Flimkien Lulju 2015

Page 5

Lulju 2015 | 5

Il-Kelma tal-Arċisqof

Il-Pallium

Rabta tal-Arċisqof mas-Suċċessur ta’ San Pietru Nhar it-Tnejn 29 ta’ Ġunju, is-solennità ta’ San Pietru u San Pawl, flimkien ma’ Arċisqfijiet Metropoliti oħra minn madwar id-dinja u li ġew magħżula tul dawn l-aħħar tnax-il xahar, ġejna mistiedna minn Papa Franġisku biex nikkonċelebraw miegħu f’Quddiesa li fiha jiġi mbierek il-pallium

N

aħseb qed tistaqsu, x’inhu l-pallium? Il-pallium hu bħal faxxa wiesgħa xi ħames ċentimetri, magħmula minn suf fin ħafna, li jintlibes madwar l-għonq. Ikollu wkoll żewġ pendenti, xi tletin ċentimetru fit-tul, wieħed fuq quddiem u l-ieħor fuq wara. Dawn iż-żewġ pendenti jinżammu stirati ’l isfel b’żewġ biċċiet żgħar taċ-ċomb li jkunu miksija b’ħarir iswed. Fuq il-pallium ikun hemm irrakkmati sitt slaleb suwed – wieħed quddiem, ieħor fuq wara, wieħed fuq in-naħa tal-ispalla tal-lemin u l-ieħor fuq tax-xellug, u salib fuq kull pendent. Is-salib ta’ quddiem, ta’ wara u tal-ispalla tax-xellug ikollhom bħal ħolqa mill-istess ħajt biex iżommu tliet labriet tad-deheb li jissejħu spinulae. Il-pallium jista’ jintlibes biss mill-Papa, mill-Patrijarka tar-rit Latin ta’ Ġerusalemm, mid-dekan tal-Kulleġġ tal-Kardinali, u mill-Arċisqfijiet Metropoliti. Minn din is-sena l-Papa xtaq li jkun hemm bidla fiċ-ċerimonja tal-għoti tal-pallium. Qabel, kemm it-tberik kif ukoll it-tqegħid tal-pallium kienu jsiru f’ċerimonja waħda f’Ruma waqt quddiesa fil-Festa ta’ San Pietru u San Pawl. Issa xtaq li ċ-ċeremonja tinqasam f’żewġ mumenti

sinifikattivi: iċ-ċerimonja tat-tberik talpallium issir f’Ruma fid-29 ta’ Ġunju filQuddiesa, filwaqt li t-tqegħid tal-Pallium isir iktar tard min-Nunzju Appostoliku fiddjoċesi stess tal-Arċisqof waqt ċelebrazzjoni apposta. Hawn Malta ċ-ċerimonja ser ssir f’quddiesa nhar is-Sibt, 11 ta’ Lulju filKonkatidral ta’ San Ġwann fl-10.00am. Minn issa stess qed nistedinkom għaliha. Nieħu gost ħafna bil-preżenza tagħkom. Il-pallium għandu tifsira simbolika qawwija ħafna. Peress li hu minsuġ mis-suf tal-ħrief, il-pallium ifakkar lil dawk li jilbsuh, fi Kristu, ir-Ragħaj it-Tajjeb. Il-kulur abjad tas-suf tal-pallium iservi wkoll biex ifakkar li l-qawwa u l-awtorità ġejja mill-Ħaruf ta’ Alla. Il-Ħaruf ħafna drabi hu meqjus bħala simbolu tal-paċi. Il-pallium, għalhekk, hu wkoll simbolu tal-missjoni tal-Arċisqof biex iżomm il-paċi u l-għaqda tal-Knisja. Inħeġġiġkom biex titolbu ħafna għalija biex inkun fidil lejn il-Knisja u lejn ilPapa u biex bħal Ġesù, ir-Ragħaj it-Tajjeb, immexxikom “f’mergħat kollhom ħdura”. Nagħtikom il-barka pastorali tiegħi. X Charles J. Scicluna Arċisqof ta’ Malta


Issuu converts static files into: digital portfolios, online yearbooks, online catalogs, digital photo albums and more. Sign up and create your flipbook.