Ex Voto Kitbiet

Page 1

Kitbiet


© tax-xogħlijiet, l-awtur © daħla, Ryan Falzon © illustrazzjoni, Ryan Falzon

Ebda parti minn din il-kitba ma tista tiġi b’ xi mod riprodotta mingħajr il-kunsens bilmiktub tal-awturi

Ottubru 2014



Daħla Il-kitbiet miġbura hawnhekk inqraw waqt l-għeluq ta’ “Ex Voto,” esebizzjoni viżiva ta’ Ryan Falzon li ttelgħet fil-Mużew Marittimu, il-Birgu, bejn it-12 u s-26 ta’ Settembru 2014. Min-naħa viżiva, “Ex Voto” kien proġett li dar madwar l-ikonografija Kristjana, ilkundizzjonijiet ta’ għajxien fuq gżira, u r-relazzjoni mal-baħar. Xeni mill-kosta Maltija ġew impoġġija f’kuntest mal-ambjent urban ta’ Berlin, b’tali mod li jinħolqu pjattaformi li fuqhom jeżistu figuri solitarji siekta. Dal-figuri huma referenza għas-solitudni u l-qtigħ ta’ qalb li wieħed isib fil-kwadri marittimi Ex Voto; kemm jekk fi grupp jew bħala individwi, in-nies li jidhru f’dawn il-kwadri huma dejjem weħidhom, iserrħu biss fuq l-kapaċitajiet u l-fidi tagħom biex isalvaw. F’dan il-proġett, din ix-xewqa għal stat aħjar hi interpretata fil-kuntest tal-ħolma tal-abitanti tal-gżira li jħarsu lejn il-Belt kontinentali bħala l-post li qed isejħilhom biex iħossuhom sħaħ. Ix-xogħlijiet esploraw l-ambigwità tar-relazzjoni bejn l-baħar u l-individwi li jħossuhom mhedda mill-iżolament fiżiku ta’ gżira, iżda jħossu li l-baħar itihom identità, eżatt bħalma ttihom ir-reliġjon Kristjana li kibru fiha, irrelenvanti baqgħux jemmnu jew le. Il-pitturi u l-lino prints li se jintwerew jixhdu t-tama għal-libertà, u ssalvazzjoni kontemporanja, u huma xhieda ta’ vjaġġ introspettiv li ħafna drabi jwassal għas-solitudni. Il-kitbiet ta’ Kit Azzopardi, Glen Calleja, Leanne Ellul u Ryan Falzon kienu miktuba tul il-proċess tax-xogħol viżiv, filwaqt li Antoine Cassar ġie mistieden biex jidħol filproġett iżjed tard. Ix-xogħol viżiv jinsab fuq www.ryanfalzon.com. “Ex Voto” sar bl-għajnuna tal-Malta Arts Fund.


KIT AZZOPARDI



Salve Reġina

Marjanna – sultana fuq pedestall tistenna sibt, tistenna ħadd, tistenna sliema.

Jiem oħra mhux mgħammda – ingassati minn fuq l-istkritti tiegħek, programmi pittorgrammati fuq sidrek, ritwali mat-tubi tturufnati ta’ mnifsejk. Mar Anna, Marmanna, manna, x’int tistenna f’dal-avvent rużarju, b’pendenzi fil-komplieta fl-aħħar uri? Pendenti pendenti ta’ duluri Marjanna omm tal-ħniena ...

dan kewna kkulurit mill-ibħra li bkejnielek ...

Smajtha t-tnegħida trinitarja f’dana l-wied idoqqhom l-għanjiet siekta :: tad-dmugħ, tad-demm, tad-dawl, o avukata fl-awla Marjanna?

dawwar lejna


Is-Sliema

Grazzjella –

min jara minn għajn waħda, re fost l-għomja min jilbes velu u ftit maskara, mara fuq l-irġiel

Aħna d-dlam ta’ bejn it-tjur u l-qxur, serbut ta’ partiċelli, u żibeġ imnikktin ma nafux aħniex ilm’arja :: xita jew dmugħ, gassijiet jevaporaw.

Nafu biss id-dlam fejn tlifn’ isimna, il-grazzja li tgħammidna suwed, u xħin saqsejna għal saltna għalina qalulna – bla kliem xejn – li l-għerien umdużi tiegħek ċensiment :: blat u frak u ftit gżejjer, u post għalina ftit li xejn.

Sigħetna veloċità interzjata mal-art, ġismek ħarir, ġisimna salib tqil u sokkors ta’ sem’ iswed – demgħa migrufa f’ħaddejk mifruxa fuq dal-blat, u inti gġant.

Sadattant, dulur id-demm għalik.

Tkejlu skont l-iskur.


Missierna.

Int baħri tal-bnazzi, tgħidilna li l-bliet tiegħek tal-fidda,

li tkejjel ħajtek skont ix-xmux u l-qmura skont il-ħmura ta’ filgħodu u ta’ f’lgħaxija.

L-arti tal-parentela għandha s-saltniet tagħha, l-uniformijiet tas-suf u qatgħa xagħar folta. Għedtilna – ja baħri tal-ibħra u d-deżerti – li t-trab u r-ramel u l-ġeoloġiji huma testmenti skartati mill-qiegħ. Għedtilna l’int baħri u kartografu tal-irdumijiet għax tgħix fit-tarf u ismek naqqaxtu f’kull port, f’interċessjoni u interruzzjoni.

Saltnatek assalt bejn sema blun u baħar ibleh. Fil-bieb, tistenniek sirena, sidirha gżejjer xufftejha stejjer.

U inti sejjer,

sejjer,


Ħobżna ta’ Kuljum

paċi kulaċi, Madonna fuq rasi Kristu fuq l-artal, qed ibierek dawn it-tfal ...

Dil-ħobża kristoloġija kbira ħabba bajda għamja dimensja bla ħmira.

Skabrużi u misterjużi d-diji tiegħek l-inkwadraturi mdiehba bla dettall. U skabrużi d-dnubiet tagħna, kristalli mbiċċra ħamiema mitmugħa biċċa biċċa.

Idejna naħsluhom fi ftit kliem.


L-Att tal-Indiema

Atti fuq platti mferrxa ċatti ċatti, mal-art f’konfessjonarju ...

Dnubieti nfassalhom apposta għalik, biex ninkik. Bħal-lum naħseb fik, bħal għada nidgħi bik, pitgħada norqod miegħek bla ma trid.

U ’qas tinduna b’xejn, inutli għajnejk ankrati bi qdusitek u par xufftek fis-skiet; it-talb tiegħek safa tallab, –

anzi, imma xorta –

inħobbok fuq kollox fuq l-anġli u taħt ġwinħajhom fuq l-altari jistennew il-ħobżna fuq is-sliem jistenna fuq il-missierna jistenn’ mara fuq l-alla eludit fuq ħalfa bierda.


glen calleja



tini. sib. trid. dawwal. armi.

I.

tini punt ta’ gravità tini toqba li tiflaħ kollox tini tifel ħa jferragħli l-baħar kollu f’ħofra fir-ramel tini xatt u riħ u ramel f’belliegħa ħa nagħmel festa festun tini gruppi barranin imħallta bi gwida quddiemhom adulti, waħdiet iwweldjati bil-brijju tad-deheb solari m’umbrella

tini t-tmienja li ssir id-disgħa. diġà. ‘qas tar’hom għaddejjin mexjin mejtin tini kelma perfetta tini ritratt li fih minn kollox anke raġel u mara bħal dawn, familji w qawsalli u jkun ideali jekk tħallihom isibu fejn jipparkjaw għajnejhom bnadar il-bjuda

isibu: xi imkien li mhux l-istess mhux differenti bħalma hi differenti l-verità li xtraw minn dak li immaġinaw


ii.

sib ħoss sehmek ħaffier sib ħamest iswaba’ brimb jew gafef jew sempliċiment gerriefa tal-wiċċ sib ftit ittri mill-memorja, ħamsa-sitta kollox, biex flimkien ituk l-onomatopea sib il-messaġġ moħbi fil-kumbinazzjoni

sib ir-raġel tal-ħolm sib il-virilità mistura fit-tibriq, fil-mustaċċi, fil-muskolatura sufija sib l-artist magħżul mill-Kosmos liebes l-uniformi tal-forzi armati

biex isalva s-salvazzjoni u s-salvaturi li spiċċaw bla xogħol sib id id-dixxipli tibbokla tiżbokla sib snien il-bokkla nnifisha mgħaddsin fin-nej, fis-selħ, fix-xej’ sib il-bumbardamenti fil-ħolm graffit sib qalb bi spray aħmar u xdieq ħajt għalih sib stampa tal-kulur, ta’ bajja, ta’ laneċ, ta’ sajf maqtugħ minn fuljett tal-Awtorità Tat-Turiżmu sselleġ salini rekkiena

sib sandlija ftit mitlufa f’ilma li ma jitmewweġ b’xejn sib il-probabiltà li ssib figura kokka fl-għadajjar taqbad il-gambli bit-tazzi tal-ġelat tal-barmil sib tfal li issa għandhom wiċċ u xi naqra familja sib taiga sħiħa turist’evaporata tbarri l-mistħijiet mielħa minn fuqha sib bokkli oħra sib ishm’ iżgħar, isbaħ


iii.

trid tibda mawrietek fis-salott tar-Reġim trid tagħraf, b’xagħrek quddiem għajnejk, xi jfissru ċerta tkaken u t-toqol tal-pass fejn u kif u għal min jaqa’ w jieqaf u xi jħalli wara dahru trid titgħallem taqra l-isdra mmedaljati trid tmissilhom biżlejhom imqajma minn fuq il-flokk biex jiftħu kamra kliem protett trid tmiss l-ilma u ssellġu u toħloq gżejjer t’ambjent naturali pristin safi, dik il-kelma li ridt

trid taqla’ l-ponta ta’ lsienek u twaddabha vleġġa in-naħa l-oħra tat-triq fejn siktu il-fjammi fuq l-aperturi trid it-territorji okkupati kollha u biċċa informazzjoni oħra trid anniversarju tal-liberazzjoni u mbagħad ieħor is-sena ta’ wara u t-tielet wieħed ikun ma’ ġenerazzjoni ġdida

trid ħafna tfal u tfal ta’ ħaddieħor trid tippetnalhom xagħarhom bil-ferq fil-ġenb għas-subien bil-ferq fin-nofs u l-molol biċ-ċfuf għall-bniet


iv.

dawwal daqq daqqtejn fuq filfla dawwal l-iwat mill-ordnijiet il-korniment minn bilqiegħda baga intervistata dwar il-film u tistaqsi biss dwar is-suġġett u kif da’ jqajjimulek ġurnata sħiħa

dawwal tik-tokkijiet t’operazzjoni ta’ salvataġġ dawwal l-irmiġġ, l-ewwel ġiex minuti b’rappurtaġġ dettaljat, it-tieni biċċa għand il-parrukkier tiżbogħ xagħrek

dawwal subgħajk idawwar keffet dublett

dawwal il-ġografija ta’ kantuniera imperjali

dawwal kuntratti ta’ nies maestużi dawwal il-bidujiet tal-konfini esebizzjonisti dawwal il-belt narċiża, taljana tal-moda, ċiniża fabbrika improvizzata bla pulizija, bla permessi, bla ħsieb varjetà t’assenzi fid-direttorju tat-telephone, kollezzjoni privata

dawwal swat li ma jridx jilħaq il-pubbliku ġenerali, dawwal it-tip ta’ werqa, id-dettalji u l-fidi tax-xitla dawwal ittra ta’ rakkomdazzjoni bla prezz preċiż dawwal xbihat, mużew sħiħ lest għall-aħbarijiet għall-esportazzjoni

dawwal terrapien difnietna bil-ħin tat-terremot dokumentat sew kif tinsa kollox meta tkun qed tieħu gost hux? dawwal kamera tar-ritratti, dawwal


l-iżviljarini nemel, fili fil-fili fil-ħajt, dawwal bejtiet ta’ nies fil-film tiegħek dawwal tnessijiet il-weraq, trab ta’ ħbieb tal-qalb fiċ-ċerimonja tal-ftuħ dawwal personalitajiet famużi f’karozza sewda mikrija dawwal kaxxa miżbugħa fl-art f’parkeġġ vojt


v.

armi l-lukanda fejn morna ‘l bogħod u ġejna lura iktar televiżivi minn qatt qabel armi l-gallarija mnejn ġibdu x-xena ta’ ħbiberija armi s-sular sħiħ u l-prekawzjonijiet arm’imla l-kennierji tal-Imdini bil-pjanijiet tiegħek tiegħi magħmulin biex jorqdu w ma jqumux

armi mill-inqas tliet ġenerazzjonijiet ta’ kpiepel t’għajnejn wara l-kafè ta’ filgħodu f’kolazzjon kollettiv armi l-irkoppa titriegħed nervuża taħt il-mejda armi l-ma-rrridx tas-sħab imdendel dalgħodu, jew raxxet ftit fl-aħħar?

armi l-ma-nafx tas-subien rejjiexa bit-temperaturi bejn subgħajhom armi t-tpartit tagħhom li jsir ċwievet iċekċku, ħoss il-missier maqsum fi tlieta, dwal tat-traffiku armi l-aħmar wieqaf u l-bqija jinqelbu kull tant sekondi skond kif issettjati, nieqsa mill-ħoss armi l-aħħar vers għax mhux vera muti w torox imma bil-gradi Celcius li jgħidu id-Dinja Hekk! armi l-kriżantemi, ixħithom bil-ponn taħt passejh huwa w dieħel id-dar


ANTOINE CASSAR



Il-gzira fuq mappa

Għajnejh reġgħu waqgħu fuq il-mappa. Kuljum f’xi ħin jew ieħor jispiċċa jħares lejha, għalkemm ormaj m’għadux jiċċassa bħal qabel. Il-gżira għażiża, u daqstant ieħor misħuta, biżżejjed ħadet il-ħajja tul l-aħħar sena. Tmint ijiem oħra hemm ikun. Ġixt iljieli ilu, il-forma tal-gżira qajmitu b’ħasda fl-erbgħa ta’ filgħodu, u ħakmu biża’ kbir.

Kien hemm min iddeskriva l-gżira bħala makku, għax ċkejkna u tinbela’ malajr. Bħala forma, hu iktar kien ixebbahha ma’ kaħlija. Żbuxxlata, nofsha storduta, tgerrem għoqda tax-xibka li nqabdet fiha. Drabi oħra kien jara baliena, bħal dik tal-bibbja b’Ġona ta’ Ninive jitgeddes ġo żaqqha, għax jibża’ jaqdi dmiru, jibża’ jsir dak li hu. Imma Ġona sieħbi, qabel ma toħroġ minn żaqq il-baliena, trid tkun ċert li inti lest, u lest ta’ veru. Jekk titperreċ kmieni wisq, tegħreq żgur.

Dan l-aħħar, iżda, il-gżira fuq il-mappa saritlu pirana. Kollha snien u nejbiet, lesta ħa ġġibu pulpetti, tqarmiċlu għadmu, u tobżqu ‘l barra mingħajr ma biss tibilgħu. Hekk sew. Aħjar ma jinżel Malta xejn. X’joqgħod jagħmel hemm? Jintasab f’tarf l-irdum tal-Imnajdra jiffissa lejn Filfla, bħal min jixba’ minn gżira u jibda jixxennaq għal gżira oħra, iżgħar u iktar maqtugħa minn ta’ qabilha?

Filfla, il-midbaħ tal-ġganti. Issa ħaġa waħda biss jixtieq. Iċarrat sidru bil-mod, jaqla’ qalbu minn postha, u jqegħidha fuq l-artal ta’ Filfla, speċi ta’ ex voto lill-allat talimħabba. U erħilhom ituha bl-imrietel, bl-iskieken, bis-sajjetti. Wara, ikun jista’ jitlaq jaqdi dmiru kemm irid, f’mapep oħra ikbar minn din, mingħajr dik il-qalb ittaqqallu l-pass, torbtu mal-art, iżżommu dejjem lura.

Tmint ijiem oħra. Biża’ kbir. Hekk biss jista’ jistabar issa. Qala’ għajnejh minn fuq ilmappa, ġibed nifs twil ‘il ġewwa, u m’azzardax jerħih.


Leanne ellul



fil-fili

“Ħares, ħares fl-ilma rieqed, ħares biss għal tliet darbiet;

Darba waħda, fl-art tal-Midinbin, kien hemm jien ngħix blata ’l bogħod. In-nies ta’ dilart kienu maqsuma. Kien hemm nies b’xagħarhom iswed u nies b’xagħarhom abjad; dawk ta’ xagħarhom iswed kellhom imnieħer ċkejken u għajnejn qastnija u dawk ta’ xagħarhom abjad kellhom imnieħer twil twil twil u għajnejhom ħadranija.

Jien ma kont mal-ebda naħa u għalhekk, darba fost l-oħrajn tefgħuni hawn bi dnubi b’kollox. Bqajt inkaxkar dnubi kull fejn immur; sa msaħt trab l-art kollha u ġmajtu filfili ta’ ġismi.

“Dal-ġisem seħta fuqek, fuqna u fuq uliedna.”

“Dal-ġisem wild id-dnub.”

“Dan hu l-ġisem…”

“U x’ġisem!”

Waħdi, fuq dil-ġbejla, nixtieq li nħares fl-ilma mill-għoli tal-art imma nilmaħ il-kliem b’oranġjo jgħajjat /tixxabbatx/. U nitħawwad x’nista’ naqbad nagħmel. Għax, li jiena jien, dnub u m’hemmx dnub akbar minn dak li wieħed jgħid li ħajtu ta’ ħaddieħor. Met’ ażżardajt nixxabbat, għelbuni. Il-Maralla kienet ħatfitni u biddlitni f’gremxula. Ma kinitx waħedha. Kienu … kemm? Ftit mijiet? Eluf? U ħafna firem. Minn kullimkien faqqsu l-firem. Anke ta’ Molly <il-qattus> u Fredu <il-kelb> kien hemm. Iddeċidew qatta bla ħabel li jiena posti hawn u hekk kellu jkun.

Issa ninsab f’tarf dil-blajta b’xejn u b’ħafna trufijiet, inħares ’l isfel ħa narani. Naħseb niflini sew ħa nara kif ġabuni l-jiem sħaħ jikwuni. Bl-arja kollha l’għandi, nibża’ nħares


għax niddubita nagħrafnix. Imma nersaq lejn it-tarf … kemm kemm ieħor ... kemm kemm … kemm kemm biss …

Kif inkun se nħares, minn taħt il-għajn nilmaħ dell bniedem b’xewk u għollieq ma’ ras tikwi lewn id-demm. Jgħidli, “Ħares, ħares fl-ilma rieqed, ħares biss għal tliet darbiet; meta ttellet l’għandek tagħmel, tagħraf surtek mis-suriet?

Għal darb’ oħra terġax tħares għax tinsteħet minnufih; l-ilma ta’ madwar din ġbejltek, lilek qatt ma tara fih”

Fil-fixla li qadbitni, iddeċidejt li nħares għall-ewwel darba dak il-ħin. U nilmaħni kif darba kont; b’xagħri iswed lixx sa fuq widnejja, b’ħuġbejja folti u skuri, b’għajnejja suwed serji mlewna b’kemm kemm blu u lapes ċar, b’ħaddejja ħomor ttikkjati b’leħja ta’ jumejn, b’xuftejja roża niedja u ġerżumti mqabbża ’il barra toqmos ftit kif nibla’ r-riq. Hekk kont nafni, u hekk għadni għajr għall-fili ta’ fuq moħħi, kbar u fondi li l-ħsieb fihom għamel dar għalih. Jien waħdi fuq dil-blajta, noħlom stejjer filgħaxija, u filgħodu nqum nigrifhom fis-sod ta’ dal-blat. Darba kienu staqsewni:

“li kieku kellek tispiċċa waħdek fuq gżira, x’inhuma t-tliet affarijiet li tieħu

miegħek?”

Kont weġibthom:

“ktieb, lipstikk u karta.”

Imma r-realtà storj’oħra. Storja li ma tinkitibx bil-lipstikk. Tingħex; storja li trid snin


biex forsi tgħixha u li meta taħseb li għextha tintebaħ li dak li kont qed tgħix ma kien xejn għajr ħrafa. Meta ġew ġabuni haw’, ma qalulix jekk irridx ktieb, lipstikk jew xi karti, xi rrid niekol, nixrob u nilbes, jekk irridx naqra jew nikteb, inqaxxar il-lejħa jew niżbogħ difrejja, jekk irridx lil xi ħadd miegħi. Ma qalulix irridx il-lejl jew nhar għal dejjem jew irridx id-dlam mal-jum u d-dawl mal-lejl. Ħallewni hawn bil-ġranet jisbħu u jiddalmu u kif iridu huma ma’ kull tehmiża. Li trid tagħmel, dil-ġurnata. Anke l-ħin jgħaddi ż-żmien bija għax bla ma nintebaħ id-dawl jinbidel f’dlam u nsib ruħi għadni nobrox l-istejjer li nkun ħlomt.

F’daż-żmien kollu, ħarist darb’oħra ġo dak l-ilma. Kienet it-tieni darba dakinhar. Kollox eżatt l-istess. Ħlief għall-fili fondi fondi li baqgħu hemm u anzi żdiedu. Illum nerġa’ nħares. Aktar tard illum biex kif ix-xemx tkun għoddha nħbiet intemm ġrajja oħra: ġrajjet il-ħarsijiet?

Is-sebgħa ta’ filgħaxija u nerġa’ nersaq qrib ix-xifer. It-/tixxabbatx/ tixgħel iktar f’dal-ħin. Mhux bħall-ilma. L-ilm’ aħmar skur jiċċassa lejja. U jien niffissa lejh ngħodd kemm-il darba ħaristlu u nkun ċerta li din it-tielet darba; li darbtejn oħra biss kont ħarist. U nolfoq u nibda naħseb l’anke tlieta nsejt xi tfisser; tliet persuni f’alla wieħed? Tlett islabeb flok bewsiet? Tliet ħotbiet fuq ġbejla bogħod?

Sakemm jitfaċċa Bobbie.

“Hi. Jismek?”

U Bobbie jikteb ismu fit-trab.

“Ar’istra x’kumbinazzjoni. Bobby wkoll jien, Bobby bil-waj. Tistaqsinix għaliex.”

“U?”

“Wasalt ilbieraħ. Il-Maralla fuq il-blata, fl- art tal-Midinbin, qalet li se jibdew

jitfgħu lil nies bħalna hawn u dan skont xi liġi ġdida għandu jkun. Hemm,


fuq il- blata, ir-rata ta’ trabi qed tonqos u bina mas-saqajn qalu li tixxejjen biss

tista’. Għamlu xi referendu u għaddiet tal-poplu.”

“Kienet ilha ġejja.”

“Ija ija. U kważi kważi aħjar hekk. Haw’ isbaħ. Haw’ s-sħana, haw’ il-ftuħ u l-

ilma ċar. Għadni kemm ħarist ftit ilu.”

Nibla’ lsieni. Bobbie jibqa’ jgħid u jien nibqa’ nisimgħu. Bobbie bħali. Lilu wkoll biddluh f’gremxula u bagħtuh fuq dil-ġbejla. U l-ilma, jista’ qatt jagħraf gremxula minn oħra? Aħna kollha keffa waħda. Dari rari tara lilna u llum tara lilu, tara lili, le? L-ilma mejjet ma jagħrafx lil dak li jkun. U hawn barra l-blat, kollox ilma u kollox mejjet.

Wara kollox mhux daqshekk importanti.

Issa għandi gremxul’ oħra bħali li biex nagħrafni nħares lejh u ngħixu kuntenti għal dejjem.


ryan falzon



Introduzzjoni

La titkabbarx, għax hemm ċans li tinżel għarkubbtejk quddiemi, tagħmel inkin sfurzat. Le, mhux ħa nitolbok issensilli salib jew domna tad-deheb ma’ sidri, għandi minnhom dawk u ma għandix x’nambi tiegħek. U la tgergirx, għax nitfgħek fuq il-gżira ż-żgħira, espost fuq pedestall kiesaħ bħalek.

Hemm, ankrat mal-pedestal, il-ħolma-mit tal-belt kontinentali żgur tibqa’ ombra f’moħħok, ombra daqs il-figuri li rajt jaqsmulek f’ta’ Alla u Ommu f’nofs ta’ lejl.

Filfla

Għala ġejtu titfgħu l-bombi lili, titfgħuli l-jaħraq tal-blast ġol-kaxxa ta’ sidri? Ma tafux li jien in-nifs batut u l-istonku mherri? Lili ġejtu ssibu, tfajla li f’ħamsa u għoxrin sena l-ebda għarus li kelli qatt ma ħadni niekol, lili, ġzira insinifikanti?

Ġuvni baħri

Il-baħri redentur, itturufnat fuq gżira bla gost, imqabbad biex jipproteġi, imbuttat minn missieru biex iservi l-patria, il-patrija li bagħtitu ’l bogħod ma’ ħafna ġuvintur bħalu. Bagħtitu jbati, fit-tentazzjoni.

L-1960 u ma hemmx li jgħaddi kollox. Ix-xewqa kbira għat-temp griż li tant iħobb, hawn imqanna’ b’ għaraq u xemx. Moħħu sar kuritur twil ta’ statwi fuq pedestalli, waħda fejn l-oħra, ħafna Madonni. Madonna taċ-Ċintura, Madonna tal-Karmnu, Madonna ta’ Loretu, Madonna tal-Camorra. U fuq l-ikbar pedestall, Madonna tad-Duluri bil-qalb qantar deheb li ħallielha Wistin qabel miet, bl-istallet tad-djamanti li ħallset għalih Tessie.

U lilek, baħri bjond, min qed jistenna biex itaqqallek qalbek u jpoġġilek stallett ilellex ġo fiha?


Ewforiżmu

Il-belt kontinentali li fiha jiġri kollox f’kull ħin u aħna hawn, b’għajnejna jdemmgħu, qalbna magħfusa, b’idejna marbutin, inpexpxu fuq xulxin ġo għadira ilma b’ġebla finnofs.

Abbanduna l-ħolma, abbanduna art twelidek, tiha għax-xalar jew għal ġabra monasterjali, waqqaf il-konflitt intern, l-istennija tal-applaws mingħand udjenza katavri, l-ippjanar ta’ vaganzi ġo żoni militari, ix-xewqa ta’ ġiti għax-shopping ġo stabbilimenti kummerċjali nofshom vojta, il-weekend breaks lussużi ġo lukandi kkundannati li jeżistu biss f’moħħok.

Ma hemm xejn jistenniek fil-belt. Il-belt tgħaddi tajjeb mingħajrek u ma għandiex bżonnok. Lanqas art twelidek ma għandha bżonnok, ribell bħalek li ma jdendilx salib ta’ tmien ponot keychain maċ-ċwievet.

Ħadd ma għandu bżonnok. Inti biss figura kiesħa b’sesswalità ambigwa fuq pedestall imkagħbar tikkontempla l-eżistenza umana. Int ixxomm il-baħar kuljum ġo mnifsejk, imma l-melħ ma tafx x’togħma għandu. Ix-xemx ma għadhiex tbasktek, jekk qatt kienet tbasktek, għax int abjad wisq u fix-xemx ta’ dal-pajjiż tinħaraq u ssir aħmar biss taf. Int aħmar u l-baħar blu, il-kuluri komplimentarji ta’ dal-post.

Nawguralek li xi darba tinżel minn fuq l-pedestall u tlaħlaħ wiċċek bl-ilma baħar.

Skjav

Art twelidek u l-art imwiegħda, it-tnejn huma miraġġ.

Dejjem għixt fil-limbu, fin-nofs, fuq gżira, f’dalma, fejn il-baħar qatt ma jitqawwa u r-riħ ma jonfoħ qatt.

Il-kullar ta’ ma’ għonqi ssaddad, ma għadux tajjeb għal logħob sesswali selvaġġ.


Tiegħek għadu sod? It-tpinġija ta’ fuq sidri, l-“R”, intfiet, ħdaret b’mod ikrah. Xorta għadha tingħaraf ta. Anki l-ankra u d-demgħa mħażżin mal-ġenb ta’ wiċċi għadhom jingħarfu.

Ħadd qatt ma qalli xejn li ħa nsir hekk, li l-ġilda ħa tixrief u wiċċi jiddendel u nsir wiċċ il-ħniena. Kuntent bih, it-timbru ta’ wiċċ il-ħniena. Jieħdok f’toroq ġodda, u jimbarralek ohrajn. Toroq b’ħafna waqfiet għal tal-linja, u turġien jagħtu ‘l isfel għall-UBahn.

U jien hawn, bil-kullar ma’ għonqi.

Xenqa

Int twelidt tixxennaq, sakemm xi ħadd jinfidlek qalbek f’attentat li jwaqqfek u jispiċċa jxennqek iżjed, tant ixennqek li jkollok tirtira, tmur tgħix fuq ġżejjer uġigħ mifruxa mal-arċipelagu ta’ ġismek. Gżejjer li jattakkawhom it-torok, irabbu l-ħnieżer fuqhom, magħhom jaħbat San Pawl. Gżejjer li darba kuljum iżurhom vapur abjad idaħħan iqassam il-provvisti. U kultant il-baħrin, meta jgħejjew, inaqqxu salib jew iħażżu vapur mal-ħitan mielħa tal-kappelli sparpaljati fuq ix-xagħri ta’ sidrek ċatt.

Int Alla tiegħek innifsek u ma jkollokx Alla ieħor għajrek. Itlob għal apokalissi atomika, għal qtil makabru ta’ min weġgħek. Aħdem għad-distruzzjoni tal-għadu u hemm jitqaddes ismek. Fittex li titqarben kuljum u tishar fuq ħsibijietek. Fost ix-xewqat kollha, itma’ biss dik li titla’ l-ġenna bir-ruħ u l-ġisem.


Issuu converts static files into: digital portfolios, online yearbooks, online catalogs, digital photo albums and more. Sign up and create your flipbook.