6 minute read

30 Sena ta’ Memorji mill-MALTA SUMMIT

30 Sena ta’ Memorji mill-MALTA SUMMIT

BUSH - GORBACHEV

1989 - 2019

Ma ninsew qatt inkunu l-pont li jwassal għall-paċi!

Miktub mid-deputat Editur ta’ IT-TORĊA, Melvin Farrugia

Minkejja ċ-ċokon tagħna bħala pajjiż, il-kuraġġ u l-għaqal li dejjem kellhom il-mexxejja tagħna wassluna biex nagħmlu affarijiet kbar li jibqgħu mnaqqxin fl-istorja tagħna.

Għalkemm f ’din l-okkażjoni servejna l-aktar bħala l-post fejn iltaqgħu tnejn millakbar mexxejja tad-dinja, u minkejja li jingħad li stajna sfruttajniha aktar għallvantaġġ tagħna, però min-naħa l-oħra konna xhieda ta’ dak kollu li ġara u ta’ dak kollu li ntqal bejniethom. Flimkien għamlu wegħdi importanti għaż-żamma tal-paċi fid-dinja li biddlu l-istorja tal-umanità għal kif nafuha llum.

Illum, li għaddew 30 sena minn din il-ġrajja, tajjeb li niftakru kemm swejna ta’ ġid meta lqajna laqgħa daqstant importanti f ’pajjiżna u nifhmu kemm kienet u għadha importanti n-newtralità tagħna, li proprju wasslet biex dawn il-mexxejja jagħżlu lil Malta biex jitkellmu bejniethom.

Fl-istess waqt, tajjeb li nkunu aħna dawk li nfakkru liż-żewġ superpotenzi li ltaqgħu f ’pajjiżna dwar dak li rnexxielhom jiksbu flimkien. Tajjeb li llum il-ġurnata kemm l-Istati Uniti, kif ukoll ir-Russja, ma jinsewx x’kien ġara u x’kienu ftehmu, filwaqt li jaraw kif jistgħu jagħmlu biex jibqgħu jżommu ma’ dak li kienu qalu. Fejn naqsu lil xulxin tajjeb li jirrikonċiljaw ħalli flimkien jerġgħu jgħinu ħalli nibnu dinja aħjar.

Nifhmu li l-politika ta’ bejniethom hi bil-wisq aktar ikkumplikata milli nistgħu qatt naħsbu, però nħossu li għandu jsir sforz ġenwin min-naħat kollha, ħalli l-paċi fid-dinja tibqa’ tinżamm, filwaqt li dejjem naħsbu b’mod ġenwin kif nistgħu nkunu aħna dawk li nġibu l-paċi fid-dinja.

Intant, f ’dan il-ktejjeb aħna pprovajna nġeddulkom ftit il-memorji ta’ dak li kien seħħ 30 sena ilu f ’dawk iljumejn ikkaratterizzati minn maltemp kbir. Filwaqt li rnexxielna nitkellmu mal-mexxejja kurrenti ta’ pajjiżna, aħna pprovajna wkoll inkellmu lill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Eddie Fenech Adami. Minħabba raġunijiet ta’ saħħa hu ma setax jitkellem magħna. Ipprovajna wkoll nikkuntattjaw lil Mikhail Gorbachev li hu l-uniku wieħed mill-mexxejja tas-superpotenzi u protagonisti ta’ dakinhar li għadu ħaj. Kull kuntatt li pprovajna nagħmlu miegħu rriżulta fin-negattiv.

Tletin sena ta’ memorji mill-Malta Summit

Miktub minnMelvin Farrugia

Kien biss ftit snin qabel ma ġie mlaqqa’ l-Malta Summit bejn Bush u Gorbachev f ’Malta li Gvern Laburista kien daħħal il-kwistjoni tan-newtralità u n-nonallineament fil-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna.

Iżda meta tela’ Gvern Nazzjonalista, dan ma kienx daqstant ċar dwar il-pożizzjoni li kien qed jieħu pajjiżna f ’dan ir-rigward u fil-fatt ġie anke kkritikat dwar dan. Filwaqt li l-Prim Ministru Malti ta’ dak iż-żmien kellu jieħu pożizzjoni ċara dwar ir-rieda Maltija li l-baħar Mediterran ikun baħar ta’ sliem u għalhekk jitwarrbu l-armamenti nukleari, dan naqas milli jagħmel dan u spiċċa uża dan l-avveniment biss għat-teħid tar-ritratti.

Min-naħa l-oħra, il-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni ried jisfrutta s-sitwazzjoni li kien se jkun hawn żewġ mexxejja tal-akbar qawwiet fid-dinja u ried iwasslilhom il-messaġġ li jinxtered il-paċi fid-dinja. Allura organizza Manifestazzjoni għall-Paċi bit-tema “Give Peace a Chance”.

Il-poplu Malti feraħ li dawn iż-żewġ mexxejja kienu għażlu proprju pajjiżna biex jitkellmu bejniethom u għalhekk kien hawn interess kbir. Sakemm ma waslet ilġurnata li fiha kellhom jaslu ż-żewġ mexxejja, kien hawn preparazzjoni kbira hekk kif waslu f ’pajjiżna l-bastimenti li kellhom jintużaw. Ħadd ma kien qed ibassar li kien se jkun maltemp kbir u li eventwalment il-laqgħat kien se jkollhom isiru fuq bastiment Russu li tpoġġa mal-moll f ’Marsaxlokk.

L-ewwel ma wasal kien il-bastiment Amerikan Belknap, eskortat minn seba’ bastimenti oħra. L-għada wasal il-bastiment Sovjetiku, is-Slava. Filwaqt li s-Sovjetiċi taw minnufih il-kelma tagħhom li l-bastiment tagħhom kien mingħajr armamenti, l-Amerikani ma ridux jagħmlu l-istess istqarrija u fil-fatt qamet kwistjoni filParlament hekk kif l-Oppożizzjoni Laburista bdiet titlob lill-Prim Ministru Eddie Fenech Adami biex jikkonferma li l-bastiment Amerikan ma jkollux armi nukleari fuqu. Jidher li Fenech Adami kien talab lill-Oppożizzjoni biex f ’dan il-każ issir eċċezzjoni iżda dan ma ġiex aċċettat mill-Partit Laburista.

George Bush wasal Malta l-Ġimgħa fl-10.00 a.m. dirett mill-Istati Uniti, filwaqt li Mikhail Gorbachev wasal fl-istess ġurnata iżda xil-11.00 p.m. mill-Italja. Jidher li dan kien jinsab l-Italja fuq żjara u ttardja ma jiġi Malta għax l-ajruplan Aeroflot ma setax jitlaq minħabba ċ-ċpar.

Filwaqt li Bush intlaqa’ b’ħafna entużjażmu peress li wasal filgħodu, il-wasla ta’ Gorbachev kienet aktar fjakka peress li għamel ħafna maltemp u kien il-ksieħ. Ilmexxejja ntlaqgħu mill-President Ċensu Tabone u mill-Prim Ministru Eddie Fenech Adami.

Intant, hekk kif bdew id-diskussjonijiet bejn iż-żewġ mexxejja, jidher li Bush minnufih wiegħed l-appoġġ u l-għajnuna lill-politika tal-Perestroika li kien qed imexxi Gorbachev. Kien qal li permezz tal-politika tiegħu dan il-mexxej Sovjetiku kien qed jirnexxilu jbiddel wiċċ l-Unjoni Sovjetika u anke tal-Ewropa tal-Lvant.

Minħabba l-maltemp, il-laqgħat kellhom isiru kollha fuq il-bastiment lussuż Sovjetiku - Maksim Gorky. Filwaqt li xi laqgħat kellhom jitħassru, jidher li l-maltemp ma fixkilx mill-ottimiżmu taż-żewġ mexxejja li wrew li kellhom burdata tajba u f ’xi mumenti anke taw sinjali ta’ umoriżmu bejniethom. Huma ddiskutew is-sitwazzjoni fil-Mediterran u għamlu enfasi fuq il-bżonn li jsiru sforzi kostruttivi ħalli tiġi stabbilita żona reġjonali ta’ paċi u koperazzjoni.

Matul dawn il-ġranet, f ’pajjiżna kien hawn sigurtà stretta. Jidher li l-Amerikani kellhom aircraft carriers jistennew fil-qrib, mal-100 ajruplan tal-ġlied jistennew u ajruplan USE2C li beda jittajjar fuq Malta lejliet tal-laqgħat. Barra minn hekk, jidher li l-Amerikani ħadu kontroll fuq is-sigurtà tal-ajru u tal-baħar, tant li jingħad li l-ħaddiema tal-Kalaxlokk intbagħtu lejn id-dar fuq btala u l-istess anke l-ħaddiema f ’Kastilja.

Min-naħa l-oħra, is-Sovjetiċi jingħad li ġabu hawn Malta wħud mill-aqwa esperti tal-midja biex dawn il-laqgħat jiġu rrapportati bl-aqwa mod. Fis-summit ġie deċiż li l-mexxejja għandhom jerġgħu jiltaqgħu f ’Ġunju ta’ wara fl-Istati Uniti.

Flimkien ma’ Gorbachev, kienet ġiet ukoll f ’pajjiżna l-mara tiegħu li ġie rrapportat li kellha anke żżur xi tfal tal-iskola fl-iskola tas-snajja’ tal-Imtarfa. Peress li ż-żjara tagħha kellha ssir il-Ħadd, jidher li l-istudenti kienu ntalbu biex jattendu.

Il-Mexxej Sovjetiku kien wera apprezzament lejn Malta minħabba l-fatt li kienet ospitat dan is-summit. Fil-fatt, aktar tard ir-rivista Time Magazine kienet żvelat li kienu r-Russi li għażlu biex is-summit isir f ’pajjiżna.

Minħabba l-maltemp, il-manifestazzjoni tal-paċi li kien organizza l-Partit Laburista ma setgħetx issir fuq il-Fosos tal-Floriana kif kien ippjanat u minflok kellha ssir fir-Radio City. F’din il-manifestazzjoni kienu ħadu sehem kantanti ta’ fama internazzjonali fosthom anke Chris De Burgh. Jidher li dan kien ġie offrut flus kbar biex ma jiħux sehem iżda ma kienx aċċetta. Fl-istess waqt jidher li l-Partit Nazzjonalista kien talab lill-Partit Laburista biex jieħu sehem fid-dimostrazzjoni, iżda wara li beda jimponi diversi kundizzjonijiet ġie deċiż li ma jiħux sehem.