ta’ Jisu Jaher, fejn joqgħod il-Provinċjal u miegħu hemm Fr Paul Aquilina u Fr Joe Gauci Sacco. Hadt pjaċir ħafna nitkellem ma’ Fr Aquilina li fissirli u għenni napprezza kif Alla jaħdem fil-ħajja ta’ oħrajn u permezz ta’ oħrajn. Kif kont hemm tlabt fuq l-oqbra fejn hemm midfuna diversi missjunarji Maltin u ftit Indjani. Waqt Quddiesa mal-komunità ftakart, irringrazzjajt ’l Alla u tlabt għal dak kollu li wettqu l-missjunarji Ġiżwiti. Rajt id-dar fejn hemm il-kandidati u raddejt ħajr li l-Mulej għadu jsejjaħ żgħażagħ biex isiru saċerdoti Ġiżwiti. F’Dumka, minbarra d-dar tan-novizzjat, ilĠiżwiti għandhom St Xavier’s University College li fetaħ tmien snin ilu u għadu jikber. Hemm hostel għall-istudenti bniet li nbena mill-Mission Fund u jitmexxa mis-Sorijiet. Qrib hemm Collegiate College biex iħejji l-istudenti li wara jistudjaw fil-Kulleġġ Universitarju. Fil-qalba tal-belt hemm parroċċa, Human Resources Development Centre u żewġ skejjel tas-Sorijiet. Minn Dumka tlaqt għall-Kalidinga fejn ilĠiżwiti għandhom Alternative Health Care Clinic fejn issir fizjoterapija u juzaw mezzi naturali speċjalment għall-uġigħ tal-għadam u mard ieħor. L-aħħar post li żort kienet il-parroċċa ta’ Cilimpur li kien waqqaf Fr DeBono u fejn Fr Gauci Sacco kien kappillan għal sittax-il sena. B’niket f ’qalbi wasal il-mument fejn kelli nitlaq lejn Kalkutta u nirritorna lejn Malta. F’Kalkutta wkoll smajt ħafna dwar żewġ missjunarji Maltin: Fr George Camilleri, li għal Lil Ħbiebna - L-Ewwel Ħarġa 2019


www.jesuit.org.mt

Is-Sixth Form College f’Tinpahar

diversi snin kien inkarigat mill-Infirmerija fil-Kulleġġ għall-Fathers u Brothers Ġiżwiti. Semmewli wkoll lil Fr Robbie Wirth li ħadem ħafna fl-Indja kollha maż-żgħażagħ permezz tal-Leaders Training Service li ken waqqaf Ġiżwita Malti. Kif kont Kalkutta ħadt l-opportunità u qaddist ħdejn il-qabar ta’ Santa Madre Teresa u għal darba oħra rringrazzjajt ’l Alla għall-ħidma mill-ikbar li twettqet f ’dak il-pajjiż sabiħ. Impressjonijiet u tifkiriet Din iż-żjara tiegħi fil-Missjoni tagħna ma nistax ninsieha u għamlitli ġid spiritwali. Ħassejtni kburi li jien Malti għax rajt x’għamlu ħuti l-Ġiżwiti bl-għajnuna ta’ Alla u bil-ġenerożità tal-Maltin u l-Għawdxin. Kont u għadni mmeraviljat b’dak kollu li ħuti l-Ġiżwiti Maltin u issa Indjani wettqu. Jibdew Stazzjon Missjunarju, jgħixu f ’għarix, jibdew skola, iżuru l-irħula fejn iqaddsu u jamministraw is-sagramenti, jibnu l-knisja, id-dar tal-kappillan, hostels, jiġu s-Sorijiet, u tinfetaħ dispenserija u mbagħad titwaqqaf parroċċa. Maż-żmien joħorġu parroċċi oħra. Tassew li l-Fathers, il-Brothers, is-Sorijiet u l-katekisti ħadmu u stinkaw, imma, kif qal San Pawl, kien “Alla, li kabbar” [1Kor:3:7]. It-tliet djoċesijiet huma knejjes żgħażagħ. L-Insara, għalkemm huma nieqsa minn ħajja sagramentali, huma nies ta’ fidi u fiċ-ċirkustanzi tagħhom jgħixu bis-sħiħ il-ħajja Nisranija u huma ħmira fost il-miljuni li għadhom ma semgħux jew għarfu lil Kristu.

Lil Ħbiebna - L-Ewwel Ħarġa 2019

Fil-bidu l-missjunarji tħabtu ħafna biex ifiehmu u jikkonvinċu n-nies ħalli jibagħtu ’l uliedhom l-iskola. Illum il-folja nqalbet għax apprezzaw il-bżonn tal-edukazzjoni, li hi waħda mill-aqwa għodda kontra l-faqar. Ħlief il-kulleġġi f ’erba’ bliet, ilkulleġġi l-oħra huma kollha fl-irħula. Il-ħafna kulleġġi u skejjel huma xhieda tal-impenn qawwi tal-Ġiżwiti fil-qasam edukattiv. Mijiet ta’ studenti saru professjonisti u oħrajn sabu mpjiegi tajba. Kongregazzjoni tasSorijiet fetħu kulleġġ biex jitħarrġu l-għalliema. Matul iż-żjara kollha esperjenzajt ospitalità kbira u merħba qawwija mill-qalb li ħallew impressjoni kbira fuqi. Kulfejn mort kont inħoss li dakinhar l-iktar ħaġa importanti għalihom kienet li wasal xiħadd mill-bogħod biex jarahom u kien fosthom u jifirħu b’xulxin. Monument kbir u ħaj Tifkira sabiħa li baqgħet miegħi hi li kullimkien b’xi mod jew ieħor urew l-gratitudni kbira tagħhom għall-missjunarji Maltin li wasslulhom id-dawl talFidi Nisranija u bnew Missjoni hekk kbira u sabiħa. F’kull kulleġġ jew skola ħejjew assemblea biex jilqgħuni b’girlandi ta’ ward, diskorsi, kant, daqq ta’ strumenti u żfin Santali. Skont id-drawwa Indjana kienu jpoġġuli girlanda tal-ward madwar għonqi. Isiru diskorsi ta’ merħba u t-tfal ikantaw jew idoqqu xi strumenti biex jagħtuni merħba. Kienu jistennew li nkellimhom u nagħtihom xi messaġġ. Meta kellimthom bl-Ingliz Fr Joe kien jgħidhulhom bil-Hindi, l-ilsien nazzjonali, jew bisSantali, l-ilsien tat-tribù tas-Santals. F’kull post li waqafna dejjem offrewlna xi ħaġa x’nieklu jew nixorbu. Imma jkolli nistqarr li l-ħwawar Indjani xxommhom kullimkien u ttegħemhom f ’kollox. L-ikel li offrewlna kien dejjem mill-aħjar li setgħu jagħtuna. Ġejt lura Malta b’apprezzament kbir f ’qalbi għal dak kollu li l-missjunarji Maltin wettqu blgħajnuna tal-Maltin u l-Għawdxin għax rajtu u ħassejtu. Il-Missjoni tagħna fl-Indja tibqa’ l-aqwa u l-isbaħ monument ħaj li bniet dik li kienet il-Provinċja talĠiżwiti Maltin. Grazzi Mulej u Marija.

9


Miktub minn Michael Debono, SJ

Esperjenza

Għażilt it-triq ta’ qadi Kollox beda bosta snin ilu meta waqt irtir ħassejt bħal sejħa u xewqa kbira fija li nkun kumpann ta’ Ġesù biex ngħinu jieħu ħsieb talmerħla tiegħU, “għax kienu qishom nagħaġ bla ragħaj” (Mk 6:34). Issa, li għadni kemm ġejt ordnat Djaknu fi ħdan il- Kumpanija ta’ Ġesu, naħseb li huwa mument f ’waqtu li naħseb ftit fuq issnin li għaddew fil-mixja vokazzjonali tiegħi u l-għadd ta’ grazzji li rċevejt f ’dawn is-snin.

X’rajt fil-Kumpanija ta’ Ġesù X’kienet tfisser eżatt dik is-sejħa ġiet iċċarata maż-żmien permezz tat-talb, tal-gwida taddiretturi spiritwali, kif ukoll permezz talesperjenzi fil-ħajja ta’ kuljum. Madanakollu, diġà fil-bidu, kont iddeċidejt nagħmel pass biex nimxi warajH...pass li stajt nagħmlu biss b’fidi, wara li ħassejt lil Alla jgħidli fit-talb, “La tibżax; jien inkun miegħek”. Fil-kuntatti u l-esperjenzi mal-Ġiżwiti, innutajt kariżmi li jolqtuni u li nemmen ħafna fihom: spiritwalità aċċessibbli għal kulħadd, attenzjoni għall-foqra f ’Malta u barra, edukazzjoni ħolistika u kollaborazzjoni kbira mal-lajċi. Aktar minn hekk, però, kien il-fatt li kont inħossni “at home” mal-Ġiżwiti li urieni li posti hu f ’din il-Kumpanija. Għalhekk, wara xi snin ta’ dixxerniment, f ’Ottubru 2010, bdejt in-novizzjat f ’Ġenova. Hemmhekk, sirt naf aħjar xi jfisser li tgħix u tikkollabora ma’ oħrajn. Skoprejt ukoll it-teżor tal-Eżerċizzi Spiritwali fix-xahar irtir, is-sbuħija tal-liturġija tas-sigħat u tax-xogħol manwali, u ħafna affarijiet oħra. Wara sentejn fin-novizzjat, imbagħad, studjajt il-filosofija għal sentejn, ħdimt għal sentejn fil-Kulleġġ San Alwiġi, u issa qiegħed nispiċċa t-tielet sena ta’ studji teoloġiċi f ’Madrid. Kienu snin ta’ formazzjoni umana, intellettwali u spiritwali fejn, bil-grazzja t’Alla, tgħallimt ħafna ħwejjeġ li wassluni fejn ninsab illum. Tgħallimt nagħraf il-kwalitajiet tajbin tiegħi, sabiex inħaddimhom għall-ġid tal-Poplu ta’ Alla, u tgħallimt naċċetta wkoll il-karattru tiegħi billimitazzjonijiet tiegħu. Ukoll, fost affarijiet oħra, tgħallimt l-importanza tal-istudju biex inwieġeb għall-mistoqsijiet tan-nies, kbirt fil-konvinzjoni tal-importanza tal-kuntatt mal-foqra u tal-

10

importanza li jkolli kumpanji ta’ fiduċja. Fuq kollox, imma, tgħallimt l-importanza li ma nħallix li l-fjamma tal-imħabba tiegħi għal Alla tintefa: jekk il-ħin tat-talb jiġi nieqes, għaraft li kollox imur lura. Dawn is-snin ta’ formazzjoni wassluni sabiex ftit xhur ilu, minkejja li naf li għad fadalli x’naqdef biex inkun Ġiżwita skont ir-rieda t’Alla, ħassejtni ippreparat li nitlob formalment lis-superjuri tiegħi biex nirċievi l-Ordni Sagri tad-Djakonat u talPresbiterat. B’ferħ kbir, dan id-don ġie mogħti lili d-9 ta’ Frar li għadda. Xi jfisser inkun Djaknu L-ewwelnett, inħoss li sejħa tfisser li wieħed għandu jservi b’iktar serjetà lil Kristu u lill-Knisja tiegħu. Il-kelma ‘djaknu,’ filfatt, tfisser ‘qaddej’ bil-Grieg. Bħal Ġesù, li ma ġiex biex ikun moqdi iżda biex jaqdi (Mk 10:45), jien imsejjaħ biex issa, iktar minn qabel, naqdi b’umiltà lil Kristu f ’ħuti, speċjalment dawk li l-iktar għandhom bżonn. Il-Papa Franġisku, f ’quddiesa fil-ġublew taddjakni (ara https://saltandlighttv.org/blogfeed/ getpost.php?id=70278), kien qal li d-djaknu għandu jagħraf li ħinu mhuwiex tiegħu iżda huwa rigal minn Alla li, fl-ispirtu tal-aħħar ġimgħa talEżerċizzi Spiritwali, għandu joffrih lura lill-Mulej (ara l-Eżerċizzi, n. 234). Id-djakonat ifisser ukoll il-qadi tal-Kelma ta’ Alla, filfatt, id-djaknu huwa mistieden jaqra l-Evanġelju fil-Quddiesa u, jekk jitolbu s-saċerdot, jista’ jippriedka. Dan ifisser li issa jien għandi nitlob aktar bil-Kelma ta’ Alla sabiex inkun nista’ nixtarr x’qed jgħidilna Alla llum permezz ta’ din il-Kelma ħajja. Għalkemm bħala djaknu nista’ ngħin f ’xi Lil Ħbiebna - L-Ewwel Ħarġa 2019


www.jesuit.org.mt

Grazzja u grazzi

Michael Debono SJ waqt l-ordinazjoni djakonali, u fuq in-naha tal-lemin jidher mal-ġenituri tiegħu

ministerji billi, per eżempju, inbierek iż-żwiġijiet, ngħammed, niċċelebra funerali, inbierek affarijiet oħra eċċ, ikolli nammetti li ħerqan ħafna li bħala saċerdot/presbiteru, imbagħad, inkun nista’ nqarreb aħjar lin-nies lejn Alla fis-sagrament tarrikonċiljazzjoni u, f ’ċertu sens, inqarreb lil Alla lejn in-nies permezz tal-Ewkaristija. Minn meta bdejt il-mixja vokazzjonali tiegħi, dejjem xtaqt li nkun strument f ’idejn Alla biex, permezz tiegħi, in-nies jiltaqgħu ma’ Alla u jidħlu f ’relazzjoni ta’ mħabba miegħU. Fl-ewwel ittra lill-Korintin, San Pawl isemmi kif il-ministri ta’ Kristu huma amministraturi tal-misteri ta’ Alla. Ikolli nammetti li l-ħsieb li, bħala djaknu, u mbagħad bħala saċerdot, inkun ministru ta’ Kristu u amministratur ta’ kif Alla jwettaq il-pjan tassalvazzjoni tiegħU, tħallini ftit bla kliem. Kif nista’ jien, bid-difetti u l-inkapaċitajiet tiegħi, nagħmel dan? Jekk naħdem waħdi u mingħajr it-talb, żgur li mhux ser inkun kapaċi imma ċert li, bħalma Alla akkumpanja lil ħafna nies u qaddisin qabli, u bħalma kien wegħedni meta ħassejt is-sejħa, hekk ukoll ħa jakkumpanja lili u lil sħabi.

Lil Ħbiebna - L-Ewwel Ħarġa 2019

Fil-jiem tal-ordinazzjoni, bqajt skantat kemm qraba u ħbieb urew l-appoġġ tagħhom, bil-kliem u bit-talb, għal dan il-ministeru li Alla qed jafdani bih. Dan ferraħni ħafna u fetaħli għajnejja biex nirrealizza kemm in-nies għad għandhom għal qalbhom il-Knisja. Ċert li anki t-talb tagħhom għalija ser ikun fundamentali biex nibqa’ fidil f ’dan il-ministeru u biex nfittex li nitqaddes jien u ngħin oħrajn jitqaddsu permezz tiegħU. Fl-aħħar, iżda mhux inqas importanti, li nirċievi d-djakonat kien ifisser għalija grazzja kbira. Iddjakonat, filfatt, ma ġiex mingħandi stess iżda ġie mogħti lili, u lid-disa’ kumpanni tiegħi li ġew ordnati miegħi, mill-Kumpanija u mill-isqof ta’ Madrid, li hu wieħed mis-suċċessuri tal-appostli. Huwa ministeru li s-superjuri tiegħi raw li stajt nirċievi, mhux minħabba l-merti tiegħi biss, iżda speċjalment grazzi għall-ħidma ta’ Alla fija f ’dawn it-tmien snin u nofs ta’ formazzjoni. Nirringrazzja ħafna lil Alla tad-don taddjakonat u ta’ dak kollu li għamel miegħi biex wasalt s’hawn. Fis-Salm Responsorjali (Salm 107) li nqara fil-quddiesa li iċċelebrajna l-għada talordinazzjoni (fil-festa għażiża tan-Nawfraġju ta’ San Pawl), hemm miktub “insebbaħ lill-Mulej għal tjubitu, għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.” Jien ukoll ninqgħaqad mas-salmista u, allura, nixtieq insebbaħ lill-Mulej tiegħi bil-kbir. Nagħlaq dan l-artiklu billi nistieden lil kull min qed jaqrah biex jitlob ħalli l-Mulej ikompli jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħU, u biex iħares lill-Knisja tiegħu, speċjalment f ’dawn iż-żminijiet ta’ sfidi interni u esterni. Ninkuraġixxi wkoll li kulħadd isaqsi lil Alla xi jrid minnu f ’ħajtu u li jekk iħoss xi sejħa li jagħmillu, ta’ kwalunkwe tip, ma jibżax jgħid “iva!” Ċert li Hu, bħalma qed jagħmel miegħi, mhux ser jitlaq lil kull min jagħmel pass biex jaqdiH b’konvinzjoni!

11


Spiritwalità

Miktub minn Maria Theresa Portelli

Spiritwalità Injazjana

Minn kemm ili midħla tal-Ispiritwalità Injazjana kibret fija x-xewqa li xi darba nżur il-postijiet ta’ Sant’Injazju fi Spanja u nagħmel l-istess vjaġġ li għamel hu. Din ix-xewqa saret realtà s-sena li għaddiet meta ngħaqadna grupp ta’ pellegrini minn Malta u bdejna l-vjaġġ lejn Spanja fuq il-passi ta’ Sant’Injazju – minn Loyola għal Manresa. Li nsir istrument

Fuq il-Passi ta’ Injazju ... Minn Loyola għal Manresa (1) Għal darb’oħra, il-kollaboratriċi tagħna tirrakkontalna l-esperjenza sabiħa tagħha li għamlet fi Spanja matul pellegrinaġġ minn Loyola sa Manresa fuq il-passi ta’ Sant’Injazju.

12

Wara l-konverżjoni tiegħu, Injazju għamel dan il-pellegrinaġġ bil-mixi minn Loyola għal Manresa. Fl-Awtobijografija tiegħu, kien irrefera għalih innifsu bħala ‘il-pellegrin’ għax b’hekk kien jibqa’ jżomm f ’moħħu li aħna, fil-vjaġġ tagħna fuq din l-art, għandna għan qaddis – dak li ħajjitna kollha ngħixu fl-imħabba u l-grazzja ta’ Alla. Il-pellegrinaġġ ta’ ħajjet Injazju għenu jagħraf il-pjan ta’ Alla għalih b’mod aktar profond u ċar, u l-pellegrinaġġ li għamilt jien l-istess ħaġa għamel lili. Pellegrinaġġ bħal dan, ma jitkejjilx bid-distanza li għamilna biex qsamna min-naħa l-Baska ta’ Spanja għal Katalunja, imma jitkejjel b’kemm għeni biex nidħol daħla fija nnifsi u biex nagħmel kuntatt aktar dirett ma’ Alla. Dan kien possibbli permezz talkonverzazzjonijiet li kelli mall-pellegrini l-oħra li kienu miegħi, bil-meditazzjonijiet li għamilt fil-postijiet li żorna u s-sinifikat li dawn il-postijiet għandhom għallħajja tiegħi tal-lum. Smajt bosta drabi dwar dawn il-postijiet imma issa li żorthom ħadu sinifikat ġdid u differenti għalija li dwaru se ngħidilkom aktar... Fil-bidu ta’ dan il-pellegrinaġġ, tlabt li tul il-vjaġġ ikolli inkontru aktar mill-qrib ma’ Alla kif ukoll ma’ Sant’Injazju nnifsu billi nsir nafu aktar. Tlabt li dan ikun vjaġġ interjuri li jwassalni għal aktar libertà, vjaġġ ta’ maħfra lejja nnifsi u lejn l-oħrajn. B’mod partikolari, tlabt il-grazzja tat-Tieni Ġimgħa talEżerċizzi Spiritwali – li nsir naf intimament lill-Mulej biex aktar inħobbu u nimxi warajh. X’talab Injazju Bdejna minn Loyola – il-post fejn fl-1491 twieled San Injazju. Il-palazz li fih twieled Injazju għadu hemm sal-lum u stajna nidħlu fih u nduru kull rokna tiegħu, fosthom naraw il-post eżatt fejn jingħad li twieled. Wara l-battalja li kellu f ’Pamplona fl-1521 u l-inċident li sofra hemmhekk, Injazju kien inġieb lura lejn Loyola biex jgħaddi l-perjodu ta’ konvalaxxenza li kellu bżonn Lil Ħbiebna - L-Ewwel Ħarġa 2019


wara li balla ta’ kanun ferietu f ’siequ. Pamplona kellna x-xorti li nżuruha wkoll f ’ġurnata minnhom tul il-pellegrinġġ u morna eżattament fuq il-post fejn jingħad li kien ferut. Kien fil-perjodu ta’ konvalaxxenza li Injazju beda t-triq tal-konverżjoni permezz ta’ żewġ kotba reliġjużi li għaddewlu biex jaqra. Beda jistaqsi lilu nnifsu l-mistoqsijiet: Kif se naqdi lil Alla? Alla kif qed ikellimni?, u hawnhekk beda d-dixxerniment li wasslu biex jikkonverti. Dawn huma l-istess mistoqsijiet li staqsejt lili wkoll fil-bidu ta’ dan il-pellegrinaġġ. Il-post fejn Sant’Injazju għadda l-konvalaxxenza u kellu l-konverżjoni tiegħu, illum hu mibdul f ’Kappella sabiħa li ddaħħlek fl-ispirtu ta’ dak li Injazju għadda minnu. Hawnhekk f ’din il-Kappella ċċelebrajna l-Quddiesa, ilkoll miġbura flimkien fit-talb. Għalija din kienet okkażjoni biex nitlob lil Alla għall-konverżjoni tiegħi – għal bidla fil-qalb u fl-attitudnijiet tiegħi, bidla li twassalni għal aktar libertà biex insegwi lil Alla aktar mill-qrib u biex inkompli ngħaddih lill-oħrajn. Ispirata minn Injazju, lil Alla staqsejtu: Mulej, kif tridni nkompli naqdik? U din il-mistoqsija weġibha tul dan ilpellegrinaġġ. Wara Loyola, żorna Arantzazu – post ieħor finnaħa l-Baska ta’ Spanja. Wara l-konverżjoni tiegħu, Injazju rħielha għal dan is-Santwarju tal-Madonna ta’ Arantzazu fejn talab għall-qawwa biex jegħleb it-tentazzjonijiet. Hemmhekk inxteħet għarkobbtejh u fil-preżenza tal-Verġni Marija għamel il-vot talkastità u talab ’l Alla biex jagħtih il-qawwa li għandu bżonn għal dak kollu li kien se jgħaddi minnu. Hawnhekk iltqajna ma’ Injazju f ’punt ta’ ħafna umiltà. Quddiem il-Madonna ta’ Arantzazu jien ukoll tlabt biex il-Mulej jagħtini l-qawwa li għandi bżonn biex inkompli ngħix u nwettaq is-sejħat tiegħu u biex inkompli nagħmel ir-rieda tiegħu b’ħafna libertà interjuri. Il-vjaġġ kompla billi kien imiss imbagħad li nżuru Javier – il-post fejn twieled San Franġisk Saverju li hu wieħed mill-ewwel kumpanni ta’ Injazju. San Franġisk Saverju kien iltaqa’ ma’ Injazju fl-Università ta’ Pariġi meta t-tnejn li huma kienu studenti. Kien hemmhekk f ’Pariġi meta, flimkien ma’ Pietru Favre u oħrajn, bdiet dik li ’l quddiem bdiet tissejjaħ ilKumpanija ta’ Ġesù. Wara t-twaqqif tal-Kumpanija, Injazju kien bagħat lil San Franġisk Saverju f ’missjoni lejn il-Lvant Imbiegħed. Hemmhekk għammed eluf ta’ nies u kkonvertihom għall- fidi nisranija – ħidma missjunarja kbira. Qsim tal-esperjenzi F’Javier żorna l-Kastell fejn kien jgħix Franġisk Saverju - kastell rikk ħafna - u rajna l-post fejn Lil Ħbiebna - L-Ewwel Ħarġa 2019

twieled li llum jinsab ġewwa Bażilika li nbniet aktar tard. F’din l-istess Bażilika ċċelebrajna l-Quddiesa, li matulha jien u nimmedita quddiem l-istatwa ta’ San Franġisk Saverju, smajt ħafna lill-Mulej jgħidli biex inkun il-kumpann tiegħu u biex nimxi miegħu tul il-vjaġġ kollu tal-ħajja tiegħi. Inħossni li ma nistax ma nkunx ġeneruża għal din is-sejħa tal-Mulej u li niftaħ qalbi għalih u nwieġeb għaliha. Ivvjaġġajna minn post għall-ieħor bil-coach u l-mumenti ta’ skiet li kellna aħna u nivvjaġġaw kienu jgħinuni biex nidħol aktar fija nnifsi, ninġabar u nikkomunika ma’ Alla. Il-pranzu u ċ-ċena mbagħad kienu jkunu opportunità għalina biex nistrieħu ftit, nitkellmu flimkien u naqsmu l-esperjenzi tagħna ma’ xulxin. Qabel l-ikla ta’ filgħaxija konna nagħmlu l-Examen – mument li fih inħarsu lura lejn l-esperjenzi li kellna matul il-ġurnata u l-postijiet li żorna u kif il-Mulej kellimna permezz ta’ dawn il-postijiet u permezz ta’ xulxin. Ix-sharing li konna nagħmlu flimkien waqt il-ħin tal-Examen kien għalija sors li permezz tiegħu stajt nirrifletti aktar fil-fond fuq l-esperjenzi tiegħi stess u nisma’ kif il-Mulej ikun qed jaħdem fil-pellegrini l-oħrajn. L-itwal vjaġġ li kellna kien meta ġejna biex naqsmu min-naħa l-Baska ta’ Spanja u ngħaddu għal Katalunja. Għaddejna minn inħawi aridi ħafna li huma muntanjużi, tista’ tgħid kważi deżert. Hawnhekk stajt nimmedita fuq id-deżert tal-ħajja tiegħi – il-mumenti fejn lil Alla nħossu silenzjuż, imma xorta waħda attiv fil-ħajja tiegħi. Żammejt f ’qalbi s-sejħa li kien qed jagħmilli l-Mulej biex inkun il-kumpann tiegħu, anki fil-mumenti meta jien inħossu silenzjuż. Dwar il-kumplament tal-vjaġġ u l-esperjenzi spiritwali tiegħu, li jilħqu l-qofol tagħhom f ’Katalunja, inkompli ngħidilkom fil-ħarġa li jmiss...

Spiritwalità

www.jesuit.org.mt

Il-Kastell ta’ Xavier fejn trabba San Franġisk Saverju

Il-Basilika f’Loyola li nbena ħdejn il-kastell fejn kien igħix San Injazju

Referenzi Sant’Injazju ta’ Loyola. L-Eżerċizzi Spiritwali. (2006) Maqlub għallMalti minn P. Mallia SJ u A.G. Vella SJ.

13


’l Hawn u ’l He Preferenzi Appostoliċi Universali tal-Kumpanija ta’ Ġesù 2019 - 2029

Fl-1 ta’ Jannar 2003, is-Superjur Ġenerali Peter-Hans Kolvenbach kien ħabbar il-prioritajiet appostoliċi talKumpanija ta’ Ġesù: fl-Afrika, fiċ-Ċina, l-appostolat intellettwali, l-istituzzjonijiet tal-Ġiżwiti f ’Ruma, ilMigrazzjoni u r-Refuġjati. Il-Kongregazzjoni 35, fl2008, ikonfermathom u talbet li s-Superjur Ġenerali jkompli jiddixxerni dwar dawn il-prioritajiet. Il-Kongregazzjoni Ġenerali 36, li ltaqgħet f ’Ottubru 2016, talbet li s-Superjur Ġenerali “jevalwa l-preferenżi appostoliċi li għandna u, jekk ikun hemm bżonn, jiddentifika oħrajn ġodda.” Permezz ta’ ittra, fit-3 ta’ Ottubru 2017, lill-Ġiżwiti kollha, is-Superjur Ġenerali Arturo Sosa nieda l-proċess ta’ dixxerniment fid-dawl tal-missjoni ta’ rikonċiljazzjoni u semma l-ħames tappi tal-proċess li ntlaħqu bejn Ottrubru 2017 u Jannar 2019, meta s-Superjur Ġenerali ippreżenta kollox lill-Papa. Matul il-proċess kollu, il-Papa kien infurmat b’dak kollu li kien għaddej. Fis-17 ta’ Jannar 2019, il-proposti finali kienu ippreżentati lill-Papa li, fis-6 ta’ Frar, wieġeb u qal kemm għoġbu l-proċess kollu ta’ dixxerniment, u kiteb li l-preferenzi proposti “jaqblu mal-prijoritajiet attwali tal-Knisja, kif joħorġu fil-magisterju ordinarju tal-Papa, tas-Sinodi u tal-Konferenzi Episkopali, speċjalment wara l-pubblikazzjoni tad-dokument “ll-ferħ tal-Vanġelu.” Il-Papa mhux biss approva l-erba’ preferenzi, imma tahom lill-Kumpanija ta’Ġesù bħala missjoni diretta mingħandu. Nhar it-Tlieta 19 ta’ Frar 2019, Fr Arturo Sosa, isSuperjur Ġenerali tal-Kumpanija ta’ Ġesù, ħabbar l-erba’ Preferenzi Appostoliċi Universali li l-Ġiżwiti madwar iddinja qed jimpenjaw ruħhom biex iwettqu fl-għaxar snin li ġejjin. Dawn huma:

Nagħmlu dan fuq l-istil ta’ Ġesù, billi nħabbru l-Vanġelu ta’ tama lil ħafna fqar ta’ żmienna. Nissoktaw fl-impenn tagħna mar-refuġjati u mal-vittmi tal-gwerra u tat-traffikar tal-bnedmin. Nimpenjaw ruħna wkoll biex neliminaw l-abbużi fil-Knisja u barra. 3. Nakkumpanjaw liż-żgħażagħ fil-ħolqien ta’ futur mimli tama Iż-żgħażagħ illum jiffaċċjaw sfidi kbar: in-nuqqas ta’ xogħol, l-instabbilità ekonomika, vjolenza politika, ħafna forom ta’ diskriminazzjoni li jagħmluha diffiċli biex huma jifhmu x’inhi l-ħajja u jersqu qrib Alla, eċċ. Huma, mela, ż-żgħażagħ li, mill-perspettiva tagħhom, jistgħu jgħinuna nifhmu aħjar it-tibdil kbir li qegħdin ngħixu u huma tassew mimlija tama għal din il-bidla. L-opri appostoliċi tal-Ġiżwiti jitgħu jagħtu kontribut kbir fil-ħolqien ta’ spazji miftuħin għaż-żgħażagh fis-soċjetà u għall-Knisja. 4. Nikkollaboraw fil-ħarsien tad-Dar Komuni Fl-enċiklika Laudato Sì, il-Papa Franġisku ifakkarna li l-bnedmin kollha huma responsabbli biex jieħdu ħsieb tal-ħolqien. Il-ħafna ħsara li saret lid-dinja saret ukoll lil tribujiet indiġeni, bdiewa li kienu sfurzati jemigraw u dawk li jgħixu fil-periferiji ta’ bliet kbar. Għalhekk, irridu nikkollaboraw ma’ oħrajn fil-twaqqif ta’ mudelli alternattivi ta’ ħajja, ibbażati fuq rispett lejn il-ħolqien u fuq żvilupp sostenibbli li kapaċi jipproduċi frott li wara jitqassam b’mod ġust, biex jassigura ħajja deċenti għallbnedmin kollha.

1. Nuru t-triq lejn Alla permezz tad-dixxerniment u l-Eżerċizzi Spiritwali Nikkollaboraw mal-Knisja fil-kuntest ta’ soċjetà sekulari biex inġeddu l-preżenza tagħha fil-qalba tal-istorja umana. Naħdmu biex iktar nies jagħmlu l-esperjenza tal-Eżerċizzi Spiritwali u nippromwovu d-dixxerniment. 2. Nimxu mal-fqar, mal-imwarrba tad-dinja u dawk li d-dinjità tagħhom kienet imkażbra, f ’missjoni ta rikonċiljazzjoni u ġustizzja Bħala kumpanji fil-missjoni ta’ rikonċiljazzoni u ġustizzja, aħna nimxu ma’ individwi u komunitajiet li huma vulnerabbli, u nies emarġinati u umanament fqar.

14

Lil Ħbiebna - Ir-Raba’ Ħarġa 2018


emm mal-Ġiżwiti Ordnat Djaknu

Nhar is-Sibt 9 ta’ Frar 2019, l-istudent tagħna Michael Debono kien ordnat Djaknu mill-Kardinal Carlos Osoro Sierra, Arċisqof ta’ Madrid, flimkien ma’ disa’ studenti Ġiżwiti oħra – 3 minn Spanja, 2 millPortugal, 2 mill-Indja, wieħed mill-Afrika u l-ieħor mill-Italja. Fr Michael twieled Ħ’Attard fit-12 ta’ Frar 1988. Studja fil-Kulleġġ ta’ San Alwiġi, Birkirkara, u, wara, flUniversità ta’ Malta. Daħal fin-novizzjat fid-9 t’Ottubru 2010, f ’Ġenova, u studja l-filosofija f ’Padova u Ruma. Għamel sentejn jgħallem fil-Kulleġġ ta’ San Alwiġi u fl-2016, beda l-istudju tat-teoloġija fl-Università ta’ Comillas, Madrid. Nifirħu lil Fr Michael u ‘l-ġenituri tiegħu. Inkomplu nitolbu għalih waqt li jkompli l-mixja lejn l-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu s-sena d-dieħla.

Vjaġġi tas-Superjur Ġenerali Bejn id-19 ta’ Jannar u l-1 ta’ Frar, Fr Arturo Sosa kien fil-Provinċja Ċentro-Amerikana, fil-Panama. Ħa sehem fil-laqgħa tal-MAGIS, bi tħejjija għallJum Dinji taż-Żgħażagħ. Wara, iltaqa’ man-novizzi, id-diretturi tagħhom u l-Ġiżwiti li nġabru għallokkazjoni. Żar ukoll il-Kosta Rika. Attività oħra fil-programm kienet iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija għall-membri kollha tal- “Failja Injazjana”. Viaġġ ieħor lejn l-Indja kien bejn l-24 ta’Frar u d-9 ta’ Marzu. Beda f ’Pune, fejn ha sehem fil-laqgħa tal-Provincjali tal-Indja u s-Sri Lanka. Wara, żar ilProvinċji ta’ Goa u Bombay.

Inawgurazzjoni f’ Dar Manwel Magri Nhar il-Ħamis 20 ta’ Marzu, l-Isqof Joseph Galea Curmi, flimkien ma’ Fr Michel Bugeja, id-Delegat tat-Provinċjal, u r-Rettur tal-Università ta’ Malta, inawguraw iċ-Ċentru ġdid għaż-żgħażagħ f ’Dar Manwel Magri, l-Imsida. Fr Bugeja għamel introduzzjoni u, warajh, Fr Patick Magro tkellem dwar l-għanijiet taċ-Ċentru, li hu miftuħ għal kulħadd u fejn dak li jkun, jiltaqa’ ma’ oħrajn, isib ilkwiet, jistudja, jitlob, u anke jsiru laqgħat mill-Professuri u l-lecturers. Ir-Rettur tal-Università qal li dan iċ-Ċentru jikkumplimenta u jsostni l-formazzjoni li tagħti l-Università liż-żgħażagħ. Hu semma r-rabtiet li dejjem kien hemm bejn il-Ġiżwiti u l-Università, mit-twaqqif tagħha. Wara, il-mistednin daru d-Dar u ċ-Ċentru. Lil Ħbiebna - L-Ewwel Ħarġa 2019

15 15


Storja

Miktub minn Prof. Stanley Fiorini

Gerard Manley Hopkins S.J. 1844-1889 Mitt sena ilu il-poeta Robert Bridges ippubblika kolezzjoni ta’ poeżiji ta’ saċerdot li miet tletin sena qabel fl-oskurità imma kien l-iktar poeta oriġinali fi żmien ir-Regina Vittoria, Dan il-ħabib tiegħu ħejja ktejjeb “Poems of Gerald Manley Hopkins”, u f ’Diċembru 1918 ippreżentah lil omm is-saċerdot Ġiżwita.

Din is-sena jaħbat il-130 anniversarju mill-mewt, fit-8 ta’ Ġunju 1889, talĠiżwita Ingliż Gerard Manley Hopkins, poeta, pittur u għalliem ta’ fama, meta kellu 44 sena. Gerard twieled fi Stratford, Essex, barra Londra, fit-28 ta’ Lulju 1844, wieħed mid-disat itfal ta’ Manley u Catherine u ġie mgħammed fil-Knisja Anglikana ta’ St John’s fi Stratford. Irċieva l-ewwel edukazzjoni tiegħu f ’Highgate School [1854-1863] u kompla l-istudji tiegħu fl-ilsna klassiċi fl-Università ta’ Oxford, [1863-1867]. Kemm dam fl-Università ġie f ’kuntatt ma’ diversi Kattoliċi ta’ kalibru, fosthom John Henry Newman, li fetħulu t-triq biex iħaddan il-fidi Kattolika. Hu ħa l-pass li jikkonverti fl-1865, li darras sħiħ kemm lil familtu kif ukoll lil għadd ta’ ħbieb li kellu. Jaħraq il-poeziji tiegħu Fost ħbiebu akkademiċi f ’dan iż-żmien insibu lill-poeti ta’ ħila, Robert Bridges u Christina Rossetti u lit-tutor tiegħu l-kittieb u kritiku Walter Pater. F’din il-klima hu nxteħet għall-kitba talpoeżija, imma qatt ma ppubblika xejn. Wara li ggradwa, Newman sablu post jgħallem fl-Oratorju tiegħu f ’Bimingham. Kemm dam

16

hemm kien beda jistudja l-vjolin u fil-5 ta’ Mejju 1868 qatagħha li jsir reliġjuż. Ma damx ma xeħet għajnejh fuq il-Kumpanija ta’ Ġesù u, wara li qatta’ l-poeżiji kollha li kien kiteb sa dakinhar u ħaraqhom, beda n-novizzjat f ’Manresa House, Roehampton, Londra, f ’Settembru 1868. Għal seba’ snin sħaħ ma kiteb ebda vers ieħor. L-ewwel voti ta’ faqar, kastità u ubbidjenza ħadhom fit-8 ta’ Settembru 1870, f ’St Mary’s Hall, Stonyhurst. Kien iħoss li l-poeżija ma kenitx kompatibbli mal-ħajja spiritwali, u x-xenqa profonda tiegħu li jirrelata man-natura ta’ madwaru, indirizzaha lejn il-kitba ta’ mużika u pittura. Fl-1874 reġa’ lura Londra fejn beda jgħallem il-klassiċi u wara, f ’St Beuno’s, Pant Asaph, Wales, mar jibda t-teoloġija. Hawnhekk, kien is-Superjur tiegħu stess li ħeġġu jiktiblu xi versi u mill-kitba tat-teologu Duns Scotus beda jirrealizza li l-poeżija u l-ħajja spiritwali ma kinux daqshekk antagonistiċi għal xulxin. Wieħed mill-ewwel xogħlijiet – kif ukoll mill-ikbar – kienet il-poeżija The Wreck of the Deutschland li ħarbixha meta ġrat it-traġedja tal-għarqa tal-vapur Deutschland li miegħu niżlu 157 ruħ, fosthom ħames sorijiet Franġiskani li kienu qed jaħarbu mill-Ġermanja u l-qilla talkulturkampf. Dan ix-xogħol jesprimi l-attentat Lil Ħbiebna - L-Ewwel Ħarġa 2019


www.jesuit.org.mt

ta’ Hopkins biex jirrikonċilja t-tbatija fil-bniedem mal-pjan providenzjali ta’ Alla. Għalkemm din il-poeżija kienet ġiet aċċettata biex tidher, fil-fatt qatt ma rat id-dawl tax-xemx f ’pubblikazzjonijiet tal-Ġiżwiti. Dan il-fatt żgur li kompla jonfoħ fuq il-ġamar tad-dubji li kellu dwar il-koeżistenza talpoeżija mal-ħajja reliġjuża tiegħu. Robert Bernard Martin, il-bijografu ta’ Hopkins, jgħaddi kummenti iebsa dwaru. Jgħid li l-ħajja awstera li kien igħix affettwatlu saħħtu fiżikament u psikoloġikament. Il-gradwat brillanti li ħareġ minn Oxford b’First Class Honours ma għaddiex l-aħħar eżami tat-teoloġija. F’dan iż-żmien kiteb is-sunett The Grandeur of God (li qed nirriproduċu hawn taħt). Uza teknika ġdida Wara li ordna saċerdot f ’Settembru 1877, intbagħat jgħallem f ’Mount St Mary’s College, Chesterfield, u f ’Lulju tas-sena ta’ wara sar Rettur ta’ Mount Street, Londra, u mbagħad ta’ St Aloysius, Oxford. F’din it-tieni żjara tiegħu f ’Oxford kien wieħed mill-fundaturi tal-Oxford University Newman Society, soċjetà mwaqqfa fl-1878 għall-istudenti Kattoliċi tal-Alma Mater tiegħu. Fl-umiltà tiegħu, Hopkins dejjem qagħad lura milli jippubblika xogħlijietu. Dawn sirna nafu

God’s Grandeur

The world is charged with the grandeur of God. It will flame out, like shining from shook foil; It gathers to a greatness, like the ooze of oil Crushed. Why do men then now not reck his rod? Generations have trod, have trod, have trod; And all is seared with trade; bleared, smeared with toil; And wears man’s smudge and shares man’s smell: the soil Is bare now, nor can foot feel, being shod.

bihom wara mewtu meta sieħbu l-poeta Robert Bridges indaħal għax-xogħol li jikxef dak li kien isarref Hopkins lid-dinja letterarja. Forsi l-akbar kontribut ta’ Hopkins hu li għaraf jibda jinfatam mirrestrizzjonijiet tal-prosodija riġida ta’ żmienu u jkun ta’ pont bejnha u x-xejriet aktar ħielsa tal-poeżija moderna. Fost it-teknika li uża hemm it-tħaddim ta’ dak li kien isejjaħ sprung rhythm, li jitbiegħed sew mill-metrika konvenzjonali. L-aħħar ħames snin ta’ ħajtu għaddiehom bħala professur tal-Grieg fir-Royal University, Dublin. Aktarx li dawn is-snin ma kinux fost l-isbaħ tiegħu, bogħod minn art twelidu, imgerrex minn familtu Anglikana, f ’art politikament antagonistika għallIngliżi, bl-iprem prodott ta’ ħajtu – il-poeżija – ħadd ma jaf biha. Miet ta’ 44 sena fit-8 ta’ Ġunju 1889 u ndifen fi Glasnevin Cemetery, Dublin. Fost il-ħafna ammiraturi tal-versi ta’ Hopkins insibu l-Ġiżwita Malti – ħuh fil-Kumpanija ta’ Ġesù – Fr Victor Jaccarini li, lejn tmien ħajtu, wara karriera akkademika brillanti fix-xjenza u bħal Hopkins spiċċa b’First Class Honours minn Oxford, innamra sew mal-kitbiet ta’ Hopkins u seħħlu jaqleb għadd minnhom għall-Malti. Hawn qed inġibu Il-Kobor t’Alla, traduzzjoni ta’ God’s Grandeur, li Fr Victor temm jorqom fid-29 ta’ April 2013 (kif iħallielna miktub hu stess); Fr Victor miet ftit wara fid-29 ta’ Ġunju 2014.

Il-Kobor t’Alla IIkkargata d-dinja bil-kobor t’Alla. Jaf ileħħ, bħal f’leqqa ta’ fidda mperpra. Iross, jimla, bħal żejt żebbuġ magħsur. Mela għala n-nies issa ma tqisx għasluġu?

Ġenerazzjonijiet rifsu, rifsu, rifsu. Kollox mikul bix-xogħol, miksi bil-lega T’idhom, imdellek, imtebba’, riħithom iġorr. Issa l-art għerja, u s-sieq ma tħossx mixduda.

And for all this, nature is never spent; There lives the dearest freshness deep down things; And though the last lights off the black West went

Madankollu n-natura qatt m’hi mtemma. Tibqa’ fil-fond l-għażiża tíra ħajja. W għalkemm tfew l-aħħar dwal fil-Punent iswed,

Oh, morning, at the brown brink eastward, springs — Because the Holy Ghost over the bent World broods with warm breast and with ah! bright wings.

Ara l-għodwa mil-Lvant bexbiexi xirfet. Għax Ruħ il-Qodos fuq id-dinja qroqqa joqgħod B’sidru sħun w’arah! b’dawk ġwenħajh imżewqa.

Lil Ħbiebna - L-Ewwel Ħarġa 2019

17


Żgħażagħ

Miktub minn Alison Vella

Ċentru għaż-żgħażagħ mill-Ġiżwiti fl-Imsida Mill-bidu tas-snin sebgħin, ħdejn il-bieb tal-Università ta’ Malta fl-Imsida, il-Ġiżwiti ftaħna r-Residenza “Dar Patri Manwel Magri” (DMM). Matul is-snin, offrejna s-servizz tagħna fl-Università bħala għalliema u kappillani. Fl-istess ħin għadd ta’ persuni ġew għad-direzzjoni spiritwali u l-appoġġ pastorali. Mill-2015 bdejna naħsbu biex f ’DMM jitwaqqaf Ċentru għaż-żgħażagħ. Id-Dar tibqa’ residenza għall-Ġiżwiti u joqogħdu fis-sular ta’ fuq. Imbagħad is-sular ta’ isfel kollu jsir Ċentru. Wara li nkisbu l-permessi u nstabu l-fondi meħtieġa x-xogħol ta’ ristruturar beda. Id-Dar tranġat u nbidlet strutturalment. Iċ-Ċentru jkun inawgurat sal-aħħar ta’ Marzu. Ix-xogħol li sar Xi nies jiftakru li fl-imgħoddi kienu jiġu biex jikkonsultaw il-ħafna kotba fil-librerija tad-Dar. Ridna nużaw l-ispazju tal-librerija u rajna fejn l-aħjar inpoġġu l-ħafna kotba li kien hemm. Saret id-deċiżjoni li l-biċċa l-kbira tal-kotba jitpoġġew fil-librerija tal- MUSEUM fil-Blata l-Bajda, u xi kollezzjonijiet jinżammu f ’Mount St Joseph ilMosta Is-Sur Stephen Scerri, is-Senior Manager tal-Ġiżwiti f ’Malta, kien inkarigat u kellu biċċa xogħol kbira biex jitbattlu u jintramaw il-kmamar, jinfetħu bibien u jkunu installati l-faċilitajiet meħtieġa. Tassew ħadem bil-qalb. Is-sur Scerri, li ilu ħabib tagħna miż-żmien li studja fil-Kulleġġ tagħna u mrawwem flispiritwaità Injazjana u kif jaħdmu l-Ġiżwiti, qal: “X’barka tkun jekk il-Ġiżwiti u l-kollaboraturi lajċi tagħna jkollhom post fejn ifasslu proġetti li fihom jimpenjaw ruħhom iż-żgħażagħ! Kemm jista’ jsir ġid meta residenza tal-Ġiżwiti ssir kalamita għallistudenti għax fiha jsibu spazju li jilqagħhom u jipprovdilhom l-appoġġ fid-diffikultajiet tagħhom ta’ kuljum! Spazju bħal dan ikun opportunità tad-deheb biex aħna nsiru ħbieb mal-istudenti u tinħoloq il-possibbiltà li niddjalogaw u nimpenjaw magħhom f ’livell aktar profond.” L-iskopijiet Dan iċ-Ċentru ġdid f ’Dar Manwel Magri ser joffri ospitalità lill-adulti żgħażagħ, studenti

18

universitarji u l-kontemporanji tagħhom biex jiltaqgħu flimkien, jistudjaw, jiddixxernu, jirċievu formazzjoni permezz ta’ programmi organizzati u joffru l-ħin u l-enerġija tagħhom permezz ta’ esperjenzi ta’ xogħol volontarju. Iċ-Ċentru hu miftuħ wkoll għall-użu tal-professjonisti u l-għalliema. Minbarra spazju informali ġdid għall-laqgħat, hemm ukoll swali għall-laqgħat mgħamrin bl-IT u konnessjoni mas-servizzi online tal-Università. F’kelma waħda il-post hu Ċentru ta’ merħba, ta’ involviment u ta’ formazzjoni taċ-ċittadini żgħażagħ ta’ żmienna. Il-Ġiżwiti ftaħna darna biex jitejjeb l-ispazju li bħalissa toffri ċ-Chaplaincy tal-Università, li hi mimlija ħajja, imma fejn hemm biss ftit kmamar żgħar. Fr Patrick Magro, wieħed mill-Ġiżwiti filkomunità li tgħix ġewwa DMM u li huwa wkoll il-Chaplain tal-Università u nkarigat mill-proġett, qal: “Iċ-Ċentru se jkun ‘Id-dar ‘il bogħod mid-dar’ fejn iż-żgħażagħ ikunu milqugħa, appoġġjati u akkumpanjati kif ukoll isibu min jismagħhom u jħossuhom mismugħa. Hawnhekk, waqt li jirrilassaw u jirrikrew flimkien, jistgħu jesperjenzaw ukoll xi tfisser li tgħix f ’komunità.” Hu żied igħid li “F’dan iċ-Ċentru persuna trawwem ħbieberija mhux biss ma’ studenti fi gruppi partikolari iżda wkoll ma’ żgħażagħ oħra, Maltin u barranin, li bħalhom qegħdin ifittxu ħbiberiji, valuri u t-tifsira ta’ ħajjithom. Aħna l-Ġiżwiti qiegħdin noffru spazju fejn iż-żgħażagħ jiltaqgħu, jitkellmu u jirriflettu. Se nkunu preżenti biex nakkumpanjaw liż-żgħażagħ fil-vjaġġ tagħhom u ngħinuhom fil-formazzjoni emozzjonali, edukattiva u spiritwali.” Fr Patrick semma’ wkoll li “Xi kultant għandna gruppi ta’ studenti li jitolbu li jqattgħu ftit jiem magħna biex jistudjaw jew waqt live-in bi tħejjija għal esperjenzi ta’ xogħol volontarju jew fit-tħejjija għall-Għid u l-bqija. Tassew nieħdu pjaċir li jkunu magħna għax huma mimlija ħajja u idejat Lil Ħbiebna - L-Ewwel Ħarġa 2019


kbar. Dalwaqt ġej grupp ta’ studenti minn kulleġġ universitarju tal-Ġiżwiti fi Spanja u wara jkun hemm oħrajn. Dawn ikunu opportunitajiet ta’ qsim ta’ kulturi u idejat. Issa Dar Manwel Magri se tkun tista’ toffri din it-tip ta’ esperjenza.” Prioritajiet appostoliċi Il-Ġiżwiti madwar id-dinja dejjem qiesu l-valur kbir tal-appostolat maż-żgħażagħ. Din is-sena f ’nofs Frar, il-Papa Franġisku approva l-erbgħa preferenzi appostoliċi tal-Kumpanija ta’ Ġesù għall-għaxar snin li ġejjin. Waħda kienet “Li nakkumpanjaw iż-żgħażagħ biex joħolqu futur mimli tama.” F’Malta, f ’Dar Manwel Magri ser ikun hemm tweġiba konkreta tal-Ġiżwiti għal din il-ħtieġa fis-soċjetà ta’ llum. Il-bibien taċ-Ċentru sejrin ikunu miftuħin għal min xi kultant jidħol jara, għall-gruppi tażżgħażagħ, komunitajiet. Il-Lecturers tal-Università jistgħu jibbukkjaw ħalli jużaw is-swali u kmamar żgħar għal laqgħat, seminars u affarijiet simili. Kull min jidħol ikun jista’ jgħaddi xi ħin fil-Kamra tat-Talb. Hemm wkoll kċina kbira, kif ukoll ftit kmamar għall-vizitaturi. Ġewwa, fin-nofs tal-bini, hemm bitħa li ser titfranga dalwaqt. Dejjem ser ikun hemm membru tal-istaff jew Ġiżwita biex jilqa’ lil kull min jiġi.

Lil Ħbiebna - L-Ewwel Ħarġa 2019

Finanzjament u appoġġ għall-proġett L-ispazju ta’ ġewwa kollu se jintuża ħafna għal studju individwali jew fi grupp, għallkollaborazzjoni, konverżazzjoni, preżentazzjonijiet, diskussjoni jew sempliċement post komdu biex tiltaqa’ u titkellem ma’ ħaddieħor. Minħabba li kultant fil-kampus tal-Università ikun hemm nuqqas ta’ postijiet għal dat-tip ta’ laqgħat, Dar Manwel Magri sejra tkun mimlija bl-attivitajiet. Għal din ir-raġuni, il-proġett taċ-Ċentru għandu l-appoġġ sħiħ tal-Università ta’ Malta. Wara taħdit bejn ir-Rettur tal-Università u Fr Patrick, li hu ċ-Chaplain, issa xi uffiċjali tal-Università qed jistudjaw kif tista’ toffri appoġġ prattiku lil dan ilproġett permezz ta’ staff u servizzi. Xi fondi għal dan il-proġett għaż-żgħażagħ ġew provduti minn Fond fil-Kurja tas-Superjur Ġenerali f ’Ruma u mill-Provinċja EwroMediterranja li Malta tifforma parti minnha. Saru attivitajiet għall-ġbir tal-fondi u permezz ta’ donazzjonijiet ta’ flus minn benefatturi. Jekk tixtieq tissieħeb u tgħin f ’dan il--proġett u l-manutenzjoni tiegħu, nilqgħu kull offerta. Iċ-ċekk agħmlu fuq isem “Maltese Jesuits” u jintbgħatu lil Fr Patrick Magro SJ fid-Dar Manwel Magri, Triq Mons Carmelo Zammit, l-Imsida. Jew tista’ tuża l-faċilità protetta tagħna ta’ donazzjoni onlajn: https://jesuit.org.mt/donate/

19

Missjoni

www.jesuit.org.mt


Nekroloġija

www.jesuit.org.mt

Fr Lawrence Gellel, SJ 1921 - 2019 Il-familja ta’ Lawrence u Mary Grace Gellel millBirgu, fit-3 ta’ Novembru 1921, laqgħet l-ewwel wild tagħha u semmietu Lawrence. Kien hemm tifel ieħor imma miet żgħir. Lawrence studja l-liċeo u spiċċa l-matrikola. Kien membru tal-Azzjoni Kattolika u hemmhekk, meta kellu 12-il sena, ltaqa’ ma’ żewġ studenti Ġiżwiti li kienu sejrin l-Indja. Nibtet f ’qalbu x-xewqa li jingħaqad mal-Kumpanija ta’ Ġesù. Fit-28 ta’ Settembru 1939, Lawrence, flimkien ma’ ħames żgħażagħ Maltin oħra, beda n-novizzjat f ’Bagheria,

20

ħdejn Palermo. Minħabba l-gwerra, Lawrence u oħrajn intbagħtu Galloro, ftit bogħod minn Ruma. Hemmhekk għamel l-Ewwel Voti fid-29 ta’ Settembru 1941 u wara għamel studji tal-klassiċi. Fl-1943 beda l-kors tal-filosofija. Għamlu sena f ’Ruma, oħra f ’Messina u t-tielet sena fl-Ingilterra. Bejn l-1946 u l-1951 Lawrence studja fl-Università ta’ Londra l-fizika u l-matematika. Fl-1951 beda l-kors tat-teologija fi Chieri, ħdejn Torino, u t-tliet snin l-oħra għamilhom f ’Woodstock College fl-Amerika, fejn fl-20 ta’ Ġunju 1954 kien ordnat saċerdot. It-tielet sena tan-novizzjat għamilha f ’Portownsend fl-Amerika. Għamel l-Aħħar Voti fit-2 ta’ Frar 1959. Fr. Gellel ġie lura Malta fl-1956 u beda l-ħidma tiegħu fil-Kulleġġ San Alwiġi Birkirkara u għadda 20 sena jgħallem il-fiżika u l-matematika lill-form 4 u l-form 5 u kien inkarigat mil-laboratorji taxxjenza. Għallem ukoll ir-reliġjon.Għal sena kien il-Prefett tal-Istudji fl-iskola sekondarja. Meta beda s-Sixth Form, għallem il-fizika u l-matematika u l-istorja tal-arti. Għal diversi snin kien membru tal-kunsill tar-rettur tal-Kulleġġ. F’dan iż-żmien kiteb u ppubblika diversi artikli, speċjalment dwar iċ-ċinema. Bejn l-1961 u l-1965 kien membru tal-bord taddjoċesi dwar iċ-ċensura tal-films. Wara, l-Gvern ta’ Malta għażlu biex ikun membru tal-bord tal-appell dwar il-letteratura u l-materjal stampat. Fl-1973 kien membru tal-komunità ta’ Xavier House, ilBelt Valletta, waqt li ssokta jgħallem fil-Kulleġġ. Matul dawn is-snin dejjem għamel ħidma pastorali f ’Malta u barra. Fl-1977, għadda sena jgħallem f ’Cheverus High School, f ’Portland, l-Amerika. Ġie lura Malta u kompla l-appostolat pastorali u l-kitba. Imbagħad fl-1979 mar l-Amerika u għal 33 sena ħadem ħafna f ’erba’ parroċċi fi New York, speċjalment mal-Insara li jitkellmu bl-Ispanjol. Kien iżurhom u jħejjihom għall-magħmudija u s-sagrament taż-żwieġ. Kien maħbub u apprezzat ħafna mis-superjuri, il-kappillani u l-parruċċani għad-dedikazzjoni u l-imħabba tiegħu. Meta kellu 90 sena rtira u ġie Malta u għadda l-aħħar għaxar snin ta’ ħajtu f ’Dar Loyola, inNaxxar, fejn kien jgħin fl-ammistrazzoni tal-qrar. Fr. Gellel kien xtaq imur jaħdem fil-missjoni fl-Indja, imma l-Mulej kellu pjanijiet oħra. Kien saċerdot mimli bi mħabba pastorali u żelu appostoliku. Kien bniedem ta’ kultura vasta, ċajtier u ferrieħi. L-istudenti li għallem fil-Kulleġġ għadhom jiftakru fih b’rispett kbir u apprezzament. Fil-11 ta’ Marzu, 2019, il-Mulej sejjaħ ‘l-qaddej twajjeb tiegħu għall-pfremju ta’ sejjem. Agħtih, Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Lil Ħbiebna - L-Ewwel Ħarġa 2019


Br Emmanuel Teuma, SJ 1934 - 2019 Fl-4 ta Jannar, 1934 fix-Xagħra (Għawdex) twieled Leli wieħed mis-16 il-tarbija tal-familja Teuma, imma li mietu żgħar. Leli kien il-kbir fost iż-żewġ subien u żewġt ibniet li kibru. Wara li spiċċa li-iskola Leli beda jaħdem ma’ kuntratturi f ’Għawdex. Imbagħad għal xi żmien ħadem fuq tanker taż-żejt sakemm sab xogħol ġo fabrika fl-Awstralja. Fl-1959 ġie Malta biex iħejji ħalli jiżżewweġ. Kien hemm irtir f ’Dar Manresa u Leli ħa sehem u ħass il-Mulej isejjaħlu biex iħobbu u jimxi warajh fil-Kumpanija ta’ Ġesù. Fit-8 ta’ April, 1960 beda n-novizzjat mal-Ġiżwiti f ’Dar Loyola, in-Naxxar, u fis-9 ta’ April għamel l-Ewwel Voti u l-Aħħar Voti għamilhom fis-7 ta’ Ottubru, 1980 Għadda sena jgħin il-kok tal-komunità kbira ta’ novizzi u student fin-Nażxxar. Imbagħad fl-1964 mar f ’Dar Manresa biex jgħin fl-appostolat tal-irtiri. Hemmhekk għadda 49 sena u ħdax il-xahar. Tletin sena minnhom kien il-kok u jieħu ħsieb ix-xiri u l-magni. Sab ħin u ħa ħsieb

Fid-19 ta’ Marzu, 2019 fl-4.30 pm (ħin ta’ Malta) f ’St Xavier’s College, Sahibganj, Indja, il-Mulej sejjaħ lil FR MIDJU SALIBA għall-Premju ta’ dejjem fl-eta’ ta’ 77 sena. Twieled 02-07-1942 Daħal Ġiżwita 10-10-1958 (61 sena Ġiżwita) Ġie Ordnat 25-03-1971 (48 sena Qassis) Agħtih. Mulej, il-mistrieh ta’ dejjem In-nekroloġija ta’ Fr Emidio ser tidher fil-ħarġa li jmiss. Lil Ħbiebna - L-Ewwel Ħarġa 2019

Nekroloġija

Miktub minn Fr John Scicluna, SJ

l-għelieq madwar id-dar u għamel ġonna li sebħu l-ambjent tad-Dar. Fil-kumplament tas-snin ħa ħsieb il-manutenzjoni tad-Dar. Kien jilqa’ n-nies bi tbissima u jgħinhom fil-bżonnijiet li jkollhom. Minħabba saħtu fl-2003 ingħaqad mal-komunità tal-Ġiżwiti fin-Naxxar u għadda l-aħħar snin ta’ ħajtu jitlob għall-Knisja u l-Kumpanija ta’ Ġesù. Meta kellu 85 sena u għadda 58 bħala Brother Ġiżwita ingħaqad ma’ Ġesù għall-dejjem. Agħtih, Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Mulej ilqa’ f’Saltnatek ’l-benefatturi u ’l-ħbieb tagħna mejtin Ħ’Attard Ħal Balzan

Herbert Messina Ferrante Vincent Cachia (Il-papà ta’ Fr Mark, SJ) Birkirkara Lino Gauci Borda Il-Gżira Vivienne Galea Lauri G’mangia Iris Farrugia Lina Zahra Ir-Rabat Grazziella Grech Ix-Xagħra Ċensa Teuma (Oħt il-mejjet Br Leli, SJ) Edel Mary Camilleri L-Amerika Joe Buttigieg L-Irlanda Ferdinand Cassar Torregiani 21


Grajjiet kurrenti mill-lenti tat-taghlim Nisrani

Miktub minn Fr Joseph Inguanez

GĦANDNA PROFETI FID-DEŻERT? Ġwanni l-Battista, l-aħħar u l-akbar fost il-Profeti, mhux biss iddeċieda li jmur jgħix fid-deżert, imma li jipprofetizza l-wasla tal-Messija. Iżda apparti d-deżert fiżiku fejn mar jitlob u jipprietka, kien qiegħed jgħix fi żmien ta’ kriżi morali fost il-poplu ta’ Alla. Il-ħajja tal-poplu, apparti xi oasi ’l hawn u ’l hemm, kienet qed issir deżert spiritwali u l-vuċi ta’ Ġwanni kienet: “Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert!” Ma nafx kif ħafna ħadu xokk li dakinhar taċċensiment 36% biss marru l-quddies! Ma rridx inċekken din il-problema pastorali għax il-quddiesa hi l-għajn u l-quċċata tal-ħajja tal-Poplu ta’ Alla. Imma l-Knisja għaddejja minn kriżijiet oħra. Nemmen li għandna kriżi ta’ fidi. F’survey li sar ħafna stqarru li jemmnu. Imma rridu ngħidu x’jiġifieri ‘temmen’. Li temmen ma jfissirx li tkun perfett! L-Iskrittura tgħidilna li l-bniedem ġust jaqa’ seba’ darbiet kuljum. Aħna lkoll naqgħu, imma xinhu l-isforz li nagħmlu biex nerġgħu nqumu? Żgur li biex tkun nisrani tajjeb mhux bilfors tkun qassis, patri jew soru, imma n-nuqqas ta’ dawk li qed jagħżlu din ilħajja hu allarmanti. Donnu li hemm relazzjoni inversa bejn il-festi, it-tiżjin tal-knejjes u t-titli onorofiċi fost il-kleru u issa wkoll fost ir-reliġjuzi, u l-passi ta’ granċ fit-triq tal-fidi. Inħoss li hemm bżonn li ħafna minna jaqbdu t-triq profetika li fiha ngħixu b’mod radikali s-sejħat talEvanġelju. Ejjew noħorġu minn ġol-Knisja u naraw x’inhuma l-waqgħat tagħna: għira, ġlied, sess sfrenat, tellieqa immorali għall-flus u dak li jinxtara bil-flus. Inħarsu

22

ftit lejn in-naħa l-oħra tal-folja: kemm hawn min lesti li jieqfu ftit mit-tellieqa tal-ħajja biex jisimgħu l-vuċi u s-sejħat li qed jagħmlilna Alla f ’din il-geġwiġija tal-ħajja. Żgur li l-iskandli tagħna l-kleru jħallu l-ħsara u din il-ħsara nistgħu nikkoreġuha billi ngħidu: “Mhux jien,” jew “Għandna ħafna qassisin, patrijiet u sorijiet tajbin li ma jidhrux,” jew “Dan l-iskandlu jidher fost ħafna kategoriji oħra barra s-saċerdoti.” Jien nibki meta nisma’ bl-abbużi tal-pedofelija, imma nibki iżjed meta nara s-superfiċjalità talħajja nisranija u l-ipokresija. Jekk il-melħ jaqta’ togħmtu, biex ser nerġgħu nagħtuh it-togħma? Ma jkun tajjeb għalxejn ħlief biex jintrema. Wasal iż-żmien li nieqfu, naħsbu, nitolbu u nibdew it-triq tal-konverżjoni. Jeħtieġ nibdlu qalbna, għax qalbna turina fejn hu t-teżor tagħna. Hu tajjeb li nużaw il-midja diġitali biex inxandru l-messaġġ, imma ningannaw ruħna jekk naħsbu li l-midja soċjali se twassal: “Il-Kelma”. Dawn il-mezzi jistgħu jgħinuna ħafna biex nagħtu tagħrif, imma biex inbiddlu l-qlub hija x-xhieda ta’ ħajjitna. Il-Kelma nwassluha billi nħallsu aħna stess il-prezz tad-dixxipulat: “Il-qaddej mhux akbar minn sidu, lanqas il-mibgħut mhu akbar minn min bagħtu.” Hemm bżonn li npoġġu jdejna fuq il-moħriet u ma nħarsux lura, anki jekk nidhru qisna profeta fid-deżert.

Lil Ħbiebna - L-Ewwel Ħarġa 2019


Programm ta’ rtiri u seminars

Ċentru Spiritwalità Injazjana

Għal aktar informazzjoni u bookings: Mount St Joseph: 2276 0201 info@mtsjoseph.org

jew Dar Manresa: 21 55 6635 manresagozo@gmail.com Holy Week in Prayer Live the Triduum in recollection Dati: 18 April 6:00pm - 21 Apr 9:00am Imexxu: Fr Christopher Vella SJ u kollaboraturi lajċi Fejn: Mount St Joseph, Mosta 4 or 8 day Spiritual Exercises Dati: 23 April 7:00pm - 1 Mejju 7:00pm jew 23 April 7.00pm - 27 April 7.00pm jew 27 Mejju 7.00pm - 1 Mejju 7.00pm Imexxu: Fr Tony Calleja SJ u oħrajn Fejn: Dar Manresa, Għawdex Christ’s Resurrection ... Our own resurrection and that of our loved ones who have passed away Dati: 28 April 9:00am - 5:00pm Tmexxi: Bernadette Briffa Fejn: Mount St Joseph, Mosta Using a Labyrinth to pray Walking to a ‘sacred space’ Dati: 4 Mejju 9:00am - 4:30pm Imexxu: Claire Camilleri, Maria Theresa Portelli u oħrajn Fejn: Mount St Joseph, Mosta

AVVIŻ IMPORTANTI Għażiż Qarrej/ja ta’ Lil Ħbiebna, Minħabba r-regolamenti Ġenerali ġodda dwar ilprotezzjoni tad-Data (GDPR), aħna neħtieġu lpermess miktub tiegħek biex nibqgħu inżommu l-indirizz tiegħek ħalli nkunu nistgħu nibqgħu nibgħatulek ir-rivista Lil Ħbiebna darba kull tlett xhur bħalma għamilna tul dawn l-aħħar snin. Jekk tixtieq tibqa’ tirċievi din ir-rivista, inti mitlub/a tiffirma dan il-kunsens ta’ hawn taħt u tibgħatulna fl-indirizz:

Editur ‘Lil Ħbiebna’, 78 Triq il-Markiż Scicluna, Naxxar NXR2067

sal-15 ta’ Ġunju 2019, jew imla l-formula onlajn billi tmur fuq https://www.cognitoforms. com/LilHbiebna/Subscribe F’każ li ma nirċevux dan il-kunsens mingħandek, ma mkunux nistgħu nibqgħu nibgħatulek din ir-rivista tagħna b’effett immedjat. Bit-tama li nisimgħu mingħandkom, nixtiqulkom barka u ġid. Fr John Scicluna SJ Editur Lil Ħbiebna Aqta’ minn hawn u ibgħatha fl-indirizz hawn fuq miktub.

Jien ___________________________ hawn taħt (isem u kunjom)

The Book of Revelation and select themes from the Spiritual Exercises Dati: 3 Mejju 7:00pm - 5 Mejju 3.30pm Imexxi: Prof Anthony Frendo Fejn: Mount St Joseph, Mosta

_______________________________________

Praying with music and song Dati: 15 Ġunju 9:00am - 5:00pm Imexxu: Claire Camilleri, Maria Theresa Portelli u oħrajn Fejn: Mount St Joseph, Mosta

nagħti l-kunsens tiegħi biex l-Editur ta’ Lil Ħbiebna jibqa’ jżomm l-indirizz tiegħi sabiex nibqa’ nirċievi din ir-rivista sakemm tibqa’ ppubblikata.

Lil Ħbiebna - L-Ewwel Ħarġa 2019

iffirmat/a, li noqgħod _____________________

_______________________________________

_____________________________ Firma u data

23


Maħruġ mill-Ġiżwiti Maltin | Jannar - April 2019 | Lil Ħbiebna - 78, Triq il-Markiż Scicluna, Naxxar NXR 2067

ULEJ, il-ħsad hu kbir u l-ħaddiema huma ftit. Nitolbok, ibgħat ħaddiema għall-ħsad Tiegħek. Agħtina vokazzjonijiet għall-ħajja reliġjuża u saċerdotali. Agħmel li ż-żgħażagħ ikunu aktar ġenerużi għasNitolbuk b’mod speċjali sejħa tiegħek u li jkunu lesti jixhdu b’mod radigħall-Kumpanija ta’ Ġesu. kali għall-valuri tal-Vanġelu. Imla l-ġenituri bil-fidi, bl-imħabba u bl-ispirtu ta’ sagrifiċċju biex joffru lil uliedhom għas-servizz Tiegħek meta ssejħilhom għall-ħajja kkonsagrata Lilek. Marija, Omm il-Kumpanija ta’ Ġesu Ibnek, kompli itlob magħna għal dawn il-fehmiet. Ammen.

“Is-sejħa tal-Mulej mhijiex indħil ta’ Alla fil-libertà tagħna; mhix “gaġġa” jew madmad li jinxteħet fuq daharna. Bilmaqlub, hi l-inizjattiva kollha mħabba li biha Alla jiġi jiltaqa’ magħna u jistedinna nidħlu fi proġett kbir, li jrid jagħtina sehem fih, u jurina x-xefaq ta’ baħar usa’ u ta’ sajda kotrana tassew.” Messaġġ tal-Papa Franġisku għas-56 Jum Dinji ta’ Talb għall-Vokazzjonijiet 2019

24

JESUITS Ritratt: Lachlan Dempsey - Unsplash


Issuu converts static files into: digital portfolios, online yearbooks, online catalogs, digital photo albums and more. Sign up and create your flipbook.